għaqdiet non governattivi — użu minn faċilitajiet li jinsabu fl-iskejjel tal-gvern
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-għaqdiet non governattivi li għamlu użu minn faċilitajiet diversi li wieħed isib fl-iskejjel tal-Gvern, kulleġġ b’kulleġġ, bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u t-30 ta’ April 2009 u kemm kien id-dħul finanzjarju, jekk kien hemm, minn dan l-użu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
entitajiet kummerċjali — skejjel tal-gvern - użu minn faċilitajiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-entitajiet kummerċjali li għamlu użu minn faċilitajiet diversi li wieħed isib fl-iskejjel tal-Gvern, kulleġġ b’kulleġġ, bejn l-1 ta’ Settembru 2008 u t-30 ta’ April 2009 u kemm kien id-dħul finanzjarju għal kull kulleġġ minn dan l-użu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-Gvern bejn l-2003 u l-2008 fi proġetti ta’ tqegħid ta’ turf sintetiku f’faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-Gvern u dawk li huma proprjetà tal-Gvern imma li ma jinsabux fi skejjel?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-nefqa totali bejn l-2003 u l-2008 fi proġetti ta’ tqegħid ta’ turf sintetiku f’faċilitajiet sportivi fl-iskejjel tal-Gvern u dawk li huma proprjeta’ tal-Gvern imma li ma jinsabux fi skejjel hija ta’ €1,151,450.08.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex ġew ikkancellati l-interviews għall-assistant care workers fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi li kellhom isiru din il-ġimgħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-call ta’ Assistant Care Worker fi ħdan id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi setgħu japplikaw għaliha uffiċjali pubbliċi fi grad bi skala mhux ogħla minn skala 16.
Kien hemm numru ta’ applikanti li nħarġilhom il-GP 47, u l-Bord tal-Għażla nduna li xi wħud mill-applikanti kienu jaħdmu fuq bażi
part
-
time
.
Il-Bord talab kjarifika fuq l-eleġibilita’ ta’ dawn l-applikanti mingħand il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
L-intervisti ġew posposti sakemm il-kummissjoni tagħmel il-kjarifiki tagħha.
MCAST — Korsijiet għal studenti b'diżabilità intelletwali
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux korsijiet fl-MCAST għal studenti li jkollhom xi forma ta' diżabilità intelletwali? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid liema huma dawn il-korsijiet, kemm applikaw għalihom fl-aħħar tliet snin u kemm kienu dawk li ġew aċċettati f 'dawn il-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fost il-programmi ta’ studju, l-Kulleġġ Malti tal-Arti Xjenza u Teknoloġija joffri kors speċjaliżżat għal persuni b’diżabilita’ intelletwali minn dik minima għal moderata.
Dan il-programm ta’ taħriġ għal ħajja aktar indipendenti u b’xejra vokazzjonali huwa mifrux fuq sentejn.
Fl-aħħar tliet snin applikaw tmienja u t-tmienja kienu aċċettati ħlief għall-aħħar sena 2008 – 2009 fejn applikaw sebgħa u ħamsa ġew aċċettati. Ir-raġunijiet għalfejn żewġ studenti ma ġewx aċċettati kienu li l-programm ma kienx addattat għalihom fis-sens li l-ħtiġijiet tagħhom kienu ferm aktar minn dak li jista’ joffri l-programm.
Preparazzjoni għal dan il-kors ma’ dawk kollha interessati issir matul is-sena ta’ qabel u għalhekk l-istudenti flimkien mal-ġenituri jkunu jafu minn qabel jekk il-programm hux addattat għalihom jew le.
ln-vista tat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 8806, jista' l-Ministru jgħid meta d-Dipartiment tal-Artijiet ser inaddaf u jieħu ħsieb l-oqbra puniċi li hemm fl-inħawi t'Għajn Dwieli, limiti ta' Raħal Ġdid?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport m’hux responsabbli għad-Dipartiment tal-Artijiet u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm żgħażagħ b’diżabilità li qed jistennew jingħataw l-għajnuna ta’ Learning Support Assistant fl-MCAST?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija għandu 56 talba għal xi forma ta’ għajnuna li tista’ tingħata mill-Learning Support Assistants. Din l-għajnuna tvarja minn assistenza waqt xi lezzjonijiet għal siegħa/sagħtejn fil-ġimgħa, għajnuna ta’ assistenza waqt l-eżamijiet kif wkoll għajnuna addizzjonali li tiġi mogħtija fil-ħin liberu ta’ l-istudent/a waqt il-ħinijiet tal-Kulleġġ. F’xi kazijiet partikolari ħafna il-Learning Support Assitant tkun teħtieg li tassisti kontinwament lil-istudent/a minħabba l-kundizzjoni tiegħu/tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm żgħażagħ b’kollox, istitut b’istitut, li bdew xi kors fl-MCAST iżda issa m’għadhomx jattendu, anki jekk ma ffirmawx formalment ir-riżenja tagħhom mill-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Tista' l-Ministru tgħid it-tifel li dettalji tiegħu qed jinbagħtu separatament, spiss mhux qed jiġi aċċetat fil-klassi jew jintbagħat kmieni d-dar u mindu beda l-edukazzjoni tiegħu kellu tmien learning support assistants differenti li b'servizz edukattiva inkonsistenti bħal dan żgur ma jgħinx fl-iżvilupp tiegħu? X'passi se jittieħdu biex is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tifel konċernat għandu support ta’ Learning Support Assistant one-to-one. Din is-sena skolastika beda jkollu diffikultajiet fl-imġieba tiegħu li setgħet tkun ta’ periklu għalih u għat-tfal l-oħra. Il-passi diġa ttieħdu u kien hemm interventi minn professjonisti biex jgħinu lil dan it-tifel, l-LSA u l-għalliema tiegħu. Ġie deċiż bi qbil mal-ġenituri illi t-tifel jibda jattendi filgħodu biss sakemm l-imġieba tiegħu tkun ikkontrollata.
It-tifel bidel tlett LSAs u ta’ l-ahhar inbidlet bi qbil minn kulħadd inkluż il-ġenituri għal ġid tat-tifel għaliex kien hemm diffikulta fil-
matching
.
Billi f'dawn l-aħħar ġimgħat qed jissemma' li l-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar ser tingħalaq biex minflok tintuża biex joqogħdu fiha l-immigranti, tista' l-Ministru sserraħ moħħ il-ġenituri u r-residenti li dan mhuwiex minnu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Konxja tan-numru tax-xniegħat li għaddejjin f’dawn l-aħħar ġimgħat, niżgura lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda ħsieb li xi skola tal-istat tingħalaq u tintuża bħala residenza għall-immigranti, la f’San Pawl il-Baħar u lanqas f’xi lokalita’ oħra ta’ Malta u Għawdex.
Tista' l-Ministru tgħid fis-sitwazzjoni ta' bilingwaliżmu li ninsabu fiha u fid-dawl li r-riċerkaturi li jużaw il-lingwa indiġena ikunu fi żvantaġġ f'oqsma bħal xjenza u l-matematika, hemm xi ħsieb li titfassal strateġija lingwistika serja kif ngħinu lit-tfal jgħelbu din l-isfida?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Huwa l-ħsieb li issues bħal bilingwiżmu jiġu diskussi fil-qafas tar-reviżjoni tal-Curriculum Framework. Huwa ppjanat li sa l-aħħar tas-sena ser ikun ħareġ abbozz li se jkun imniedi għal diskussjoni ma’ kull min għandu interess fil-qasam.
Tista’ l-Ministru tara li l-Università taħtar ‘
interviewing board
’ differenti minn dak li deher quddiem il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għall-post ta’ MATSEC
Principal Subject Area Officer - Arts and Languages
peress li meta deher l-ewwel darba quddiemu u ddeċieda li ma jaħtrux, anki l-Ombudsman tal-Università qal li r-rifjut tal-bord li jaħtar lil din il-persuna kien jimmerita spjega iżjed ċara, dettaljata u elaborata u jkun hemm nuqqas ta’ ġustizzja naturali jekk jinħatar l-istess bord biex jerga’ jintervista lill-istess persuna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skond il-Liġi ta’ l-Edukazzjoni, Statut 8, l-Interviewing Board huwa magħmul minn dawn il-membri:
Ir-Rettur jew delegat tiegħu li jmexxi l-Bord. Tlett membri appuntati mill-Kunsill. Wieħed minn dawn ikun membru Akkademiku tal-Kunsill, membru ieħor huwa uffiċjal għoli fl-amministrazzjoni u t-tielet membru jkun membru tal-Kunsill li ma jaħdimx l-Universita’. Dawn il-membri jiġu magħżula bi proċedura li hi rregolata mill-Kunsill.
l-Ombudsman tal-Universita’ qatt ma sab li kien hemm xi rregolarita’ fil-mod kif mexa l-Interviewing Board għall-post ta’ Principal Subject Area Office – Arts and Languages. L-Ombudsman ikkonkluda li ma saret l-ebda diskriminazzjoni kontra l-applikant. Il-punt li għamel l-Ombudsman hu l-Universita’ għandha tagħti aktar informazzjoni lill-applikanti dwar il-performance tagħhom waqt l-intervisti li jsiru. L-Ombudsman jagħmel referenza għall-iStandard Rejection Letter li toħroġ mill-Universita’ u bl-ebda mod ma jippunta subajgħ lejn is-Selection Bord li mexxa l-intervisti f’dan il-każ.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni fil-qasam edukattiv governattiv bejn Jannar u Marzu 2008 u f’liema gradi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-għadd ta’ persuni li ġew impjegati fil-qasam edukattiv Governattiv bejn Jannar u Marzu 2008 huwa hekk:
Direttur
1
Officer in Grade 5 (College Principal)
1
Regular Teacher
5
Learning Support Assistant II
1
Supply Teacher
43
Supply Learning Support Assistant
120
Supply Kindergarten Assistant
2
Matul l-istess tlett xhur kien hemm wkoll l-impjieg ta’ dsatax-il persuna rtirati mis-Servizz (16 retired Kindergarten Assistant ‘On Call’ u 3 retired Teachers), tnax oħra bhala ‘On Call’ Special Needs Emergecy Helper, u tlett Adult Educators li jagħtu s-servizz tagħhom fil-Klassijiet ta’ filgħaxija. Is-Supply Learning Support Assistants (120) jigu mpjegati skond in-numru ta’ tfal li huma statemented.
Tista' l-Ministru tara li jittieħdu l-passi meħtiega biex l-imġieba diffiċli ta’ studenta ma tibqax tħarbat klassi fl-iskola primarja tal-Birgu li qed twassal lill-ġenituri biex ma jibagħtux lil uliedhom l-iskola?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-problema prinċipali fil-każ ta’ din it-tifla mhix waħda ta’ mġieba diffiċli imma ta’ nuqqas kbir ta’ prudenza min-naħa ta’ xi adulti u proċess ta’ vittimizzazzjoni li wassal biex jinkissru d-drittijiet bażiċi ta’ minoreni u tiġi avvelenata l-atmosfera edukattiva u soċjali fi klassi partikolari. Il-Prinċipal u l-iskola ilhom sa minn Ottubru tas-sena l-oħra jużaw is-servizzi kollha relevanti, inkluż servizz li nħoloq apposta fl-iskola msemmija, biex jiġi indirizzat kull min hu marġinalizzat u vulnerabbli b’tali mod li jista’ jkompli jsir it-tagħlim fil-klassi b’mod seren. Ma nistax nidħol f’iktar dettalji minħabba raġunijiet ta’ etika. Wara li dan kollu ġie spjegat lill-ġenituri, il-maġġoranza qablu li l-fatti ma kienux kif kienu qed jitpittru minn xi wħud, u kif ġie infurmat l-Onorevoli Interpellant. Il-lezzjonijiet tkomplew b’mod normali sa mid-29 ta’ Jannar.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti fl-iskola Mater Dei? X’tip ta’ xogħlijiet qed jintbagħtu jagħmlu? Ix-xogħol li qed jingħataw kollu addattat għal dawn l-adoloxxenti? Tista’ tivverifika jekk hemmx min qed jintbaghat biex inaddaf il-postijiet fejn jitrabbew il-majjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-Iskola Speċjali ta’ Mater Dei fl-Imsida jattendu 22 student li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn 10 snin u 15-il sena. L-istudenti li għandhom bejn 10 u 12-il sena, darba kull ħmistax, jmorru ir-Razzett tal-Ħbiberija. L-istudenti l-oħra darba fil-ġimgħa, skond ix-xewqa ta’ l-istudenti nfushom, jmorru id-Dar tal-Providenza biex jagħmlu xogħol volontarju.
Dawn l-attivitajiet huma parti mill-programm ta’
Life Skills
li hu offrut lil kull student biex ngħinuh jintegra aħjar meta jerġa jmur lura l-iskola minn fejn ġie jew meta jkun lest li jitħallat mas-soċjeta inġenerali.
L-ebda student qatt ma intbagħat jagħmel esperjenza ta’ xogħol f’xi razzett tal-bhejjem jew ħnieżer.
Tista' l-Ministru tara li jittieħdu passi biex żagħżugħ bi mġieba diffiċli fl-iskola Guardian Angel ma jibqax isawwat għalliema u studenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li l-passi meħtieġa diġa ttieħdu sabiex id-diffikultajiet ta’ dan iż-żagħżugħ b’diżabbilita’ severa jiġu milħuqa. Tħejja wkoll programm ta’ support b’kollaborazzjoni sħiħa mit-team tas-Servizzi għall-Istudenti, l-għalliema, l-assisteni, il-ġenituri u l-iskola.
Numru ta' studenti maskili li jkomplu jistudjaw f'livel post sekondarju
Question
Billi fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari li ngħatajt reċentament, qed jiriżulta li n-numru ta' żgħażagħ maskili li jiddeċidu jkomplu l-edukazzjoni tagħhom f'livell post-sekondarju (mhux fl-MCAST) u terzjajru qiegħed dejjem jonqos meta mqabbel man-numru ta' tfajliet li jkomplu jistudjaw, tista' l-Ministru tara x'passi jistgħu jittieħdu biex jerġa' jiżdied in-numru ta' ġuvintur li jkomplu jistudjaw sal-livell terzjajru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għandhom servizz ta’ career guidance li jagħtu attenzjoni sabiex kull student jirċievi gwida professjonali sabiex ikompli l-istudji tiegħu.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja ta' Bormla li huma identifikati bħala illitterati jew għandhom problema fil-qari u l-kitba? X'qed isir sabiex dawn il-problemi jittaffew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja tal-Birgu li huma identifikati bħala illitterati jew għandhom problema fil-qari u l-kitba? X'qed isir sabiex dawn il-problemi jittaffew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Qegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja ta' Isla li huma identifikati bħala illitterati jew għandhom problema fil-qari u l-kitba? X'qed isir sabiex dawn il-problemi jittaffew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.