Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk il-bajjiet u areas ġewwa Għawdex u Kemmuna li għandhom x'jaqsmu magħhom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u Ambjent Malta u x'ħidmiet varji saru minn dawn matul is-snin 2021 u 2022 u x'ħidmiet varji hemm ippjanati li jsiru matul is-sena 2023 f'dawn il-bajjiet u areas?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Għawdex u Kemmuna, ir-responsabbiltajiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u ta’ Ambjent Malta (AM) huma prinċiparjament relatati mal-ħarsien, ir-rijabilitazzjoni u l-immaniġġar tas-siti Natura 2000. Min-naħa tagħha, Ambjent Malta tagħti wkoll sostenn lill-Kunsilli Lokali f’inizjattivi ta’ tħaddir urban.
Fir-rigward tax-xogħlijiet li diġà saru u li se jkomplu jsiru f’Kemmuna, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba dettaljata li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 4096.
Min-naħa l-oħra, l-interventi li saru f’Għawdex kienu jinkludu miżuri li jħarsu l-għaram tar-ramel fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra u s-sit protett tad-Dwejra. Fir-Ramla l-Ħamra, l-interventi kienu jinkludu l-manutenzjoni tal-ħbula u l-poles tal-injam li jipproteġu dan is-sit sensittiv u t-twaħħil ta’ sinjali li jidderieġu l-pubbliku ġenerali, filwaqt li fid-Dwejra tneħħew diversi tabelli u installazzjonijiet antiki li kienu jinsabu fi stat ħażin. Għall-2023, il-pjan hu li jitwaħħlu tabelli informattivi ġodda sabiex il-pubbliku jkun jista’ jifhem aħjar l-importanza ta’ dan is-sit u jikkontribwixxi għall-ħarsien tiegħu.
Fl-istess waqt, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ffirmat ftehim mal-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz għat-tmexxija u l-operat taċ-Ċentru ta’ Interpretazzjoni tad-Dwejra. Dan il-ftehim se jwassal għal titjib fl-operat ta’ dan iċ-Ċentru billi, fost l-oħrajn, jiġu organizzati żjarat edukattivi, sessjonijiet ta’ taħriġ u anke wirjiet.
F’dak li għandu x’jaqsam mal-inizjattivi tat-tħaddir urban, Ambjent Malta tat fondi sabiex f’diversi lokalitajiet f’Għawdex, fosthom Għajnsielem, il-Munxar, l-Għasri, il-Qala u San Lawrenz, tħawlu sitt mija u tletin pjanta ornamentali.
Qawra — San Pawl il-Baħar - Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola – dawl pubbliku
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4809 dwar dawl pubbliku fil-pjazzetta bejn Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola, Qawra, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid xi żviluppi kien hemm minn mindu ngħatat it-tweġiba għall-istess mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’din iż-żona t-tiswijiet neċessarji tal-lampi li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Enemalta tlestew.
Qawra — San Pawl il-Baħar - Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola – dawl pubbliku
Question
B’referenza għad-domanda parlamentari 4809, dwar dawl pubbliku fil-pjazzetta bejn Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola, Qawra, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tgħid x’azzjoni ttieħdet mill-Enemalta dwar dan id-dawl mitfi hekk kif min ressaq ilment mal-Kunsill Lokali ġie infurmat li dan ir-rapport għadda għand l-Enemalta?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4923.
Ir-Rabat – Provvista tal-Elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof
Question
Tista’ l-Ministru tara li tiġi riżolta l-problema tal-provvista tal-elettriku fin-naħa tal-Wied tal-Isqof, limiti Tal-Virtù, Rabat, minħabba li r-residenti qed ibatu b'vultaġġ jitla' u jinżel sal-punt li jikkawżalhom ħsarat fl-appliances? Tista' tagħti indikazzjoni meta hu ppjanat li din il-problema tissolva?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Fid-dawl li ġew istallati Reverse Vending Machines madwar Malta u Għawdex, u filwaqt li kulħadd jaqbel li din l-iskema hija bżonjuża, tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn magni f’kull lokalità, lokalità b’lokalità, u jekk dawn humiex biżżejjed sabiex jaqdu l-konsumaturi kollha li jridu jagħmlu użu minnhom? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet sabiex dawn il-magni jkunu aktar aċċessibbli għall-anzjani li qegħdin isibuha diffiċli sabiex ikunu jistgħu jużawhom mingħajr diffikultà?
Response (DALLI, MIRIAM)
Fir-rigward tar-Reverse Vending Machines minn dakinhar li weġibt mistoqsija 4174 il-magni komplew jiżdiedu, għaldaqstant qed inpoġġi lista aġġornata fuq il-Mejda tal-Kamra bid-dettalji tal-lokalitajiet u l-istabbilimenti kummerċjali kollha fejn jinsabu r-Reverse Vending Machines.
Il-pjanijiet huma li dawn ikomplu jiżdiedu ħalli jiġi assigurat li l-konsumaturi jinqdew mill-aħjar possibbli.
F’dak li jirrigwarda magni ġodda u aċċessibilità, nirreferiha wkoll għat-tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari 4175 u 4176, fejn kont anke spjegajt dwar is-sistema manwali li qed titħaddem minn dawk il-bejjiegħa bl-imnut li fl-istabbilimenti tagħhom m’għandhomx Reverse Vending Machine. Tajjeb nirrimarka wkoll li l-Gvern qed jiddiskuti mal-operatur privat li qed iħaddem din l-iskema, biex ikun hemm soluzzjonijiet sabiex tikber l-aċċessibilità u jonqsu dejjem aktar id-diffikultajiet.
Ħal Far u Birżebbuġa – irwejjaħ ta’ fdalijiet ta’ ħut
Question
B'referenza għat-tweġibiet ta' diversi mistoqsijiet parlmentari, tista’ l-Ministru tara li tieqaf darba għal dejjem ir-riħa insapportabbli persistenti li baqgħet ħierġa minn fabbrika li tipproċessa fdalijiet ta' ħut li tinsab fiż-Żona Industrijali ta' Ħal Far li qiegħda taffettwa ħażin ħafna kemm lil min jaħdem f'din iż-żona industrijali kif ukoll lir-residenti ta' Birżebbuġa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet relevanti qed jieħdu dawn l-ilmenti bl-ikbar serjetà u fl-aħħar ġimgħat żammew kuntatt mal-Kunsill Lokali, bħala r-rappreżentant tar-residenti, biex jinfurmawh bil-passi kollha li ttieħdu u qed jittieħdu.
Sa mill-ewwel ilment li rċiviet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar irwejjaħ f’inħawi f’Birżebbuġa bdiet bi spezzjonijiet f’diversi inħawi u anke fl-impjant li jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant u fil-madwar.
Minbarra dan l-ERA assigurat ukoll li l-impjant qed jopera skont il-permessi relevanti.
Jirri¿ulta li f’xahrejn, l-ERA għamlet 48 spezzjoni, li jinkludu ż-żoni residenzjali, iż-żona industrijali ta’ Ħal Far u l-impjant. Dan qed isir bil-għan li jiġi identifikat b’ċertezza s-sors ta’ rwejjaħ li kienu rrapportati. L-ERA għamlet ukoll spezzjonijiet minn jeddha.
Infurmata li l-Awtorità qed iżżomm lill-Kunsill Lokali infurmat dwar il-passi kollha li qed tieħu u saret anke laqgħa għal dan il-għan. Kull fejn u meta hu possibbli, l-ERA qed tistieden u tiltaqa’ wkoll ma’ min għamel l-ilment biex tiġbor aktar informazzjoni.
Saħansitra kien hemm spezzjonijiet li saru fil-preżenza ta’ membri tal-Kunsill Lokali.
Minbarra l-ispezzjonijiet regolari u l-investigazzjonijiet tal-ERA, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) ukoll ħadet numru ta’ azzjonijiet fid-dawl tal-ilmenti dwar l-irwejjaħ. U għalhekk qed taħdem biex ittaffi kwalunkwe inkonvenjent li jista’ jiġi kkawżat mis-sistema tad-drenaġġ.
Għal dan il-għan, sar xogħol ta’ tindif intensiv fl-impjant antik tat-trattament tad-drenaġġ u qed isir t-tindif ta’ madwar 3km ta’ mains tad-drenaġġ.
Huwa pjanat li jsir ukoll tindif tal-pumping station f’Birżebbuġa.
L-awtoritajiet relevanti għandhom struzzjonijiet ċari biex jibqgħu jagħtu importanza massima din il-kwistjoni, bil-għan li jkunu stabbiliti sew il-fatti u iktar azzjonijiet li jistgħu jittieħdu.
Impjant tal-Produzzjoni tal-prodotti tax-xorb — ilma
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 2840, u tgħid, sena b'sena mill-2011 sal-2021, kemm ittella' ilma mill-ilma tal-pjan mill-impjanti tal-produzzjoni tal-prodotti tax-xorb, inklużi dawk li jibbottiljaw l-ilma għax-xorb u b'liema rata medja għal kull sena dan inxtara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — benefiċċji u għajnuna finanzjarja li ngħatat għall-produzzjoni ta’ films lokali
Question
Tista’ l-Ministru ssemmi kull benefiċċju, għotja jew kull tip ta’ għajnuna oħra finanzjarja jew taħt xi forma oħra, li ngħataw fil-produzzjoni tal-films lokali u/jew produzzjonijiet oħrajn, jew kull tip ta' għajnuna oħra għal skop ieħor li għalihom applikaw il-persuni jew il-kumpaniji msemmija separatament, inkluż l-entitajiet u l-awtoritajiet kollha relattivi taħt id-dekasteru tagħha, mill-2013 'il hawn?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li residenti ta' Birżebbuġa li joqogħdu fl-area Tal-Papa li tinkludi Triq is-Sebħ, Triq il-Gandoffla, Triq tal-Papa, Triq il-Gawwi u Triq iċ-Ċief kif ukoll Triq Alessandru, Misraħ Hamilkar Barka, Triq San Filippu u Triq it-Tħabrik ilhom bl-i'street lighting' maqtugħ għal dawn l-aħħar tlett ijiem? Meta ser isiru t-tiswijiet neċessarji biex jinqata’ l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 4511 u 4453.
Wied li jwassal mill-Girgenti sas-Siġġiewi — tindif
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li jitnaddaf il-wied li jwassal mill-Girgenti sas-Siġġiewi minħabba li qiegħed iżomm mill-ilma biex ikun jista' jiskula a detriment tal-infrastruttura tal-inħawi kif ukoll isir it-tindif biex wieħed ikollu aċċess biex ikun jista' jgħaddi minnu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Parks Malta twettaq tindif, fuq bażi regolari, ta’ skart li jakkumula f ‘dan il-wied. Sar ukoll tħammil ta’materjal u qlugħ ta’ qasab fuq il-parti ta’ fuq t’Għajn il-Kbira (taħt il-Palazz tal-Girgenti) kif ukoll f’parti oħra minn Għajn il-Kbira (f’parti minn mat-triq). Dan ix-xogħol sar biex jiġi kkontrollat il-qasab li huwa speċi invażivi u biex tiżdied il-ħażna tal-ilma tax-xita. Dan l-ilma jkun jista’ jintuża’ mill-bdiewa tal-madwar u jikkontribwixxi għall-ilma tal-pjan.
It-tindif tal-Widien huwa ta’ prijorità għall-Parks Malta u din is-sena waqt il-Kampanja ta’ Tindif inġabru 1800 tunellata ta’ skart. Meta kkumparat mas-sena 2021 l-ammont ta’ skart miġbur matul din is-sena huwa aktar minn doppju. Hekk kif kien imwiegħed dawn it-tunellati ta’ skart ser jissarfu f’tħawwil ta’ siġar.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1417 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru taċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fiż-żona ta’ Dawret in-Nawfraġju, inkluż iż-żona tal-boathouses, qiegħed jaħdem kif suppost u li l-bozoz kollha, inkluż dawk fuq arbli, (inkluż il-bozza fuq l-arblu li r-ritratt tiegħu qed jintbagħat separatament) ikunu mixgħula bħall-bqija tat-toroq fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, dan hekk kif din l-istess bozza fir-ritratt reġgħet tinsab mitfija? F’każ li hemm xi bozza/bozoz jew arblu/arbli li l-bozoz tagħhom mhux jixegħlu, x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jixgħel? Billi hemm ħtieġa ta’ iktar dawl fiż-żona, kif se jiġi assigurat li dan id-dawl jiġi installat u jixgħel minħabba d-dlam li wieħed isib f’din iż-żona?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li d-dawl kollu li jaqa’ taħt responsabiltà tal-Enemalta f’Dawret in-Nawfraġju qiegħed jaħdem wara li saru t-tiswijiet meħtieġa. Kawża tal-maltemp żviluppat ħsara fil-linja prinċipali li tagħti l-provvista lil dawn il-lampi. Din il-linja issewwiet nhar it-8 ta’ Diċembru 2022.
Dwar il-lampa indikat b’ritratt mibgħut separatament ma din il-mistoqsija, ninforma lill-Onor. membru li din mhix tal-Enemalta u kienet imqabbda b’mod irregolari. Għaldaqstant trid issir applikazzjoni ma l-ARMS biex tiġi regolarizzata. Rigward biex jiżdiedu l-bozoz hemm proċedura u trid issir applikazzjoni mill-Kunsill Lokali ma’ l-ARMS.
Qawra — San Pawl il-Baħar - Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola – dawl pubbliku
Question
Tista’ l-Ministru taċċerta li d-dawl pubbliku kollu li hemm fil-pjazzetta bejn Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola, Qawra, San Pawl il-Baħar (fiż-żona tal-housing estate) qiegħed jaħdem kif suppost u li l-bozoz kollha jkunu mixgħulin? F’każ li hemm xi bozza/bozoz mhux jixegħlu, tista’ tgħid x’inhi r-raġuni għal dan u meta hu mistenni li dan id-dawl jerġa’ jinxtegħel?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta investigat dan il-każ. Fiż-żona indikata l-maġġoranza tal-lampi huma fir-responsabiltà tal-kunsill lokali u allura t-tiswija trid issir mill-kuntrattur tal-Kunsill Lokali. L-Enemalta tikkonferma li f’din iż-żona għandha rapport wieħed li hemm lampa mitfija u li ser tiġi irranġata fil-ġranet li ġejjin.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm biex meta membru tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jew CEO tar-REWS jiġi fi tmien il-ħatra tiegħu, għal żmien raġonevoli dan ma jkunx jista’ jagħmel xi xogħol taħt forma ta’ konsulenza jew mod ieħor ma’ xi operatur li r-REWS tirregola l-operat tiegħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tar-Regolatur (Kap. 545) tistipula li l-membri tal-Bord għandhom jevitaw kull konflitt ta’ interess u huma obbligati wkoll li jippreservaw il-kunfidenzjalità dwar l-informazzjoni miksuba u dwar kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mar-Regolatur anke wara li tintemm il-ħatra tagħhom. Barra minn hekk, l-impjegati kollha fl-amministrazzjoni pubblika, kif ukoll il-membri tal-bordijiet, huma marbuta bil-Kodiċi tal-Etika li hemm fl-Ewwel Skeda tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595).
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv huwa marbut ukoll bil-provvedimenti tad-Direttiva 14, imsejħa 'Governing Framework for the Management of the Revolving Door Policy for Public Employees', li, sa perjodu massimu ta’ sentejn, tipprekludih milli jidħol f’relazzjoni ta’ profitt ma’ xi intrapriża privata jew korp mhux governattiv li magħhom ikun tratta f’kapaċità uffiċjali sa ħames snin qabel ikun telaq mill-impjieg pubbliku.
Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jittieħdu biex ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) effettivament tkun tista’ tattira l-aħjar professjonisti fis-swieq li hi tirregola, b’pakketti ta’ impjieg li jikkompetu sew ma’ dawk li joffri s-settur privat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-pakketti ta’ termini u kundizzjonijiet li jingħataw mir-Regolatur huma komparabbli ma’ dawk li jeżistu fis-settur pubbliku usa’. Ir-Regolatur joffri pakketti ta’ termini u kundizzjonijiet attraenti li jibbilanċjaw l-element finanzjarju ma’ elementi oħrajn, fosthom sistema ta’ ħinijiet flessibbli u opportunitajiet ta’ taħriġ u żvilupp.
Ħaż-Żabbar – Triq il-Farfett tal-Fejġel — spezzjonijiet
Question
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 2927 u 4102, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti hemm indikati u tara li tiġi installata camera fil-post inkwistjoni għax dan jispjega għala qed isir tindif regolari proprju minħabba irregolaritajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba. Infurmata li l-ERA ma rċevietx rapporti f’dan il-kuntest, però ħa żżid il-frekwenza ta’ monitoraġġ f’dan is-sit. Rigward l-installazzjoni ta’ CCTV, l-ERA se tkun qed tikkomunika mal-Kunsill Lokali rispettiv.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm professjonisti fi ħdan ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? F’kull każ, x’inhi l-professjoni tagħhom u f’liema qasam regolatorju jaħdmu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) in-numru ta’ professjonisti huwa ta’ ħamsa u għoxrin. Dawn jikkontribwixxu għax-xogħol tar-Regolatur skont il-professjoni u l-kwalifiċi akkademiċi li għandhom, jiġifieri x-xjenza, l-inġinerija, l-ekonomija, it-teknoloġija tal-informatika, il-liġi u l-accountancy.
Stabbilimenti kummerċjali mingħajr kuntratti għal ġbir tal-iskart
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3846, tista’ l-Ministru tgħid jekk instabux stabbilimenti kummerċjali mingħajr kuntratti privati tal-ġbir tal-iskart kif mitlub mil-liġi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li residenti ta' Birżebbuġa li joqogħdu fl-area Tal-Papa li tinkludi Triq is-Sebħ, Triq il-Gandoffla, Triq tal-Papa, Triq il Gawwi u Triq iċ-Ċief, kif ukoll Triq Alessandru, Misraħ Hamilkar Barka, Triq San Filippu u Triq it-Tħabrik ilhom bid-dawl tat-triq maqtugħ għal dawn l-aħħar tlett ijiem? Meta se jsiru t-tiswijiet neċessarji biex jinqata’ l-inkonvenjent li qed isofru r-residenti ta' dawn it-toroq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 4511.
Beverage Container Refund Scheme – rapport jew studju dwar is-sistema
Question
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew studju li juri li huwa aktar feasible li s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun f'idejn il-privat milli f'idejn il-Wasteserv?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-iskart mhux ir-rwol ewlieni tal-WasteServ u allura qatt ma kien ikkontemplat li skema bħal tal-BCRS tkun immexxija mill-WasteServ.
In oltre tajjeb li l-Onor. Interpellant ikun konxju tal-"Extended Producer Responsibility" policy mifruxa fuq livell Ewropew, fejn ir-responsabbiltà tal-produttur tinfirex sa wara li l-prodott ikun ikkonsmat. F’numru ta’ direttivi Ewropej dan il-kunċett huwa mandatorju.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li se jonqos, f'tunnellati kull sena, il-materjal riċiklabbli fl-impjanti tal-Wasteserv meta s-sistema tal-Beverage Container Refund Scheme tkun qed topera normali?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li peress li l-iskema għadha kif daħlet fis-seħħ għadu kmieni wisq biex ikun hemm numri preċiżi. Huwa mistenni li bl-introduzzjoni ta’ din l-iskema r-rata ta’ riċiklaġġ ta’ kontenituri tax-xorb għandha tiżdied.