Legislature:
Category:
Reset
Active:

Siti mingħajr smart meters

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27669, tista’ l-Ministru tgħid kemm huma dawk is-siti li għad ma għandhomx smart meters?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li hemm 9,298 post li għad m’għandhomx smart meters, bir-raġuni ewlenija tkun dik li diġà tajt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 27669.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha matul April 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W404.

Għawdex — Tal-Fessej - Espansjoni proposta għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarux testijiet fuq l-art, inkluż geological studies, fiż-żona fejn hu ppjanat li ssir l-espansjoni proposta għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ġewwa Tal-Fessej, f’Għawdex? Jekk iva, jistgħu jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta’ dan l-istudju?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudji li qed jirreferi għalihom se jkunu parti mid-dokument tas-sejħa pubblika għall-offerti li se tinħareġ fiż-żmien li ġej.

PROs — Tindif tal-Bring in Sites - Multi u penali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27011 u tipprovdi n-numru u l-ammont totali f'ewro, ta’ multi u penali għall-entitajiet tal-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) li ħarġu u li tħallsu mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jew ta’ min hi r-responsabilità, talli l-istess PROs ma battlux il-bins fil-Bring in Sites fil-ħin, ma żammewx dawn is-siti nodfa u ma neħħewx skart akkumulat, (imħallat u riċiklabbli) għas-snin 2023 u 2024, maqsuma għal kull xahar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-arranġamenti għal manutenzjoni u tindif ta’ recycling points (Bring-In-Sites) huma suġġetti għal arranġamenti privati/kummerċjali speċifiċi bejn il-Kunsilli Lokali rispettivi u l-Iskemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs). Konsegwentement, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma toħroġx multi fuq din il-materja partikolari. Barra minn hekk, il-Bring in Sites huma sorveljati minn CCTV cameras allura min jinqabad jabbuża jista’ jiġi mmultat mill-entità li tissorvelja l-filmati.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — TCNs - Ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCNs) jaħdmu fid-dekasteru tagħha u kemm hu twil il-kuntratt tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20924.

Ħal Tarxien/Raħal Ġdid — Triq Lampuka - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar xogħlijiet fi Triq Lampuka f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma previsti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Ħal Tarxien/Raħal Ġdid — Triq it-Tarzna - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti dwar xogħlijiet fi Triq it-Tarzna f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma previsti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika  – Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx/kienx hemm deputati/ex-deputati tal-Gvern Laburista fil-bordijiet ta' Awtoritajiet/Aġenziji/Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F'liema bord ta' Awtorità/Aġenzija/Entità jinsabu/kienu jinsabu, x'pożizzjoni għandhom/kellhom u x'inhi/kienet il-kariga tagħhom? X'remunerazzjoni u perkaċċi oħra jieħdu/kienu jieħdu għal tali pożizzjoni? X'inhu/kien it-terminu tal-ħatra tagħhom, u jekk tali ħatra għadha fis-seħħ, meta hu t-terminu ta' din il-ħatra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Segretarjat għall-Indafa Pubblika - Gazzetta tal-Gvern - Avviżi pendenti

Question

Tista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tagħha, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, tista’ tindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.

In-Nadur, Għawdex — Triq Xandriku - Xogħlijiet fuq bankini

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26591 dwar xogħlijiet li qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq Xandriku, fin-Nadur, u fi Triq San Duminku, fir-Rabat Għawdex fejn ġie mwieġeb li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se twettaq xogħlijiet fuq il-bankini ta’ Triq San Duminku f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid għaliex mhumiex ser jitwettqu wkoll xogħlijiet fuq bankini fi Triq Xandriku fin-Nadur?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li għalkemm il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet fl-infrastruttura tad-drenaġġ fl-imsemmija triq, mhux ippjanat li jintmissu l-bankini.

Għawdex — Xogħlijiet ta’ tħaffir ta’ trinek fit-toroq jew fuq il-bankini

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f’Għawdex li fihom ser ikunu qegħdin isiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta’ trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta’ bejn April 2025 u Diċembru 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nisnab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’xogħlijiet tagħha fi Triq Marsalforn f’Marsalforn, Triq Ġorġ Pisani, Triq Patri Cacintu Camenzuli u Triq San Duminku fir-Rabat, Triq Tumas Cassar fl-Għarb u Triq Xandriku fin-Nadur, waqt li għaż-żmien li ġej hemm ippjanati li jinbdew xogħlijiet fi Triq Mannar ix-Xagħra, Ta’ Seguna Area fis-Sannat u Triq Ta’Bordin f’Għajnsielem. Fir-rigward ta’ xogħlijiet mill-Enemalta nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 25763.

Magħtab — Proġett tal-ECO Hive

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27004 u tgħid kemm kien il-valur tal-materjal li ġie ġġenerat mit-tqattigħ tal-blat fil-Magħtab bi preparazzjoni għall-ECO Hive? Tista’ tgħid ukoll x’sar minn dan il-materjal u għand min marru l-flus?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tqattigħ tal-blat fil-Magħtab bi tħejjija għall-ECO Hive, speċifikament it-tħaffir tas-sit tal-Waste to Energy, ingħata permezz ta’ sejħa pubblika għall-offerti. Fejn il-kuntrattur li rebaħ is-sejħa kien responsabbli biex iqatta’, jġorr u jiddisponi mill-materjal iġġenerat (li seta’ jerġa’ jintuża fil-qasam tal-kostruzzjoni), huwa tħallas is-somma ta’ madwar €226,500 (eskluża l-VAT). Min-naħa l-oħra, fejn il-materjal iġġenerat inżamm mill-Wasteserv biex eventwalment jerġa’ jintuża fuq is-sit, l-ammont imħallas lill-kuntrattur kien ta’ madwar €1,015,000 (eskluża l-VAT).

Skart tal-ippakkjar miġbur

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27008 u tipprovdi l-kwantitajiet, bil-piż u bil-materjal (riċiklabbli u ħġieġ), ta’ skart tal-ippakkjar miġbur minn kull kunsill lokali, għal kull waħda minn dawn il-kategoriji: i. Bring in Sites; ii. Ġbir bieb bieb; u iii. Intrapriżi privati (inklużi żoni industrijali, lukandi, supermarkets, bejgħ bl-imnut u żviluppi kummerċjali oħra) li jipparteċipaw fl-organizzazzjoni ta’ Skemi ta’ Responsabbiltà tal-Produttur (PROs) għal kull xahar għas-snin 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ninsab infurmata li fir-rigward tal-Bring in Sites, l-ERA ma tiġborx data dwar l-iskart miġbur minn recycling points fuq bażi ta’ kull xahar. L-informazzjoni li qed nippreżenta tirrifletti l-ammont ta’ skart miġbur minn recycling points minn kull Kunsill Lokali fuq bażi ta’ kull sitt xhur bejn l-2023 u l-2024. Fir-rigward tal-ġbir bieb bieb, l-ERA ma tiġborx din id-data fuq bażi ta’ kull xahar għal kull Kunsill Lokali, madankollu, l-informazzjoni tipprovdi ċifri totali relatati mal-ammont ta’ boroż griżi u ħġieġ miġburin permezz tal-ġbir bieb bieb fuq bażi ta’ kull xahar bejn l-2023 u l-2024. Fir-rigward tal-intrapriżi privati, l-informazzjoni tinkludi ċifri relatati ma’ transport packaging miġbur permezz tal-PROs minn operaturi ekonomiċi fuq bażi ta’ kull sitt xhur bejn l-2023 u l-2024.

Ġestjoni tal-Iskart — Responsabbiltajiet tal-kunsilli lokali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27010 u tgħid jekk l-unika obbligu tal-kunsilli lokali huwiex li jipprovdu post/sit għal Bring in Sites u jekk le, x’inhuma l-obbligi l-oħra fuq il-kunsill lokali fir-rigward tar-Regolamenti dwar il-Ġestjoni tal-Iskart (Ippakkjar u Skart tal-Ippakkjar)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li minbarra l-obbligi li joħorġu mill-Att Tal-Gvern Lokali (KAP363) rigward manutenzjoni, tindif u ż-żamma tal-lokalità fi stat tajjeb, il-Kunsilli Lokali għandhom obbligi stabbiliti skont ir-Regolamenti dwar l-Iskart (L.S. 549.63) fejn il-Kunsilli Lokali għandhom jallokaw spazju għall-provediment ta’ Recycling Points (Bring In Sites) għall-ġbir separat ta’ karta, metall, plastik u ħġieġ għal kull elfejn (2,000) abitant f’kull lokalità rispettiva u ma jinkludux skart imħallat. Kunsilli Lokali b’inqas minn elfejn (2,000) abitant għandhom jipprovdu spazju għal mill-inqas sett wieħed ta’ Recycling Points fil-lokalità rispettiva tagħhom.

Il-Kalkara — Bajja ta’ Rienlla - Tindif u manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu fir-rigward ta’ tindif u manutenzjoni fil-Bajja ta’ Rinella, fil-Kalkara, issa li ġej is-sajf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li t-tindif fil-bajja ta’ Rinella jsir matul is-sena kollha, id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tassisti wkoll lill-Kunsill Lokali fil-manutenzjoni tal-poġġamani (railings) li hemm tul il-promenade.

Wied il-Għajn — Bajja ta’ San Tumas - Tindif u manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu fir-rigward ta’ tindif u manutenzjoni fil-Bajja ta’ San Tumas, f’Wied il-Għajn, issa li ġej is-sajf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tindif tul il-kosta kollha ta’ Marsascala jsir matul is-sena. Filwaqt li fix-xhur tas-sajf isir tindif darbtejn kuljum.

Ix-Xgħajra — Ix-Xatt - Tindif u manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu fir-rigward ta’ tindif u manutenzjoni fix-Xatt tax-Xgħajra, issa li ġej is-sajf?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tindif tal-bajja tax-Xgħajra jsir regolarment matul is-sena kollha, filwaqt li fix-xhur tas-sajf din il-ħidma tintensifika iktar.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika — Nefqa fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27139, 27425 u 27477 u tgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Interpellant. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħmel użu mill-mezzi tax-xandir (media houses) lokali biex ikun jista’ jwassal informazzjoni dwar servizzi, inizjattivi u informazzjoni oħra importanti għall-pubbliku inġenerali.

Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 27667 u tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ charging pillars li hemm f’kull waħda mil-lokalitajiet tas-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali, separatament għal kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll: i. kemm hu mistenni li jiżdiedu ċ-charging pillars għal kull waħda minn dawn il-lokalitajiet; ii. meta hu mistenni li jiżdiedu dawn iċ-charging pillars; iii. meta hu mistenni li jibdew jaħdmu; iv. f’kull każ, kemm minn dawn iċ-charging pillars huma fast charging, u kemm huma normali (medium) charging; u v. liema rata ta’ ħlas ser tkun qed titħallas minn min ikun qed juża dawn iċ-charging points?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Raħal Ġdid — Triq il-Knisja - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet saru fi Triq il-Knisja, f’Raħal Ġdid u x’fadal isir matul din is-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.