Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tender għal Continuous Blood Glucose Monitors

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid jekk hemmx tender valida li għadha miftuħa u li permezz tagħha, il-Gvern jista’ jixtri aktar continuous blood glucose monitors? Jekk m' hemmx, hemm il-ħsieb li toħroġ tender oħra?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-progett pilota attwali huwa parti mill-process kompetittiv ta’ innovative partnership u dan il-proċess mistenni jingħalaq sa l-aħħar tas-sena.

Sptar Mater Dei – persuni li mhux jitħallew jistennew fil-parkeġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jekk hux veru li persuni li jakkumpanjaw pazjenti lejn l-Isptar Mater Dei mhux jitħallew jistennew ġol-vettura privata tagħhom fil-parkeġġ tal-istess sptar sakemm il-pazjent jirċievi s-servizz li jkun jeħtieġ? Jekk dan hu minnu, jista' jispjega x'inhi r-raġuni jekk kemm-il darba sid il-vettura jkun ħallas għall-parkeġġ u jkun qed jistenna ġol-vettura tiegħu stess?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi persuni li jagħżlu jibqgħu fil-vettura tagħhom sakemm dawn ikunu wieqfa f’żoni ta’parkeġġ jistgħu jagħmlu dan b’mod liberu ġaladarba l-vettura li jkunu fiha ma tkunx qiegħda tostakola il-passaġġ liberu tat-traffiku jew ma tkunx qed tokkupa parkeġġ li huwa maħsub għall-użu speċifiku ta’pazjenti partikolari.

Appuntament mal-Podiatry – każ ta’ persuni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jara li dawn iż-żewġ anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament jingħataw appuntament mal-podiatry biex jaqtgħu dwiefer ta’ saqajhom li ilhom ma jinqatgħu minn Marzu 2020 u minkejja li ilhom iċemplu diversi xhur l-Health Centre ta’ Raħal Ġdid għall-appuntament, baqgħu bla appuntament? Minħabba li dawn huma dijabetiċi, jista’ jingħatalhom appuntament fl-inqas żmien possibbli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ ġie segwit.

Importazzoni ta’ Cannabidiol

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21748 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti spjegazzjoni għalfejn il-Port Health Medical Services qed twaqqaf l-importazzjoni tal-prodott ‘Cannabidiol’? Biex dan iż-żejt jidħol f’Malta hemm bżonn preskrizzjoni medika jew xi tip ta’ CE marking? Xi jrid isir biex dan iż-żejt jiddaħħal f’Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-Att Dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) [KAP. 537.], artiklu għaxra, l-Cannabidiol jistgħa jiġi mportat biss minn wholesaler liċenzjat jew manifattur liċenzjat u jiġi mogħti biss minn spiżjar ġewwa spiżerija liċenzjata.

Berġa tal-Mellieħa – Servizzi ġodda

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li fil-Berġa tal-Mellieħa, li tinsab f’parti mill-binja ta’ Dar il-Madonna tal-Mellieħa, jibdew jingħataw servizzi ġodda ma’ dawk li diġà qed jingħataw bħalma huma teħid tad-demm, fiżjoterapija u klinika għas-saħħa mentali? Iż-żieda ta’ dawn is-servizzi tkun tfisser inqas skariġġ għar-residenti tal-Mellieħa u l-Manikata u faċilment jistgħu jibdew jinqdew ukoll ir-residenti tax-Xemxija.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qabel mas-servizz mill-Klinika fil-Komunità tal-Mellieħa kellu jiġi sospiż minħabba l-Pandemija tal-Covid-19 u l-programm ta’ tilqim għall-kontra l-virus tal-Covid, din il-Klinika kienet diġa qed toffri is-servizz tas-Saħħa Mentali u dak ta’ Fiżjoterapija, flimkien mas-servizzi oħrajn bħas-servizz tat-Tabib bl-appuntament, is-Servizz tal-Infermiera (nurse led clinic), servizz tal-Patoloġija tal-Lingwa Mitkelma (Speech and Language Pathology) u s-servizz tal-Podjatrija. Huwa ippjanat li s-servizz tat-teħid tad-demm ser jibda jingħata ukoll minn din il-Klinika għar-residenti tal-Mellieħa u tal-madwar meta terġa tiftaħ bħala Klinika fil-Kommunita’ f’Lulju ta’ din is-sena.

Berġa tal-Mellieħa – servizz ta’ ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jara, li talanqas matul ix-xhur tas-Sajf, mill-post ta’ fejn illum hemm il-Berġa fil-Mellieħa li hi parti mill-binja Dar il-Madonna tal-Mellieħa, jibda jkun hemm ukoll is-servizz tal-Ambulanza? Dan is-servizz ikun jista' jintuża mhux biss għall-benefiċċju tar-residenti tal-Mellieħa u l-Manikata iżda wkoll għall-eluf ta’ Maltin li għandhom ir-residenza tas-sajf fil-Mellieħa kif ukoll l-eluf l-oħra li jkunu qed iżuru xi waħda mit-12-il bajja li l-lokalità tal-Mellieħa hija mdawra bihom. Aktar minn hekk, dan is-servizz jista' jkun utilizzat għat-turisti alloġġjati fid-diversi lukandi f’din l-istess lokalità. Dan is-servizz ikun ferm utli wkoll anke għall-fatt li t-traffiku lejn din il-parti tal-pajjiż qiegħed dejjem jiżdied.

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-naħa ta’ fuq ta’ Malta tul is-sena kollha tkun servuta b’ambulanza li hija stazzjonata fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Apparti minn hekk id-Dipartiment tas-Saħħa reċentement akkwista 3 rapid response units li huma pożizzjonati skont protokoll stabbilit li jippermettilhom li jilħqu diversi partijiet tal-gżira fi żmien adegwat.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — Position of Trust - salarji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu l-valur totali tas-salarji għal persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa’ taħtu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20993.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kienx hemm xi żieda fl-ammont ta’ persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu fl-2020 u 2021? Jekk iva ta’ kemm kienet din iż-żieda?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 20993

Sptar Monte Carmeli

Question

Jista d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport annwali tal-Isptar Monte Karmeli?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ir-rapport annwali tal-2020 tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali.

Ftuħ ta’ Rehab Centres għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika jekk hux sejrin jinfetħu aktar Reh Centres/Ċentri ta’ Matul il-Jum għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali matul din is-sena u s-sena ddieħla? Jekk iva, fejn sejrin jinfetħu dawn iċ-Ċentri?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħala parti mill-Istrateġija Nazzjonali għas-Saħħa Mentali qegħdin jingħataw servizzi ġodda għall-kura tas-saħħa mentali minn numru ta’ kliniċi kommunitarji u ċentri għas-saħħa. Apparti x-xogħol li qed isir mill-ħames ċentri ta riabilitazzjoni f’lokalitajiet differenti f’Malta, t-terapisti jirċievu wkoll referrals minn kliniċi oħrajn b’hekk qegħdin jintlaħqu persuni mill-lokalitajiet kollha f’Malta. L-occupational therapists minn dawn ċ-ċentri jaħdmu f’timijiet multi-dixxiplinarji u jsir ħafna xogħol fil-kommunita’ u fid-djar tal-persuni. Filfatt żdiedu l-Occupational Therapists fil-Community Mental Health Clinics. Qed tingħata iżjed importanza sabiex is-servizz ta’ rijabilitazzjoni jilħaq firxa ikbar ta’ nies. Għaldaqstant, qed isiru sessjonijiet informattivi miftuħa għal kulħadd onlajn msejħa Wellbeing 360 . Il-Programm Well being 360 jikkonsisti f'sessjonijiet informattivi offruta minn professjonisti differenti fuq kif wieħed jieħu ħsieb saħħtu, jgħix ħajja bbilanċjata u jingħata tagħrif fuq għażla wiesgħa ta’ servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali. Qed isiru wkoll programmmi ta taħriġ fuq ħiliet finanzjarji (Financial Literacy). Dawn il-programmi joffru tagħrif ta’ kif persuna tista tqassam id-dħul tagħha sabiex tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ħajja, tixtri bil-għaqal, jkollha tagħrif fuq investimenti, tfaddil u nformazzjoni kurrenti fuq l-valur tal-flus. Jingħata wkoll sapport u nformazzjoni lil-familjari għall-persuni li huma vulnerabbli u li ma tantx joħorġu minn djarhom. Baqa’ jinżamm kuntatt magħhom permezz ta’ telefonati, sessjonijiet onlajn u anke jintbgħatu pakketti t’ informazzjoni kull xahar.

Antenni u apparat simili li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari – saħħa fuq ir-residenti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti l-aċċertazzjoni tiegħu li antennas jew apparat ieħor simili installat fuq il-bjut ta’ residenzi minn kumpaniji li joffru servizzi tat-telefonija ċellulari f’pajjiżna mhumiex jikkawżaw l-ebda ħsara fuq is-saħħa tar-residenti li jgħixu fil-madwar ta’ fejn jinsabu installati?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-użu ta' l-ispektrum tal-mewġ elettromanjetiku emessi mill-arbli tal-istazzjonijiet bażi (antennas) u trasmettituri oħra huwa soġġett għall-rekwiżiti tal-liġijiet tal-Komunità Ewropea dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, b'mod partikulari d-Direttiva 2004/40/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-ħtiġiet minimi ta' saħħa u sigurtà li jirrigwardaw l-espożizzjoni ta' ħaddiema għal riskji li jirriżultaw minn aġenti fiżiċi (kampi elettromanjetiċi) u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta' Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni ta' l-esponiment tal-pubbliku ġenerali għall-kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz). Il-limiti imposti mid-Direttiva ġew stabbiliti abbażi tar-rakkomandazzjonijiet li nħarġu mill Kummissjoni Internazzjonali għall-Ħarsien mir-Radjazzjoni Mhux Jonizzanti (ICNIRP), l-organizzazzjoni li internament hija rikonoxxuta bħala l-awtorità li tivvaluta l-impatti fuq is-saħħa ta' din it-tip ta' radjazzjoni, fl-1998. Dawn il-limiti ta’ esponiment mogħtija mill-ICNIRP għandhom marġini wiesgħa ta’ sikurezza li fihom l-ebda effetti fuq is-saħħa ma ġew ippruvati xjentifikament sal-lum kif ikkonfermat mill-Kumitat Xjentifiku dwar Riskji Emerġenti u Identifikati Riċentement għas-Saħħa (SCENIHR) tal-Kummissjoni Ewropea u oħrajn. Fl-2015, SCENIHR aġġornat l-opinjoni tagħha tal-2009 fejn ġiet meqjusa l-informazzjoni disponibbli u riċenti dwar l-effetti potenzjali fuq is-saħħa ta' espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi (EMF). Din l-opinjoni tgħid li r-riżultati tar-riċerka xjentifika attwali juru li m'hemm l-ebda evidenza ta’ effetti ħżiena fuq is-saħħa jekk l-espożizzjoni tibqa taħt il-livelli rakkomandati mil-leġiżlazzjoni attwali ta' l-UE. Għalhekk, l-evidenza kurrenti ma tikkonfermax l-eżistenza ta' xi konsegwenzi fuq is-saħħa minn espożizzjoni għal kampi elettromanjetiċi li jaqgħu fil-linji gwida kurrenti. L-Awtorità responsabbli twettaq verifiki regolari fuq kampi elettromanjetiċi biex tiżgura li emissjonijiet ta’ radjazzjoni mhux jonizzanti ma jaqbżux il-linja gwida għall-esponiment massimu pubbliku stabbilit minn dawn il-linji gwida. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali jiżgura li l-livelli ta 'radjazzjoni f'rapporti mibgħuta lilha mill-MCA jkunu fil-livelli massimi għall-esponiment tal-pubbliku ġenerali.

Ċentri ta’ servizz.gov – assistenza u stampar taċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID-19)

Question

Wara li ftit tal-ġranet ilu tħabbar li ċ-ċittadini jistgħu jżuru wieħed miċ-ċentri ta’ servizz.gov imxerrdin madwar Malta għal assistenza biex iniżżlu u jistampaw iċ-ċertifikati tal-vaċċin (COVID 19), jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex dan is-servizz jibda jingħata wkoll fil-lokalità tal-Mellieħa fil-ġurnata tal-ġimgħa, il-ġurnata li dan iċ-ċentru (servizz.gov) ikun qed jopera fil-Mellieħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Berġa tal-Mellieħa — operat

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika meta ser terġa’ tibda topera normali l-Berġa fil-Mellieħa bis-servizzi li kienu jiġu offruti qabel ma’ dan il-post ġustament kien qed jintuża bħala ċentru sabiex tingħata l-vaċċin tal-COVID 19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Klinika fil-Kommunità tal-Mellieħa issospendiet is-servizzi tat-tabib, infermiera, fiżjoterapija u podiatrija f’Marzu tal-2020 minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Minn Frar tal-2021 din il-Klinika bdiet tintuża bħala ċentru biex tingħata t-tilqima kontra l-Covid-19. Dan is-servizz se jibqa jingħata sal-Lulju ta’ din is-sena u huwa pjanat li-Klinika tal-Mellieha terġa tiftaħ bis-servizzi ta’qabel wara dan il-perjodu.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — ħlas lil ditta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk, mill-2013 sal-lum, x’entità fi ħdanu ħallset lid-ditta li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jew ġietx mitluba ħlas għal xi servizzi kwalsiasi mill-istess ditta? Jekk iva, jistax jagħti d-dettalji?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ngħata l-ebda ħlas lid-ditta li d-dettalji dwarha ingħataw separatament għaliex ma tat l-ebda kwalsiasi servizzi lid-dipartimenti u/jew l-entitajiet li jagħmlu parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.

CGMS — proġett

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont lill-Kamra tal-proġett pilota CGMS fuq tfal bid-diabete type 1 taħt is-16-il sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-proġett ġie mniedi fi Frar ta’ din is-sena. 160 pazjent li jsofru bid-dijabete’ tat-Tip 1 u li għandhom inqas minn 16 il-sena irċevew l-invit sabiex ikunu jistgħu jkunu parti minn dan il-proġett pilota. Dan il-proġett ta l-faċilita’ biex jitkejjel il-livell taz-zokkor fil-ġisem mingħajr il-bżonn ta’ tingiża fis-swaba. Il-benefiċċju hu li l-livell taz-zokkor jkun mmoniterjat għal-24 siegħa, seba’ tijiem fil-ġimgħa. Bil-kunsens tal-partijiet ikkonċernati, din l-informazzjoni għaddiet lit-tim Mediku li jieħu ħsieb lil dawn il-pazjenti. Permezz tal-proġett stajna naraw meta l-livell taz-zokkor ħareġ barra n-normal, kemm waqt il-ħin ta’ l-iskola, waqt l-attivita fiżika kif ukoll waqt l-irqad. Inħarġu rapporti tal-livel taz-zokkor u dan għen lit-tobba kuranti. Fil-fatt kien hemm titjib sinifikanti fil-livell taz-zokkor (HBA1C) kif ukoll ingħata l-benefiċċju li jista’ jiġi evitat xi kumplikazzjonijiet fil-futur, kemm fl-għajnejn kif ukoll fil-kliewi. It-tfal stess setgħu jaraw u jinnotaw l-impatt ta’ l-ikel li jieklu fuq il-livell taz-zokkor tagħhom u għalhekk setgħu jikkontrollaw aħjar. Għalkemm dan il-proġett pilota għadu ma ntemmx, nistgħu ngħidu li kien ta’ suċċess u saret bidla u titjib fil-ħajja ta dawn il-160 pazjent u l-familji tagħhom.

CGMS — proġett pilota

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proġett pilota tas-CGMS li għandhu jikkonkludi ruħu fil-ġimgħat li ġejjin hux se jitkompla bħala servizz għall-istess tfal ta' taħt is-16-il sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern hu kommess li dan il-proġett se jitkompla anki wara li jagħlaq il-perjodu tal-proġett pilota.

Servizz tas-CGMS

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk is-servizz tas-CGMS għall-persuni bid-Dijabete Type 1 hux se jestendi ruħu għal dawk 'l fuq minn 16-il sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rapporti tal-proġett pilota qed jiġu evalwati sabiex ikunu jistgħu jittieħdu l-aħjar deċizjonijiiet fl-aħjar interess tas-Saħħa ta’ dawn il-pazjenti.

Raħal Ġdid – Triq San Ġorġ — ambulanzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk investigax d-diffikultà li hemm f'Triq San Ġorġ Raħal Ġdid sabiex ambulanza tkun tista’ tgħaddi, billi jidher evidenti li ma tistax?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-1 ta’ Ġunju sar test drive bl-ambulanza u nstab li ma hemm l-ebda problema biex vettura ta’ dan it-tip tgħaddi minn Triq San Ġorġ, Raħal ġdid.

Formularju tal-Mediċini — Xeralto

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21422, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jiċċara jekk fil-fatt hux qed jiġi kkontemplat id-dħul fil-formularju tal-mediċini, ta’ mediċina simili għax-Xeralto, imma mhux neċessarjament hi?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern beda’ l-proċess biex dawn it-tip ta’ mediċini jidħlu fil-formularju.

Ċimiterju tal-Addolorata – xogħol ta’ tkabbir

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21423, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta huwa maħsub li jitlesta x-xogħol kollu ta’ tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 21423.