Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Chief Executive Officers

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid min huma ċ-Chief Executive Officers tad-diversi aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X'kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f'liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta' dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f'liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta' ħatra u l-kuntratt ta' dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat kif ġej: MITA – Mr Emanuel Darmanin Servizz.gov – Mr Massimo Vella Broadcasting Authority – Ms Joanna Spiteri RSSL Executive Chairman – Mr Lawrence Mizzi Servizzi Ewropej f’Malta( SEM)- Mr Roderick Zerafa Fond għall-Iżvilupp Nazzjonali u Soċjali (NDSF)-Mr Raymond Andrew Ellul Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)-Dr Joey Reno Vella Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)-Ms Carmen Ciantar

Proġetti — fondi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti li tlestew kompletament permezz ta’ Fondi Ewropej matul is-sena 2024 u l-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm intużaw Fondi Ewropej u Fondi Maltin għal kull proġett?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Administrative Officers fi skala 9

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Administrative Officers fi skala 9 u kemm hemm jaħdmu f'kull Ministeru? Meta se jiġu msejjħa għal 'colloquium' u min ser ikun qiegħed jintervista lill-Administrative Officers? Jista’ jgħid ukoll kemm-il Administrative Officer irid jintgħażel biex isir Principal u x'inhuma l-kriterji tal-assessjar li fuqhom se jkunu assessjati l-kandidati?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li hemm 382 Administrative Officers fi Skala 9. In-numri tal-Administrative Officers li jitilgħu fil-grad ta’ principal, isir skont il-vakanzi approvati fil-ħin li l-Amministrazzjoni tqis li jkun skont il-pjan ta’ xogħol.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Tower cranes

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26124 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid kemm hawn tower cranes preżentement f'Malta?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Wage Regulation Orders — Reviżjoni jew aġġornar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta’ reviżjoni jew aġġornar tal-Wage Regulation Orders, fid-dawl, li kien diġà sar xogħol preparatorju fil-leġislatura preċedenti?

Response (ABELA, ROBERT)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

EIRA

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-liġi tax-xogħol (EIRA) tiġi emendata jew issir liġi ġdida, kif kien qed jiġi kkunsidrat fil-leġislatura preċedenti, wara ħidma tajba li saret minn grupp ta’ persuni li kienu nħatru għal dan il-għan?

Response (ABELA, ROBERT)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis — Kannabis li qed tiġi pprovduta

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26690 u ċjoè: Wara li kellmuni xi persuni li huma mħassba, jista’ l-Prim Ministru jagħti dettalji u jgħid minn fejn qed tiġi l-Kannabis li qed tiġi pprovduta mill-Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis (ARUC)?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kannabis mhiex distribwita mill-Awtorità imma mill-Assoċjazzjonijiet għat-Tnaqqis tal-Ħsara tal-Kannabis u li l-istess kannabis tiġi kkultivata esklussivament mill-Assoċjazzjoni nnifisha u dan taħt regolamenti u direttivi rigorużi imposti mill-ARUC. Dan ifisser li l-proċess kollu, miż-żerriegħa sad-distribuzzjoni, huwa mmexxi mill-Assoċjazzjonijiet għat-Tnaqqis tal-Ħsara tal-Kannabis taħt il-kontroll u l-monitoraġġ rigoruż tal-Awtorità. Il-Kunċett ta’ importazzjoni u/jew esportazzjoni ta’ prodotti li mhux kkultivati fi ħdan l-Assoċjazzjonijiet huwa totalment eskluż. Tajjeb jiġi rrimarkat illi l-prodott tal-kannabis finali jgħaddi minn proċess rigoruż ta’ testing qabel jiġi distribwit lill-membri u dan sabiex, bħala miżura effettiva ta’ harm reduction, jiġi assigurat li l-prodott kkonċernat ikun nadif minn kontaminazzjonijiet u materjali tossiċi li jista’ jikkawża ħsara u dannu lil min jikkonsmah. Is-siti tal-kultivazzjoni, li huma sbatax (17) sad-data tat-tweġiba ta' din il-mistoqsija parlamentari u li jinsabu f’żoni industrijali u agrikoli, ingħataw liċenzja operattiva mill-Awtorità.

Awtorità dwar l-Użu Responsabbli tal-Kannabis — Ittestjar tal-Kannabis

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26691 u ċjoè: Wara li kellmuni xi persuni li huma mħassba, jista’ l-Prim Ministru jgħid hux qed isir ittestjar tal-kannabis? Jekk iva, jista’ jgħid min qed jagħmel l-eżaminazzjoni tas-sustanza u xi proċedura qed tintuża biex dawk li qed jagħmlu użu jkollhom sustanza li hija eżaminata u ċċertifikata?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab nfurmat li ttestjar tal-kannabis isir b’mod regolari. L-ittestjar tal-kwalità huwa aspett integrali fil-ħidma tal-ARUC u dan għaliex jiġi żgurat li l-kannabis li tiġi effettivament distribwita lill-utenti ma tkunx kontaminanta minn materjali tossiċi, sintetiċi u perikolużi li allura jagħmlu ħsara u dannu akbar. Dan għalhekk huwa aspett kruċjali li jassigura li din ir-riforma verament isservi bħala miżura effettiva ta' harm reduction. L-ittestjar jeħtieġ li jsir minn laboratorju akkreditat b'ċertifikazzjoni ISO/EC 17025 u GMP.

Bejgħ ta’ Reżina tal-Kannabis

Question

Jista' l-Prim Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26692 u ċjoè: Wara li kellmuni xi persuni li huma mħassba, fid-dawl li l-assoċjazzjonijiet jibdew ibiegħu r-reżina tal-kannabis, jista’ l-Prim Ministru jgħid min ser jipprovdi din is-sustanza u x’tip ta’ verifikar ser isir?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat illi b'rabta mar-reżina, l-Awtorità se tkun qed tapprova kull proċess b'mod individwali u tivverifika li l-proċess jiġi mwettaq mill-Assoċjazzjonijiet liċenzjati skond kif approvat. Proċessi li jinvolvu l-u¿u ta' kimiċi mhux se jiġu approvati. Prodotti ta' resin jew hash ser jiġu ttestjati bl-istess mod u bl-istess manjiera kif isir testing fuq il-fjura mnixxfa u dan sabiex dejjem nassiguraw li l-utent jaċċessa prodott li jkun nadif minn kontaminazzjonijiet u materji perikolu¿i u għalhekk sabiex din ir-riforma verament isservi bħala metodu effettiv u effikaċi ta' harm reduction. Intant tajjeb jingħad illi prodotti ta' hash jew resin se jiġu meqjusa ekwivalenti għal tlett (3) grammi ta' fjura mnixxfa peress li xjentifikament jkollhom livell ta' THC ogħla.

Ħaddiema temporanji — Pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista' l-Prim Minsitru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26633 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26456, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux il-ħaddiema temporanji kollha mal-Gvern, qed jingħataw l-istess pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż opportunitajiet ta’ vakanza tal-impjieg bħall-ħaddiema li qed jaħdmu fl-istess xogħol jew simili?

Response (ABELA, ROBERT)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

DIER — Ilmenti minn ħaddiema f’Aġenziji tal-Impjiegi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26634, jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ ilmenti ppreżentati lid-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) minn ħaddiema fl-aġenziji tal-impjiegi fis-settur pubbliku u ċivili, kif ukoll il-post fejn saru?

Response (ABELA, ROBERT)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem — Massage Parlours

Question

Jista’ l-Prim Ministru jara li d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem jiddikjara l-pożizzjoni tiegħu dwar in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni/liċenzji tal-ħwienet magħrufa bħala Massage Parlours fid-dawl li dawn huma ħwienet fejn hemm inċidenza iktar għolja ta’ traffikar tal-bnedmin?

Response (ABELA, ROBERT)

Infakkar lill-Onor Interpellanta li l-Gvern diġà nieda l-ewwel strateġija nazzjonali li tiġġieled it-traffikar tal-bniedem fl-2024. Nistedinha tara sew il-miżuri kif elenkati fl-istess dokument maħruġ mid-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem.

Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem — Inizjattivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’tip ta’ inizjattivi ħa d-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ taħriġ ingħataw l-uffiċjali pubbliċi fi ħdan id-Direttorat f’dan ir-rigward, f’dan il-perjodu u liema kienu l-kampanji ta’ għarfien għall-pubbliku li tella’ d-Direttorat f’dan il-perjodu?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li mill-2020 sal-lum, id-Direttorat tad-Drittijiet tal-Bniedem ħareġ 36 sejħa għall-applikazzjoni għall-impjieg sabiex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu. Preżentament hemm ingaġġati 23 uffiċjal pubbliku. L-uffiċjali pubbliċi fi ħdan id-Direttorat jattendu diversi taħriġ provdut mill-Amministrazzjoni Pubblika. Jattendu wkoll taħriġ ieħor ad hoc provdut minn istituzzjonijiet oħra, inkluż, fost oħrajn, taħriġ mill-Kummissjoni Ewropea, Kunsill tal-Ewropa (CoE), il-Ġnus Magħquda (UN) u l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali (FRA). Bħala parti mill-Fora Ewropej, id-Direttorat jipparteċipa fi programmi ta' tagħlim reċiproku, żjarat ta' studju, laqgħat tal-esperti, konferenzi u working groups, bil-għan li jsaħħaħ l-kapaċità tiegħu permezz ta’ prattiċi tajbin oħra.

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Ħaddiema li jgħixu Ħ’Attard

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu fid-dekasteru tiegħu li jgħixu Ħ’Attard?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li huma 847 persuna li huma impjegati fis-Servizz Pubbliku li huma residenti Ħ’Attard.

MCCAA – kariga ta’ Chief Executive Officer

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid minn fejn mill-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap 510, tirriżulta l-kariga ta’ Chief Executive Officer tal-MCCAA u wkoll il-funzjonijiet tal-istess uffiċjal?

Response (ABELA, ROBERT)

Bħalissa ċ-Chairperson għadha qed taqdi l-funzjonijiet tagħha li joħorġu mill-liġi. Fl-istess waqt il-liġi ma twaqqfekx milli tappunta persuni oħra f’irwoli maniġerjali.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Rigali u donazzjonijiet

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ta rigali u/jew donazzjonijiet minn fondi pubblici, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa kull rigal u lil min tah?

Response (ABELA, ROBERT)

It-tagħrif għadu qed jinġabar.

Każ ta’ individwu — Remunerazzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-pakkett ta' remunerazzjoni attwali li qed jirċievi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Rwol ta’ Direttur Ġenerali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament irtira u ma baqax iwettaq ir-rwol ta' Direttur Ġenerali tal-awtorità li d-dettalji dwarha wkoll qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid ukoll min inħatar biex iservi bħala Direttur Ġenerali minflok dan l-istess individwu u meta nħatar? Jekk għadu ma nħatar l-ebda Direttur Ġenerali, jista’ jgħid ir-raġuni għal dan u min kien u għadu jaqdi r-rwol ta’ Direttur Ġenerali?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninsab infurmat li kif ġie rilevat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14747, il-kariga ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) li kien jokkupa dan l-individwu ilha vakanti mill-11 ta’ Ottubru 2023. Sal-ġurnata tal-lum, din il-pożizzjoni għadha vakanti stante li l-proċess tal-għażla għadu ma ġiex konkluż. Minkejja dan, kif diġà ġie rilevat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22538, diretturi fi ħdan l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ġew delegati poteri speċifiċi mill-Bord tal-Gvernaturi tal-Awtorità sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jibqa’ jiffunzjona u jieħu dawk id-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu entro t-terminu speċifikat fil-liġi.