Kundizzjonijiet tax-xogħol għal dawk li jaħdmu on a day to day basis
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet biex jinbidlu l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' dawk li jaħdmu mal-Gvern fuq bażi temporanja on a day to day basis u kif se tolqothom fir-rigward tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà nazzjonali flimkien mal-istatus tagħhom u kundizzjonijiet oħrajn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-Onor Interpellant qiegħed jirreferi għall-
Learning Support Assistants On Call
, nirreferih għat-tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 27042.
National Insurance tal-Learning Support Assistants
Question
B'referenza għall-facilitators - Learning Support Assistant mad-Direttorat tal-Edukazzjoni, tista' l-Ministru tgħarraf lill-Kamra jekk hux minnu li wara li dawn kienu qed jitħallsu xi €43.80 kuljum + €4.635 għall-break time (fix-xhur tax-xitwa biss) bl-Education Department inaqqsilhom 15% taxxa u mingħajr ma jkunu intitolati għas-sick leave u/jew vacation leave, b'bonus pro rata u National Insurance titħallas biss meta jaħdmu, issa għadhom kif saru jafu li lanqas se jkun hemm bżonn li jkollhom FS4 form u li se jiġu meqsjusa bħala self employed fuq contract of service ? Peress li dawn saru jafu ukoll li l-FS4 għandha tiġi mitluba biss fil-każ ta' part-timers li jkunu ġew apporvati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' dawn il-ħaddiema fir-rigward tan-National Insurance, aktar u aktar billi huma jħallsu n-National Insurance biss meta jaħdmu u b'hekk ma jkunux koperti fil-vaganzi tas-sajf, tal-Milied u tal-Għid fost oħrajn?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onor Interpellant li hemm żewġ kategorija ta’ Learning Support Assistants mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Hemm Learning Support Assistants li jiġu nġaġġati fuq kuntratt ta’ servizz (
contract of service
) wara sejħa li toħroġ mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Dawn jingħataw kuntratt ta’ sena u għandhom id-drittijiet kollha ta’ leave u sick leave u għal skop ta’ sigurta’ soċjali huma kkunsidrati bħala persuni impjegati (
employed
). Dawn jitħallsu fix-xahar u jħallsu l-kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali bħal impjegati skont il-paga tagħhom.
Barra minn dawn, toħroġ sejħa (
expression of interest
) għal servizzi ta’ Learning Support Assistants fuq bażi ta’ ħtieġa. Dawn l-LSA’s jagħtu s-servizzi tagħhom skond il-ħtieġijiet tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni fejn ikun hemm nuqqasijiet għal perjodu qosra ħafna (normalment ġranet). Dawn l-LSA’s huma inġaġġati biex jagħtu servizz (
contract for service
) u għalhekk għal finijiet ta’ sigurta’ soċjali mhumiex ikkunsidrati bħal persuni impjegati iżda jista’ jkunu meqjusa bħala persuni li jaħdmu għal rashom (
self occupied
). Infatti dawn jistgħu jkunu dovuti jħallsu kontribuzzjoni tas-sigurta’ soċjali bħala persuni li jaħdmu għal rashom kemm il-darba d-dħul tagħhom minn dan is-servizz jaqbeż id-€910 fis-sena.
Irid jingħad ukoll li peress li din il-kategorija ta’ LSA’s mhumiex inġaġġati bħala impjegati ma tistax timtliehlom il-formola FS4 għal skop ta’ taxxa.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 25905 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk għandhiex studji f'idejha li juru jew jindikaw jekk il-persentaġġ ta' nies li jgħixu fir-riskju jew fil-faqar innifsu huwiex jiżdied jew jonqos? Fuq liema studji qed tibbaża r-risposta tagħha u x'passi se tieħu biex jekk m'għandhiex studji, jkollha studji aġġornati f'idejha? Jekk m'għandhiex, meta taħseb li se jkollha studji aġġornati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudju li jindika il-persentaġġ ta’ nies li jgħixu f’riskju ta’ faqar isir kull sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dan l-istudju magħruf bħala Survey on Income and Living Conditions ilu jsir f’Malta mill-2005, u l-għan tiegħu huwa li juri il-bidliet li jkun hemm minn sena għal sena fid-dħul u l-kundizzjonijiet tal-għixien. Għaldaqstant dan l-istudju joħroġ statistika dwar ir-riskju ta’ faqar, id-deprivazzjoni materjali, u l-intensita’ tax-xogħol, fost l-oħrajn. Bħala parti mill-Programm Nazzjonali ta’ Riforma, fis-snin li ġejjin se jkun qed isir studju ieħor li janaliżża iktar mill-qrib il-faqar fost it-tfal. Dan l-istudju għaldaqstant ser ikun qed jikkumplimenta l-istudju li jsir ta’ kull sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Awtorità tad-Djar — studju fuq stallazzjoni ta' solar water heaters
Question
Fil-każ tal-appartamenti tal-gvern mikrija, tista' l-Ministru tgħid jekk sarx studju mill-Awtorità tad-Djar fir-rigward tal-istallazzjoni ta' solar water heaters b'xejn biex itaffi mill-impatt taż-żieda fit-tariffi tad-dawl?
Response (CRISTINA, DOLORES)
F’Mejju 2011, l-Awtorità tad-Djar flimkien mal-Università ta’ Malta bdiet tippjana programm ta’ riċerka fuq l-effiċjenza fil-konsum tal-enerġija fil-binjiet tal-Gvern. L-Awtorità tad-Djar tittama li tkun tista’ tibda din ir-riċerka iktar tard din is-sena stess u li tkun tista’ tagħmel użu minn fondi Ewropej għal dan l-iskop.
Awtorità tad-Djar — proċedura ta' stallazzjoni ta' cameras
Question
Fil-każ tal-appartamenti tal-gvern mikrija, tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-proċedura tal-Awtorità tad-Djar fir-rigward tal-istallazzjoni ta' cameras fil-partijiet komuni? Il-proċedura eżistenti kif tirrelata mal-Liġi tal-Condeminium kif ukoll dik dwar il-protezzjoni tal-privatezza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar preżentament m’għandha l-ebda
policy
fir-rigward ta’ installazzjoni ta’
cameras
f’partijiet komuni ta’ binjiet mikrija mill-Gvern. Il-postijiet tal-Gvern ma jaqawx taħt il-Liġi tal-Condominium
Tista' l-Ministru tieħu nota tal-problema li għandhom persuni li joqogħdu ġol-flat li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament u jara ukoll li dwar dan il-każ jiġu kkuntattjati ukoll il-persuni indikati separatament li ressqu l-ilment?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar ħadet nota ta’ dan u ser tibgħat uffiċċjali tagħha sabiex jittieħu l-passi meħtieġa biex tiġi solvuta il-problema.
B'referenza għall-Iskola tal-Mużika, tista' l-Ministru tgħid:
a) għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li l-post f'Old Bakery Street, Valletta, li qabel kien jilqa' l-Iskola tal-Mużika, ma jibqax jintuża għal dan l-iskop;
b) meta l-Gvern informa lill-għalliema tal-iskola b'din id-deċiżjoni; u
ċ) fejn se jkun il-post ġdid li se jilqa' l-Iskola tal-Mużika fil-futur immedjat?
Response (CRISTINA, DOLORES)
a) Id-deċiżjoni li l-post f'Old Bakery Street, Valletta, li qabel kien jilqa' l-Iskola tal-Mużika, ma jibqax jintuża għal dan l-iskop ittieħdet għax id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja, l-Amministrazzjoni tal-Iskola u l-għalliema ħassew li dan il-post ma kienx għadu adekwat biex fih isir it-tagħlim tal-mużika, apparti mill-fatt li hemm problemi ta’ natura strutturali fil-bini.
b) Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja informa lill-għalliema tal-iskola b'din id-deċiżjoni f’Awwissu, 2010.
ċ) Matul l-2011-2012, l-Iskola tal-Mużika sejra tkompli tilqa’ l-istudenti fil-bini tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Skola Primarja tal-Belt u fil-Lifelong Learning Centre, Msida.
Il-programm tal-Outreach Programme fit-tagħlim tal-Mużika, li ukoll jifforma parti mit-tagħlim provdut mill-Iskola tal-Mużika, ser ikompli jiġi pprovdut f’dawn il-Kulleġġi:
(i) Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja tas-Subien, Ħal-Kirkop;
(ii) Kulleġġ San Benedittu, Skola Sekondarja tal-Bniet, Santa Luċija;
(iii) Kulleġġ Sant’ Injazju, Skola Sekondarja tas-Subien, Qormi;
(iv) Kulleġġ Maria Reġina, Skola Sekondarja tal-Bniet, Mosta.
(v) Kulleġġ Santa Klara, Skola Primarja, Pembroke;
(vi) Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja, Attard.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kienu l-persuni li bbenefikaw mill-Arts Fund sena b'sena? Kemm hemm persuni li bbenefikaw mill-Arts Fund darbtejn jew aktar, minn kemm ilu li twaqqaf dan il-fond? B'referenza għall-każijiet fejn persuni bbenefikaw mill-Arts Fund darbtejn jew aktar, kemm kienu l-ammonti f'kull każ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Kif nassumi li l-Ministru diġà taf, is-sewwieqa tal-karting qed jiksbu riżultati tajbin ġewwa Sqallija, kif għadu kif għamel Trevor Muscat? Tista' l-Ministru tgħid jekk il-gvern għandux xi ħsieb li jgħin lill-Island Karting Club biex jispiċċaw il-korsa tal-karting fejn il-gvern allokalhom l-art ġewwa Ħal Far? Jidhirlu l-gvern li b'korsa tal-karting ta' livell internazzjonali ikun possibli li sewwieqa barranin ta' dan l-isport ikunu jistgħu ikunu mistiedna Malta u jiżdied it-turiżmu sportiv? Jista' jgħin lis-sewwieqa tal-karting biex dawn jikkompetu aktar spiss barra minn Malta, partikolarment fi Sqallija u l-Italja u postijiet oħra fl-Ewropa, fejn dawn jistgħu jirreklamaw lill-Malta bil-parteċipazzjoni pożittiva tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Gvern għadda art pubblika lill-Island Karting Club b’valur ta’ €384,000. Il-Gvern jemmen li kull attivita sportiva għandha l-potenzjal li tattira lejn pajjiżna turiżmu sportiv u għaldaqstant il-Gvern ħoloq skema biex jiffaċilita dan. Il-Gvern għandu wkoll diversi skemi oħra li minnhom jistgħu jibbenefikaw l-għaqdiet sportivi, inkluż skemi biex itejbu l-faċilitajiet. Ir-reġistrazzjoni tal-Island Karting Club mal-Kunsill Malti għall-Isport tagħtihom l-eligibilita biex japplikaw għal dawn il-fondi.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — rendikont dettaljat ta' sejħiet għall-Offerti
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 27442 u 27067 li oriġinarjament saru lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġew riferuti lilha u tagħti rendikont dettaljat minn Mejju 2001 sal-lum tas-sejħiet għall-offerti li oriġinaw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u li ġew ippubblikati permezz tad-Dipariment tal-Kuntratti u f'kull każ jagħti ċ-ċifra li permezz tagħha kienet stmata kull sejħa għall-offerti u l-valur finali ta' kull proġett komplut u jekk fil-każ li kien hemm varjazzjonijiet mill-istima oriġinali, jagħti r-raġunijiet għaliex ġara dan u jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 27446.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27508, tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li l-part-time job tagħhom hu l-uniku sors tad-dħul tal-familja tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ETC ma għandiex l-informazzjoni tan-numru ta’ persuni li l-part-time job tagħhom hu l-uniku sors tad-dħul tal-familja tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex il-korsijiet li kienet toffri l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fil-qasam tal-hospitality twaqqfu? Tista' tgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn jerġgħu jibdew jingħataw mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-korsijiet li kienet toffri l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ fil-qasam tal-hospitality twaqqfu minħabba li ntlaħaq il-valur ta’ budget preskritt fil-Public Procurement Regulations.
Il-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ qed tippjana biex toħrog
tender
ieħor biex tinstab entita’ li tkun tista’ toffri dan it-taħriġ.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti mill-fifth formers tal-iskejjel sekondarji:
a) statali;
b) tal-Knisja; u
ċ) indipendenti
li qagħdu għall-eżamijiet SEC sessjoni Mejju 2011? Tista' tagħti l-figuri separati għal kull settur u kemm kien hemm minn kull settur f'kull suġġett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba tirrekjedi użu estensiv tad-database. Minħabba lir-riżultati tas-SEC u tal-MATSEC għadhom kemm ħarġu, diversi nies qed iżuru l-uffiċċju tal-MATSEC jitolbu informazzjoni u kjarifiki li jirrekjedu l-użu tad-database.
Il-ġimgħa d-dieħla (mill-25 sad-29 ta’ Lulju filgħodu u wara nofsinhar) hija kollha skedata għar-reġistrazzjoni tal-eżamijiet tas-SEC u MATSEC.
Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba jkollha tingħata f’seduta oħra.
Studenti fifth formers — edukazzjoni fi skejjel sekondarji
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm fifth formers li temmew l-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel sekondarji:
a) statali;
b) tal-Knisjal u
ċ) indipendenti
fis-sena skolastika 2010 - 2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’
fifth formers
li temmew l-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel sekondarji fis-sena skolastika 2010 – 2011 huwa kif ġej:
Skejjel Statali
3,092
Skejjel tal-Knisja
1,513
Skejjel Indipendenti
453
Tista' l-Ministru tgħid jekk humiex jittieħdu l-miżuri relattivi sabiex appena tibda s-sena skolastika jiġi evitat l-iskomdu tas-sena preċedenti u d-diffikultà li tidher se tirriżulta konsegwenza tan-nuqqas ta' kwotazzjoni in segwitu għat-tender li dettalji dwaru qed jingħataw separatament li nħarġet għal dan il-għan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu għal liema tender qed jirreferi.
Peress li kien hemm dikjarazzjoni li se jkun hemm prijorità ta' housing lin-nies b'diżabilità, tista' l-Ministru tinforma jekk sarx xi ħaġa konkreta s'issa f'dan ir-rigward?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtortita’ tad-Djar tirriserva l-appartamenti fi pjan terren u appartmenti b’lift strettament għall-persuni b’diżabilita’. Qegħda tingħata priorita’ fl-installar ta’ lifts ġewwa blokki tal-Gvern fejn jgħixu persuni b’diżabilita’. Bħalissa l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tistudja l-iskema għall-irranġar ta’ djar ta’ persuni b’diżabilita’ sabiex itejjeb din l-iskemi biex tkun aktar ta’ benefiċċju għal min jagħmel użu minnha.
Tista' l-Ministru tgħid x'kien in-numru ta' persuni li jaħdmu full-time u part-time (dawk li jiddikjaraw l-impjieg part-time bħala l-uniku job tagħhom separatament) fl-aħħar tas-sena 2007, 2008, 2009 u 2010? X'inhu n-numru llum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għall-kwestjoni tas-sospensjoni tal-Fondi Ewropej (YIA u LLY), tista' l-Ministru tinforma lill-Kamra xi spezzjonijiet saru, jekk saru, minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea matul ix-xahar ta' Ġunju? Meta saru? Min kienu l-persuni li ġew jagħmlu l-ispezzjoni? Fiex kienet tikkonsisti l-ispezzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (European Union Programmes Agency – EUPA) ma kellha l-ebda spezzjoni minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea matul ix-xahar ta’ Ġunju.
Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja — service contract agreements
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm saru service contract agreements mill-1 ta' Jannar 2011 f'kull dipartiment\uffiċċju li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u tagħti d-dettalji relattivi u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra sample contract ta' kull kategorija ta' kull service contract li sar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
sponsorships jew advert campagins — VIP seating mal-clubs Ingliżi
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm qed jiswew id-diversi sponsorships jew advert campagins kemm fuq il-website taħt partners, kif ukoll il-VIP seating mal-clubs Ingliżi bħala Fulham u Birmingham?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirerefri lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari 22454 u 26613