Spiża ta' inkjesta maġisterjali u seduti tal-Qorti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża fuq l-inkjesta maġisterjali u s-seduti tal-qorti tal-qtil brutali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt 28 ta’ Diċembru 1977 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli l-Ministru jista' jagħti dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat li l-inkjesta fir-rigward tal-persuna msemmija tmur lura għas-sena 1977 u ċioe wieħed u erbgħin sena ilu. L-inkjesta fil-fatt ilha għadejja sa minn dak iż-żmien. Dak iż-żmien l-ispejjeż inkorsi mal-inkjesti kienu jiddaħħlu f’reġistru b’mod manwali skont id-data li fiha l-esperti jippreżentaw ir-rapport tagħhom tul il-firxa wisgħa tas-snin u ma kienx isir elenku separat tal-ispejjez skont l-inkjesta speċifika. Għalhekk mhux possibbli f’dan l-istadju li jiġu rintraċċati l-ispejjeż inkorsi mal-imsemmija nkjesta.
Kunsilli Lokali – skema ta’ restawr maħruġa fl-2017
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema kunsilli lokali applikaw għall-iskema ta' restawr li ħarġet matul l-2017? Jista’ jgħid:
a. liema mit-talbiet li saru fil-fatt ġew approvati;
b. liema mill-proposti approvati fil-fatt saru; u
c. liema kienu dawk li ma sarux u r-raġuni għaliex ma sarux?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-applikazzjonijiet sottomessi fl-2017 u lista oħra tal-applikazzjonijiet approvati għal dik is-sena.
Intant, minn dawn fil-preżent għaddej ix-xogħol fuq il-Kappella ddedikata lill-Qtugħ ir-Ras ta’ San Ġwann Battista fis-Siġġiewi, il-Kappella ta’ San Ġwann Battista fil-Għargħur, u l-faċċata taċ-Ċentru Parrokjali ta’ Ħal Safi. Issa li nħareġ il-permess tal-Awtorità tal-Ippjanar, fil-ġranet li ġejjin ser jinbeda wkoll x-xogħol ta’ restawr fuq in-niċċa tal-Madonna tal-Karmnu f’Raħal Ġdid. Hu mistenni wkoll li fil-ġimgħat li ġejjin jinħareġ il-permess tal-istess Awtorità biex ikun jista’ jinbeda x-xogħol ta’ restawr fuq il-Ħajt tal-Matla fl-Imqabba.
Intant, minkejja li kien magħżul mill-Kumitat tal-Evalwazzjoni, il-proġett ta’ restawr fuq il-Knisja ta’ San Pawl tal-Ħġejjeġ f’San Pawl il-Baħar mhux ser jitwettaq peress li l-Kunsill Lokali ta’ din il-lokalità għażel li jirtira l-applikazzjoni tiegħu.
Kunsilli Lokali – skemi ta’ restawr maħruġa fl-2018
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema kunsilli lokali applikaw għall-iskema ta' restawr li ħarġet matul din is-sena (2018)? Jista' jgħid liema kienu l-proposti u liema ġew approvati?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-iskema għadha fi stadju ta’ evalwazzjoni. Inkun nista’ nagħti l-bqija tad-dettalji hekk kif l-iskema tiġi aġġudikata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm swiet il-produzzjoni tal-opra 'Aħna Refuġjati' li ttellgħet fuq il-Fosos tal-Furjana fil-31 ta' Awwissu u t-2 ta' Settembru 2018? Jista’ jgħid kemm ingħataw biljetti complimentary, kemm inbiegħu biljetti u kemm kien id-dħul?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Fondazzjoni Valletta 2018 ħallset is-somma ta’ € 383,542.75 għall-opra Aħna Refuġjati. Il-Fondazzjoni qassmet 570 biljett kumplimentari filwaqt li biegħet 889 biljett bi dħul ta’ € 16,084.57.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt tagħha fit-28 ta’ Diċembru 1977 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena.
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħulil Ministru kkonċernat.
Il-Mellieħa – Triq Qasam Barrani – Childcare Centre — uffiċjal
Question
Jista’ l-Ministru jara li ta' kuljum jattendi uffiċjal tal-komunità ħdejn id-daħla tac-Childcare Centre li hemm fi Triq Qasam Barrani l-Mellieħa peress li sa ftit taż-żmien ilu kien ikun hemm uffiċjal jidderieġi t-traffiku mit 07.45am sat-8.15am, u mis-1.45pm sas-2.15pm?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħolqitx l-iskema ta’ investiment għal teatri lokali, u jekk iva meta nħolqot u jgħid kemm-il entità gawdiet minn din l-iskema u liema huma dawn l-entitajiet li gawdew minn din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsill Malti għall-Arti flimkien ma’ Teatru Malta nieda l-iskema għall-ispazji teatrali f’Settembru 2018 u bħalissa miftuħin l-applikazzjonijiet. Id-dettalji kollha dwar l-iskema, inkluż il-linji gwida u l-formola ta’ applikazzjoni, jinsabu f’din il-ħolqa https://www.artscouncilmalta.org/funds/t
Proposti għar-riġenerazzjoni tal-Binja Evans u ċ-Ċentru tal-Eżamijiet ħdejn Forti Sant’Iermu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il sejħa ħareġ sabiex is-settur privat ikun jista’ jressaq proposti għar-riġenerazzjoni tal-Binja Evans u taċ-Ċentru tal-Eżamijiet ħdejn il-Forti Sant’Iermu? Jista’ jgħid ukoll kemm-il proposta rċieva u liema ntgħażlet?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Kunsill Malti għall-Arti – programm għal artisti żgħażagħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta twaqqaf il-programm għal artisti żgħażagħ immexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti? Kemm-il proġett ġie megħjun b’dan il-programm, u kemm-il artist qiegħed isegwi programm ta’ apprentistat u/jew mentoring bl-għajnuna ta’ dan il-programm?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-programm għal artisti żgħażagħ immexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti twaqqaf fl-2017. Bħalissa hemm disa’ artisti qed issegwu l-programm ta’ apprentistat u/jew mentoring bl-għajnuna ta’ dan il-programm.
Il-Belt, Triq l-Ordinanza u Kavallier ta’ San Ġwann – irranġar ta’ aperturi u gallariji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema hija dik l-iskema li kellha titnieda sabiex jiġu rranġati l-aperturi u l-gallariji tal-bini li jagħti fuq il-Kavallier ta’ San Ġwann u Triq l-Ordinanza? Jista’ jgħid kemm-il aperturi u gallariji ġew irranġati taħt din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid min ippropona l-proġett ‘Kif Jgħid il-Malti”, jekk kienx hemm sejħa għall-proposti u għall-proġetti b’din it-tema, min ingħata l-inkarigu sabiex iwettaq dan il-proġett, min kienu l-artisti involuti f’dan il-proġett u kemm sewa dan il-proġett?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proġett ‘Hekk Jgħid il-Malti’ ġie propost mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bħala inizjattiva favur aktar għarfien tal-lingwa Maltija u l-wirt intanġibbli tal-qwiel. Ix-xogħlijiet ġew esegwiti mill-artist Joel Saliba, li ntgħażel fuq bażi ta’ mertu artistiku, u minn diversi artiġjani oħra li kkontribwew sabiex issawru l-iskulturi. Dan il-proġett ġie jiswa’ E68,500 + VAT. Somma li tinkludi mhux biss l-esekuzzjoni bl-idejn ta’ dawn it-13-il skultura, iżda wkoll il-qafas li fihom minn ġewwa, il-bażi tagħhom, l-installazzjoni fis-siti rispettivi u d-deskrizzjoni informattiva li hemm takkumpanjahom.
Dawn l-istallazzjonijiet intlaqgħu tajjeb ħafna mill-pubbliku in ġenerali, speċjalment mit-tfal kif ukoll minn barranin li jzuruna u spiss jintlemhu jieqfu għall-kurżità u jaqraw l informazzjoni disponibbli.
Filwaqt li l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali f’Mistoqsija Parlamentari 1848 kien indika li l-proġett MUZA ta’ Heritage Malta kellu jiġi inawgurat f’Marzu 2018, u billi tali proġett għadu ma tlestix, jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun miftuħa din il-binja?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-MUZA se jiġi inawgurat fi żmien ftit jiem oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bini tal-MUZA huwiex se jkun lest sabiex jospita l-konferenza annwali tan-Network of European Museum Organisations nhar il-15 ta’Novembru 2018? Jista’ jgħid jekk u kemm-il esibizzjoni u liema huma dawk l-esibizzjonijiet li bihom se jiftaħ MUZA?
Response (BONNICI, OWEN)
Naturalment il-konferenza annwali tan-NEMO ser isseħħ fil-MUŻA kif kien ippjanat.
Din se tkun opportunità sabiħa ferm li se tkompli tkabbar il-profil ta' pajjiżna u se tħalli impatt pozittiv immens fuq is-settur patrimonjali.
Il-parti tad-domanda dwar esibizzjonijiet għandha difetti sintassiċi kbar u nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika aħjar it-talba tagħha sabiex inkun nista' nifhem aħjar dak li qed tipprova ssaqsi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-enerġija elettrika kollha meħtieġa fil-binja tal-MUZA hijiex se tkun green powered u jekk dan hux mill-bidu tal-ftuħ tal-MUZA?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-binja tal-MUŻA ser tkun green powered mill-ftuħ tal-mużew.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt taghħa fis-16 t’Ottubru 2017 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli, jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-pulizija fuq l-investigazzjoni tal-qtil brutali tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mid-data tad-delitt tiegħu fil-5 ta’ Diċembru 1986 sal-ġurnata li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jekk hu possibbli jista’ jagħti d-dettalji ta’ fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża, maqsuma sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħa jew beħsiebu jieħu fid-dawl tas-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali nhar is-26 ta’ Jannar 2018 fil-kawża li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kopja tagħha ġiet impoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra u li permezz tagħha ġie ddikjarat li l-proviso tal-artikolu 28(1)(c)(i) tal-Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili (Kap. 55 tal-Liġijiet ta' Malta) hi nkonsistenti mad-dritt fundamentali taħt l-Artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta' Malta u l-Artikoli 8 u 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-proviso imsemmi fl-interpellanza illum ma għadx hemm skop għalih u dan wisq iżjed wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali. Il-ħsieb hu li wara li jsiru l-konsultazzjonijiet meħtiega speċjalment mal-Kunsill Notarili issir l-emenda neċessarja sabiex il-liġi tkun konformi mas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.