Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 13 PQ #8766 Sitting 195 2019-02-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Direttorati tal-Edukazzjoni – rapport ta’ aggressjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta’ aggressjoni fuq edukaturi rċevew id-Direttorati tal-Edukazzjoni minn kull kulleġġ statali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Tajjeb li l-Onor. Interpellant jinnota li għall-edukaturi, il-MEDE ħoloq portal http://edu.gov.mt/support fejn huma jistgħu jibagħtu fuq esperjenzi t’aggressjoni li għaddew minnhom. Hekk jingħataw l-assistenza. Imbagħad, il-każ tagħhom jiġi segwit mid-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi kull ġimgħa. Infurmat li minn Jannar 2019 s'issa, kien hemm 23 ilment marbuta ma’ disa’ (9) każijiet separati.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liemu kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

St. Andrew’s — National Sport School

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-amministrazzjoni tan-National Sport School f’St Andrew’s tistax tieħu deċizjoni li tagħlaq l-imsemmi skola għal numru ta’ ġranet meta ma jkunx hemm studenti u fl-istess żmien li fih l-iskola tkun magħluqa, l-istess amministrazzjoni tobbliga lill-ħaddiema kollha ta’ din l-iskola jieħdu l-leave u dan għaliex l-istess skola tkun magħluqa? Jista’ l-Ministru jgħid jekk amministrazzjoni ta’ skola tistax tobbliga biex il-ħaddiema jieħdu l-leave u b’hekk il-ħaddiema qed jiġu sforzati jitilfu madwar 13-il ġurnata leave?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġejt infurmat li meta jinħass il-bżonn, l-amministrazzjoni tal-iskola titlob lill-ħaddiema (li mhumiex edukaturi) biex jieħdu leave meta ma jkunx hemm skola (vakanzi ta’ Novembru, Milied, Karnival u l-Għid). Dan isir bi qbil magħhom ħalli l-iskola tibqa’ tagħti l-aħjar servizz lill-istudenti u ma tinqabadx mingħajr servizzi neċessarji. Dan ma japplikax għall-vakanzi tas-Sajf. Jekk l-Onor. interpellant għandu informazzjoni addizzjonali dwar xi każ partikolari, nitolbu jgħaddili l-informazzjoni privatament.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji - attendenza għal festini/riċevimenti/ikliet/parties

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sports u Għaqdiet Volontarji jgħid jekk kienx mistieden, u jekk iva, jekk attendiex u f'liema data, għal festini/riċevimenti/ikliet/parties eċċ. f’kwalsiasi residenza privata jew proprjetà privata, inkluż fil-limiti tas-Siġġiewi u/jew Ħaż-Żebbuġ iżda mhux biss, ta’ xi membru tal-Ġudikatura matul ix-xahar ta’ Diċembru 2018? Jista’ jgħid jekk dan japplikax ukoll għal kwalsiasi Kap ta’ Dipartiment jew Chief Executive jew Chairman ta’ kull entità li taqa’ taħtu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li l-kontenut ta’ din l-interpellanza jmur kontra r-regoli stabbiliti dwar l-interpellanzi mill-Ordni Permanenti 27 peress li l-interpellanza fiha imputazzjoni (u ċioè li s-sottoskritt u s-Segretarju Parlamentari jew persuni li jmexxu dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu ġew ospitati privatament minn ‘xi membru tal-ġudikatura’) u wkoll peress illi tirrelata għall-kondotta ta’ persuna mhux fil-kariga uffiċjali jew pubblika tagħha.

Fgura – trasport tal-iskejjel – pick up u drop off point

Question

B’referenza għall-informazzjoni addizzjonali mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7313, jista’ l-Ministru jibgħat għall-ġenituri biex jispjega għalfejn ix-xufier qiegħed jiddetermina huwa fejn hija ’l hekk imsejħa pickup u drop off point bi skuża ta’ traffic management jew li qiegħed jieqaf fit-triq biex studenti jmorru jixtru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi fil-ġranet li ġejjin uffiċjali tad-Dipartiment se jiltaqgħu mal-ġenituri kkonċernati.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (BARTOLO, EVARIST)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ta’ Kandja – Shooting Range

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-shooting range f'Ta' Kandja, li ġiet inawgurata ftit tax-xhur ilu, illum tinsab fi stat ta' abbandun apparti li preżentement lanqas biss qed tintuża mit-tiraturi Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bi ftehim mal-federazzjoni nazzjonali tal-isparar, li hija r-rappreżentanta nazzjonali fil-federazzjoni internazzjonali tal-isparar (ISSF), ix-shooting range f'Ta' Kandja ser jibda jopera, skont kif miftiehem, mill-1 ta’ Marzu 2019. M'hemmx għalfejn wieħed jgħid li f'dawn l-operazzjonijiet ser jittieħed f'kunsiderazzjoni u jiġi ssalvagwardjat l-ogħla livell ta' saħħa u sigurtà għal kull min jaħdem fil-faċilità u għal kull min jagħmel użu mill-faċilità.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Assistenti Parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu kellux Assistenti Parlamentari fil-leġiżlatura ta' bejn is-sena 2008 u s-sena 2013? Jista’ jgħid x'kienu l-kundizzjonijiet marbuta ma’ tali rwol, kemm dawk finanzjarji kif ukoll perkaċċi oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. interpellant li fil-leġiżlatura ta’ bejn is-sena 2008 u s-sena 2013 fil-Ministeru għall-Edukazzjoni kien hemm Assistent Parlamentari, li kien Stephen Spiteri. Għall-kundizzjonijiet nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Papers Laid numru 7378 tal-11-il Leġiżlatura li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra mill-Ispijker fl-10 ta’ Ġunju 2011. Fit-tweġiba, li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, hemm indikat li l-Assistenti Parlamentari bejn l-2008 u l-2013 kienu jitħallsu 65% ta’ Skala 1 tas-Servizz Pubbliku (ekwivalenti għal €29,577.60ċ, skont il-grad tal-lum), flimkien ma’ servizzi ta’ linja fissa tat-telefown u mowbajl.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook li huma amministrati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu jew minn persuni oħra jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u jindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi kif se nsemmi: Lista ‘A’ - Ministeru/Direttorati/Dipartimenti/Kulleġġi/Skejjel Lista 'B' - Entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Libreriji Pubbliċi – self ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni reġistrati biex jissellfu kotba mil-libreriji pubbliċi maqsuma skont l-età? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni ssellfu kotba fl-aħħar ħames snin, maqsuma skont l-età? Jista’ jgħid kemm qed jissellfu kotba fil-format stampat u kemm e-books, maqsuma skont l-età? X’inizjattivi qed jittieħdu biex jiġu attirati aktar persuni biex jissellfu kotba mil-libreriji pubbliċi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub fl-ewwel, it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija huwa kif ġej: Kemm huma l-persuni reġistrati biex jissellfu kotba mil-libreriji pubbliċi maqsuma skont l-età Kategorija Numru ta’ persuni Żgħar (0-12) 50,219 Intermedji (13-17) 16,225 Adulti (18+) 72,210 Total 138,654 Kemm persuni ssellfu kotba fl-aħħar ħames snin, maqsuma skont l-età Kategorija 2015 - 2018 Żgħar (0-12) 19,810 Intermedji (13-17) 5,303 Adulti (18+) 27,618 Total 52,731 Is-sistema preżenti ta’ Malta Libraries bdiet fis-seħħ fl-aħħar tal-2014 u allura l-informazzjoni pprovduta hija għall-aħħar erba’ snin. Kemm qed jissellfu kotba fil-format stampat u kemm e-books, maqsuma skont l-età In-numru ta’ kotba fil-format stampat mislufa fl-2018 jammonta għal 1,011,657. Kategorija Numru ta’ kotba mislufa Żgħar (0-12) 643,708 Intermedji (13-17) 27,283 Adulti (18+) 340,666 Total 1,011,657 In-numru ta’ talking books mislufa fl-2018 jammonta għal 2,489 filwaqt li n-numru ta’ ebooks mislufa fl-2018 jammonta għal 8,200. Dawn il-kategoriji mhux possibbli jinqasmu skont l-età. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-inizjattivi li qed jittieħdu biex jiġu attirati aktar persuni biex jissellfu kotba mil-libreriji pubbliċi huma kif se nsemmi: · Kollaborazzjoni mal-Aġenzija Nazzjonali tal-Litterizmu sabiex isiru sezzjonijiet ta’ qari għat-tfal ta’ etajiet varji. · Qed inkomplu ninvestu wkoll f’kollezzjoni ta’ comics u novelli grafiċi, kif ukoll kotba dyslexic friendly. · Sar ftehim mad-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex isir rinovar f’kull librerija permezz ta’ skema li ħarġu. Ġibna wkoll prezz speċjali mingħand l-Awtorità Maltija tal-Kommunikazzjoni biex f’kull librerija jkun hemm WIFI b’xejn. · Żidna l-ammont ta’ kotba li jistgħu jissellfu t-tfal minn sitta għal tmienja. · Provdejna sapport kontinwu lil librara biex ikunu jistgħu jagħtu servizz aħjar lil komunità. · Qed isir iktar investiment f’attivitajiet varji fil-libreriji li jinkludu letteratura klassika Griega, drama, mużika, coding u arti fost oħrajn.

Valletta — Skola tal-Arti - lift

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi stallat lift fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada se tkun qed twettaq proġett ta' restawr u tisbiħ fl-Iskola tal-Arti fil-Belt Valletta. Dan il-proġett jinkludi wkoll installazzjoni ta' lift. Bħalissa l-Fondazzjoni qiegħda tħejji t-tender għax-xogħlijiet ta' restawr u ta' finishing f'din l-iskola.

Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol — nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7524 waqt is-seduta ta' nhar is-27 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7524.
Leg 13 PQ #8448 Sitting 188 2019-01-28 Oral · Final From: RYAN CALLUS To: Ministeru għall-Edukazzjoni u Xogħol

Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet li għadhom ma tħallsux

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta' Assoċjazzjonijiet u Federazzjonijiet li għadhom ma tħallsux l-ammont imwiegħed lilhom għas-sena 2018 sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-flus lil dawk il-klabbs li huma affiljati magħhom u li jikkompetu barra minn Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-federazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet kollha li għamlu t-talba għal rimbursar ta’ flus imwegħdin minn SportMalta u li preżentaw id-dokumentazzjoni neċessarja kollha biex iseħħ tali pagament, kollha ġew proċessati.

Għalliema on a full-time indefinite basis li telqu mill-professjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema full-time on an indefinite basis li telqu mill-professjoni fl-aħħar għaxar snin (mill-bidu ta’ Jannar 2008 u mhux tas-sena skolastika) mingħajr ma jkunu inklużi dawk li kisbu promozzjoni jew biddlu l-pożizzjoni tagħhom fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol stess?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ għalliema li rriżenjaw fl-aħħar għaxar snin (mill-bidu ta’ Jannar 2008 u mhux tas-sena skolastika) huwa skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. F’din l-informazzjoni mhux qed jiġu inklużi dawk l-għalliema li kisbu promozzjoni jew biddlu l-pożizzjoni tagħhom fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol stess. Sena Numru ta' Riżenji 2008 26 2009 27 2010 32 2011 40 2012 42 2013 38 2014 42 2015 39 2016 32 2017 47 2018 57 2019 8

Ingaġġ ta’ għalliema fi grad ta’ Supply Teachers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm għalliema li ġew impjegati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-grad ta’ supply teacher, fil-kategorija A, B u C fl-aħħar għaxar snin (mill-bidu ta’ Jannar 2008 u mhux tas-sena skolastika)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li l-għadd ta’ għalliema li ġew impjegati mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-grad ta’ supply teacher, fil-kategorija A, B u C fl-aħħar għaxar snin (mill-bidu ta’ Jannar 2008 u mhux tas-sena skolastika) huwa skont kif ġej: SenaIngaġġati bħala Supply Teacher 2008107 200954 201064 201162 201275 201369 2014100 2015104 201688 201781 201863

Studenti fil-kors ta’ għalliem fl-Università jew Institute for Education

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li bħalissa qed jattendu xi kors fl-Università jew fl-Institute for Education tul is-sena skolastika 2018/2019 li eventwalment iwassalhom sabiex ikunu eliġibbli għall-grad ta’ teacher full-time on an indefinite basis f’Malta? Jista’ jispeċifika jekk dan l-ammont huwiex biżżejjed għall-esiġenzi tal-futur li jirrikjedu l-iskejjel kollha f’Malta? Jista’ jispeċifika x’inhu n-nuqqas ta’ għalliema għas-sena skolastika 2018- 2019 fis-setturi tal-primarja, tas-sekondarja u fil-każ tal-aħħar, f’liema suġġetti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf l-Onor. Interpellant li n-numri ta' studenti li fis-sena akkademika 2018/19 qed jattendu korsijiet fl-Università ta' Malta li eventwalment iwassluhom sabiex ikunu eliġibbli għall-warrant ta' għalliem f’Malta huma kif ġej: Faculty Course Total Faculty of Education Bachelor of Education (Honours) 107 Master in Teaching and Learning 161 Total 268 In-numru ta' parteċipanti fil-korsijiet fl-Institute for Education huwa ta' 67 maqsuma kif ġej: B.Ed - 19 M.Ed - 35 PGCP - 13 Ninforma l-Onor. interpellant li l-bżonn għal għalliema ma jonqos qatt. Fil-fatt il-Ministeru investa fl-Institute for Education biex dan l-Istitut joffri wkoll korsijiet part-time għal dawk in-nies li qed jaħdmu u jixtiequ jsiru għalliema. Dan minbarra l-korsijiet full-time li kienu u għadhom joffru l-Università ta' Malta. Kif naħseb japprezza l-Onor. interpellant l-esiġenzi fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jinbidlu matul is-sena skolastika. Dan minħabba raġunijiet varji fosthom maternity leave, mard, bżonn ta’ leave urġenti, riżenji u oħrajn. Bħalissa għandna nuqqas ta’ tliet (3) għalliema fis-sekondarja (Ingliż, P.E u Geography). Fil-Primarja għandna nuqqas ta’ tliet (3) għalliema tal-Arti u żewġ (2) għalliema tal-Mużika fis-servizz tal-peripatetic. Fil-każ tal-peripatetic, il-Kulleġġi jagħmlu rotation ta’ l-għalliema fil-kulleġġ biex, sakemm jinstabu replacements, ikollna l-istudenti kollha li jkunu qed jieħdu lezzjonijiet. Fil-ġimgħat fejn ma jkollhomx għalliem peripatetic, ikun l-għalliem tal-klassi li jkun qed jagħmel dawn il-lezzjonijiet.

Għalliema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jispjega kemm kien hemm għalliema ġodda impjegati bħala indefinite full-time u/jew definite full-time u/jew definite supply għall-ewwel darba fis-setturi tal-primarja u tas-sekondarja għas-sena skolastika 2018-2019?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat li n-numru ta’ għalliema ġodda li ġew impjegati bħala indefinite full-time u/jew definite full-time u/jew definite supply għall-ewwel darba fis-setturi tal-primarja u tas-sekondarja għas-sena skolastika 2018-2019 huwa kif ġej: Għalliema ġoddaPrimarjaSekondarja indefinite full-time4493 definite full-timeNILNIL definite supply1540

Kunsill Skolastiku tal-Iskola ta’ Marsaskala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Kunsill Skolastiku fl-Iskola Primarja ta’ Marsaskala? Jekk iva, x’attivitajiet twettqu minn dan il-Kunsill matul is-sena l-oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, iva, hemm Kunsill Skolastiku fl-iskola ta’ Marsaskala magħmul minn President, Segretarju (il-Kap tal-Iskola), tliet edukaturi u tliet ġenituri. L-attivitajiet kienu: - Open Week : attivitajiet fil-klassijiet mal-ġenituri; - Jum iċ-Ċelebrazzjoni mal-mistidnin distinti u ġenituri; - Attivitajiet tal-Milied (fil-klassijiet u fuq il-palk) mal-ġenituri; - ‘ Farewell ’ tal-Istudenti tas-Sitt Sena; - Sports fil-komunità mal-ġenituri; - Laqgħat għall-ġenituri minn Sedqa u PSCD; - ‘ Carnival Fun Walk ’ – sfilata mit-tfal max-xatt ta’ Marsaskala; - Ritratti tal-Milied; - Fiera tal-Ktieb; u - Fiera tal-Pjanti.

Childcare bla ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li gawdew mill-iskema ta’ childcare bla ħlas matul is-sena 2018?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ tfal li gawdew mill-iskema ta’ childcare bla ħlas matul is-sena 2018 kien ta’ 6,737.