Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għal Għawdex – esproprjazzjoni ta’ artijiet

Question

Jista' l-Ministru: a.jgħid kemm artijiet ġew jew qegħdin fil-proċess li jiġu esproprjati fuq talba mill-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? b. jgħid f'liema lokalitajiet f’Għawdex jinsabu l-artijiet esproprjati? c. iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra Site Plan immarkata għal kull biċċa art u post fejn il-Ministeru għal Għawdex talab lill-Awtorità tal-Artijiet biex jiġu esproprjati artijiet f'Għawdex fil-perjodu indikat? d. jgħid l-użu li sar jew se jsir minn kull waħda minn dawn l-artijiet?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu ta' Jannar 2021 sal-lum ġew espropjati ħames siti mill-Ministeru għal Għawdex: - Parti fi Triq Bullara: biex titwessa t-triq; - Parti fi Triq Stellini: biex jinfetaħ l-aċċess għall-pubbliku mill-parti ta’ fuq għall-parti t’isfel tat-triq; - Għelieqi f’Kerċem: biex ikun jista’ jiġi salvagwardjat Għar Gerduf; - Sit fil-limiti tal-Qala: biex tkun tista’ titwessa l-Qala Road Junction; - Parti minn għalqa fir-Rabat, Għawdex: biex tista’ titwessa l-Junction li tgħaqqad Triq l-Imgħallem ma’ Triq Wara s-Sur.

Ministeru għal Għawdex – Xogħlijiet mill-ħaddiema li għamlu farm roads bil-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, f'liema lokalitajiet ġewwa Għawdex, u jagħti l-isem tat-triq/area u kemm kien it-tul u l-wisa’ fejn saru 'Farm Roads' bil-konkos mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2021 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari biex jitjieb l-aċċess għall-bdiewa u għan-nies li jiffrekwentaw dawn it-toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tingabar.

Ministeru għal Għawdex — encroachment agreement mal-Malta Industrial Parks (INDIS Malta)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li kellhom encroachment agreement ma' Malta Industrial Parks li saret INDIS Malta u li kienu qegħdin iħallsu pagamenti kull xahar però wara ċert żmien dan l-encroachment agreement temmewh mingħajr qatt ma intużaw il-binjiet li għalihom kienet qed titħallas il-kera? Minn 2018 'il quddiem u jekk ittiħditx azzjoni fejn sar infiq bla bżonn u ħela?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex – regolamenti u protokolli għal kunflitti ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma r-regolamenti u l-protokolli li l-Ministeru japplika sabiex persuni li jaħdmu direttament fil-Ministeru jiddikjaraw kunflitti ta’ interess li jista’ jkollhom dwar materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-istess Ministeru?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-Manwal, li diġà tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Ministeru għal Għawdex – segretarjat privat – kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom il-persuni li jiffurmaw is-segretarjat privat tiegħu, mill-Head of Secretariat ’l isfel, skont l-official designation li għandhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw is-Segretarjat privat tiegħi huma ingaġġati skont il-Manwal, li kopja tiegħu tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat u Triq Ta’ Xħajma — resurfacing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li ser isir resurfacing ta' Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma fin-Nadur u dan wara li saru trinek f'din it-triq diversi xhur ilu u li sal-lum għadhom bil-wiċċ tal-konkos? Ma jaħsibx li triq arterjali li jkollha parti minnha bil-konkos hija ta' periklu serju għas-sewwieqa? Jista' jgħid ukoll jekk hux se jsir resurfacing tat-triq kollha, kif sar f'postijiet oħrajn fejn ġew mgħoddija dawn it-trinek, jew hux se jsir patching fuq it-trinek biss?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat minħabba li tali xogħol qed isir mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat – ħajt ta’ lqugħ tal-konkos

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi qed jittieħdu dwar il-ħajt ta' lqugħ tal-konkos li hemm fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur li jidher li qed iċedi u li fih konsenturi, peress li dan minn mument għall-ieħor, jista' jċedi fuq it-triq, bil-periklu kollu li dan jista' jġib?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali kundizzjoni kemm tat-triq u anke tal-ħitan ser ikunu kkunsidrati minn pjan ħolistiku għat-triq prinċipali li twasslek għar-raħal tan-Nadur.

Għawdex: Marsalforn – xogħol fuq il-breakwater

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq il-breakwater ġdid f'Marsalforn? Jista' jgħid jekk saritx sejħa għall-offerti għal dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk id-disinn għal dan il-breakwater hux lest u jekk iva, iqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid jekk saritx applikazzjoni mal-Awtorità għall-Ippjanar għal dan il-proġett u jekk iva, iqiegħed kopja ta' din l-applikazzjoni, in-numru tagħha u jgħid fejn wasal il-proċess?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-breakwater ta’ Marsalforn għadu fi stadju ta’ permess. B’rabta ma’ dan ġiet sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar bin-numru ta’ referenza PA/02106/21. Sadanittant, bħalissa qiegħed jiġi kkumpilat l-Environmental Impact Assessment skont it-termini ddettati mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi abbażi tas-suġġerimenti li daħlu mill-konsultazzjoni pubblika.

Gozo Channel Co. Ltd.: vapur Nikolaus- ħlas lis-sidien

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħlas totali li rċevew is-sidien tal-vapur Nikolaus mingħand il-Gozo Channel u/jew mingħand il-Gvern ta' Malta, minn meta beda jopera sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 17223.

Ministeru għal Għawdex – Impjegati jagħmlu xogħol ta’ watchman

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm/kien hemm impjegati jagħmlu xogħol ta' watchman fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex fl-aħħar ta' kull sena mill-2012 sal-aħħar ta' April, 2022? X'kien/x'inhu l-grad tagħhom? Liema huma s-siti li qed jindokraw? Jekk hemm relievers pool, jista’ jgħid kemm hemm persuni fiha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li hemm hemm 76 individwu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex maqsumin f’diversi xiftijiet li jagħmlu xogħol ta’ watchman f’24 sit differenti bħala parti mix-xogħol tagħhom.

Gozo Channel (Operations) Ltd. – Kiri ta’ post fl-Imġarr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gozo Channel (Operations) Ltd hux qiegħda tikri post fl-Imġarr, Għawdex, li qabel kien jintuża bħala supermarket, sabiex tibda tużah bħala l-uffiċċju tagħha? Kemm ilha tikrih dan il-post, kemm hi l-kera u għalkemm u għala dan il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri? Jista’ jikkonferma li s-sit mikri għandu problemi ta' stabilità li qed iżommu x-xogħol ta' finitura tiegħu? Kemm se jiswew dawn ix-xogħlijiet rimedjali u min hu responsabbli li jagħmilhom? Meta se jibda jintuża dan is-sit bħala uffiċċju tal-kumpanija? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt tal-kera fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nikkonferma mal-Onor. Interpellant li l-Gozo Channel (Operations) Ltd. qiegħda tikri post fl-Imġarr. Dan beda jinkera, biex jibda jintuża mill-istess entità bħala uffiċċju ċentralizzat għall-operazzjonijiet tal-kumpanija, imħażen u garaxxijiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2020 għal terminu ta’ għaxar snin u żieda maqbula ta’ 18-il xahar addizzjonali mingħajr ħlas. Il-post tale quale intgħażel minn bord imwaqqaf apposta bħala l-aktar wieħed vantaġġjuż minn fost żewġ offerti ta’ interess fis-sejħa pubblika li kien hemm. Ir-raġuni għaliex il-post għadu ma bediex jintuża għall-iskop mikri hi li l-kumpanija kienet qed tistenna l-permessi meħtieġa biex isiru xogħlijiet li kien hemm bżonn. Filfatt dawn il-permessi ħarġu fit-3 ta’ Jannar 2022 u x-xogħlijiet meħtieġa, skont il-pjanti approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar (vide DS/00316/21; DS/00060/22 u PA/02464/21), issa bdew. Bħala kumpens ta’ parti minn dawn l-ispejjez li qegħdin isiru fuq dawn ix-xogħolijiet, ġie maqbul mas-sidien li l-perjodu tal-kirja jiżdied bi 18-il xahar wara t-terminu tal-kirja ta’ 10 snin mingħajr ħlas addizzjonali. L-arranġamenti se jkunu qed jiffaċilitaw il-ħidma tal-kumpanija fl-operat tagħha qrib il-port tal-Imġarr. Il-kera pagabbli hi ta’: (i) €2,600 fix-xahar bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu 2020; (ii) €5,200 fix-xahar bejn l-1 ta' April 2020 u l-31 ta' Diċembru 2022; u (iii) sussegwentement il-kera tiżdied kull tliet snin bir-rata ta' 6% jew iż-żieda fir-Retail Price Index, skont liema tiġi l-ogħla.

Għawdex: Proġett tal-Gozo Museum — pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'pagamenti saru s'issa fuq il-proġett tal-Gozo Museum f'Għawdex? Jista' jgħid kemm kien kull pagament u lil min sar?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-mużew se joffri passaġġ lura fl-istorja t’Għawdex fil-qalba tal-ġrajjiet u l-patrimonju rikk li nsibu fuq din l-art. Il-kollezzjoni li se tkun esebita fih, se tinkludi oġġetti li sal-lum il-pubbliku ma setax igawdi. Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru total ta’ €3,767,915 f’pagamenti.

Għawdex – triq li mix-Xagħra tagħti għall-bajja tar-Ramla – safety crash barriers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li fit-triq li mix-Xagħra tagħti għall-Bajja tar-Ramla f'Għawdex, jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha u jsiru 'Safety Crash Barriers' biex jitneħħa l-periklu li xi ħadd jaqa' bil-karozza fil-wied u dan peress li hemm partijiet kbar miċ-ċnut li jagħtu mit-triq għal wied, neqsin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li temporanjament l-ammont ta’ barriers mat-triq żdiedu u dan sakemm fil-ġimghat li ġejjin jerga’ jinbena ċ-ċint, kif kien oriġinarjament.

Għawdex – kumpens għall-ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għal kumpens rigward ħsarat li ġarrbu vetturi minħabba l-istat ħażin tat-toroq f’Għawdex, sena b' sena, mill-2017 sal-2021? Jista' jagħti l-informazzjoni minn liema lokalità sar kull ilment? Jista’ jgħid kemm minn dawn it-talbiet kienu aċċettati u kemm ingħataw kumpens f’kull każ?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu msemmi ngħataw €4,707.98 f’kumpens fi 22 claim differenti.

Ministeru għal Għawdex – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġiżlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.

Ministeru għal Għawdex — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

L-Onorevoli interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 168 ħaddiem fuq telework u 60 fuq remote working fil-Ministeru għal-Għawdex. Fir-rigward tal-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru ma kien hemm l-ebda telework u anqas remote working.

Ministeru għal Għawdex – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn dan il-Ministeru ma sar l-ebda ħlas lill-One TV u l-One Productions biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministeru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso mid-data msemmija sal-lum.

Ministeru għal Għawdex — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 291 u 962 u jgħid kemm hemm persuni li ġew impjegati bħala konsulenti mal-Ministeru u/jew Segretarjati sal-14 ta’ Mejju 2022, u kemm dawn jitħallsu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali informazzjoni tkun ippubblikata kull sitt xhur fuq il-Gazzetta tal-Gvern.

Ministeru għal Għawdex — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.