Legislature:
Category:
Reset
Active:

Reati kriminali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru reati kriminali matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm kellhom età l-vittmi ta' dawn ir-reati? Kif jikkategorizza dawn ir-reati kriminali?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar ir-reati kriminali matul is-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Dwar il-kategoriji tar-reati, dawn jiġu kklassifikati skont in-natura tad-delitt u l-eta' tal-vittmi ta' dawn ir-reati jvarja minn 4 snin sal-101.

Post fejn seħħew is-serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena fejn seħħew u ġew rapportati s-serqiet matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant.

Serqiet li ġew solvuti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn is-serqiet li seħħew u ġew rapportati matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010 ġew solvuti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta' serq reġistrati bħala solvuti huma s-segwenti:- 2006 2007 2008 2009 2010 CID 261 229 258 305 242 Distrett 333 370 286 288 305

Delitti li seħħew fl-aħħar għaxar snin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru delitti f'dawn l-aħħar għaxar snin f'Malta u f'Għawdex u kemm kellhom żmien il-vittmi? Jista' jgħid x'kien il-mottiv tad-delitt?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn l-2001 u l-2010 kien hemm 42 każ ta’ qtil, b’wieħed minn dawn il-kazi ikun fih żewġ vittmi. L-iżgħar vittma kienet tarbija ta’ sena filwaqt li l-akbar vittma kienet mara ta’ 78 sena. Mhux dejjem huwa possibli li wiehed jistabbilixxi xi jkun il-mottiv wara dawn il-kazijiet li jistgħu jkunu kommessi għall-varjeta' ta’ raġunijiet u intenzjonijiet kriminali u illegali.

Sezzjoni tal-mobile squad tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm matul is-sena 2010 s-sezzjoni tal-mobile squad tal-pulizija ntalbet l-għajnuna? X'kienu l-każijiet li ssejħet għalihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Mobile Squad tal-Korp tal-Pulizija tikkontribwixi bis-sehem tagħha mingħajr il-ħtieġa ta’ talbiet speċifiċi għal xi għajnuna peress li tkun kontinwament bil-patrols u għaldaqstant tinterveni kull fejn ikun hemm il-ħtieġa.
Leg 11 PQ #23464 Sitting 314 2011-02-15 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

persuni li weħlu sentenza ta' priġunerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li matul is-sena 2010 weħlu xi sentenza ta' priġunerija? Jista' jgħid ta' kemm-il perjodu kienet kull sentenza? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom kienu Maltin, kemm minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea u kemm kienu minn Third World Countries?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #23549 Sitting 314 2011-02-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Vetturi reġistrati barra minn Malta — kontroll fuq ksur ta' regoli tat-traffiku

Question

Billi qed jirriżulta li vetturi reġistrati barra minn Malta, meta jidħlu f'Malta jispiċċaw ma jistgħux jiġu kontrollati għal xi ksur ta' regoli tat-traffiku, peress li dawn mhumiex fid-database ta' Trasport Malta, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'jiġri meta tali vetturi jiksru r-regoli tat-traffiku?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f’każijiet serji fejn tkun involuta vettura irreġistrata barra minn Malta, ix-xufier dejjem jista’ jitressaq quddiem il-Qorti b’urġenza. Dan jiddependi minn natura ta’ l-inċident. Dwar kontravenzjonijiet tat-traffiku, jidher li din hija problema mal-Ewropa kollha, tant li qiegħed jiġi ikkunsidrat mill-Kummissjoni Ewropeja sabiex ikun hemm proċedura bejn il-pajjiżi membri fejn jikkomunikaw flimkien sabiex jinġabar l-ammont dovut minn dak il-pajjiż fejn ikun joqgħod l-individwu li jkun għamel il-kontravenzjomi f’pajjiżi tal-Unjoni Eworpeja.
Leg 11 PQ #23568 Sitting 314 2011-02-15 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Korp tal-Pulizija — riforma tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bir-riforma l-ġdida tat-trasport pubbliku, il-membri tal-Korp tal-Pulizija humiex se jibqgħu jgawdu minn servizz b'xejn meta jagħmlu użu mill-karozzi tal-linja waqt il-ħin tax-xogħol tagħhom jew jekk humiex se jkollhom jibdew iħallsu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

It-tweġiba għal din id-domanda ser tingħata f'Mistoqsija Parlamentari numru 23569 f'din is-seduta.
Leg 11 PQ #23633 Sitting 314 2011-02-15 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Dħul ta' persuni irregolari

Question

Billi skont it-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22370, ma kienx hemm dħul ta' persuni rregolari f'pajjiżna, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'miżuri jittieħdu mill-Pulizija biex jiġi assigurat li persuni li jidħlu Malta b'mod illegali imbagħad iħallu Malta kif suppost?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi persuni li jinsabu li jkunu Malta b’mod illegali, jiġu miżmuma skont il-provvedimenti tal-Att dwar l-Immigrazzjoni sakemm isiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex dawn jiġu ripatrijati. F’kazijiet fejn ir-ripatrijazzjoni ma tkunx possibli, bħal f’każijiet fejn immigrant jikkwalifika għal status ta' refuġjat jew status ieħor li jagħtih protezzjoni, dawn jinħarġilhom ċertifikat tal-immigrazzjoni li ma jkunx validu għas-safar.

Rapporti ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' serq matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm kellhom età l-vittmi ta' dawn is-serqiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Serq bi vjolenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm serq bi vjolenza matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm kellhom età l-vittmi ta' dawn is-serqiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi n-numri ta' serq bi vjolenza fis-snin imsemmija mill-Onorevoli Interpellant kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt:- 2006 61 2007 44 2008 30 2009 45 2010 33 Infurmat ukoll illi l-età tal-vittmi tvarja bejn 16-il sena u t-88 sena.

Attentat ta' serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm attentati ta' serq li fil-fatt ma seħħewx matul is-snin 2006, 2007, 2008, 2009 u 2010? Kemm kellhom età l-vittmi ta' dawn l-attentati serqiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-attentat ta' serq fis-snin msemmija mill-Onorevoli Interpellant kienu kif jidhru ift-tabella t'hawn taħt:- 2006 1125 2007 707 2008 674 2009 509 2010 515 Infurmat ukoll illi l-eta' tal-vittmi tvarja bejn 11-il sena u t-93 sena.
Leg 11 PQ #23310 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-persentaġġ ta' impjegati fi ħdan il-ministeru u d-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu li għandhom diżabilità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 5 impjegati li għandhom diżabilità, 3 huma impjegati fil-Qrati tal-Ġustizzja (Malta), 1 fil-Korp tal-Pulizija u ieħor fis-Segretarjat Permanenti.

Pulizja f'fixed points — post ta' kenn

Question

Jista' l-Ministru jgħid Pulizija f'fixed points għal sigħat twal, kemm-il siegħa ta' mistrieħ ikun allokat? Jingħata każ tal-fatt li l-post ta' kenn fil-maltemp/xemx tiżreġ u mhux spazjuż hu ta' detriment għall-posture tal-istess ħaddiema, li jista' jkollhom kumplikazzjonijiet f'saħħithom mal-mogħdija taż-żmien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-aktar għassa twila għal fixed point li jagħmlu membri tal-Korp tal-Pulizija hija ta’ tmien sigħat, però din tkun maqsuma bejn żewġ pulizija. Ta’ min wieħed ifakkar, illi d-dmir tal-Pulizija li jkun fixed point huwa dak li jissorvelja l-akkwati tal-post li fih ikun qiegħed għassa u mhux li joqgħod ġewwa s-sentry box.

Furjana — ħinijiet tal-ftuħ tal-għassa tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid għal kemm-il siegħa kuljum tkun miftuħa l-għassa tal-Pulizja tal-Furjana? Jistgħu jiżdiedu dawn is-sigħat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed tkun miftuħa regolarment. Madankollu, jista' jkun hemm drabi jew ħinijiet fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu li l-Pulizija li jkun għassa joħroġ fuq xi doveri oħra barra mill-għassa.
Leg 11 PQ #23595 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuna — status ta' refuġjat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23183 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li daħlet fi żwieġ ta' konvenjenza u issa, kontra kull regola, biex tibqa' Malta applikat għal status ta' refuġjat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Huwa dritt ta' kull persuna li tapplika għall-ażil skont il-ligi. Ikun imbagħad fid-diskrezzjoni tal-Kummissarju tar-Refuġjati sabiex jara jekk din it-talba hiex ġustifikata u għandhiex tiġi milqugħa, u dan dejjem skont il-liġi ta' Malta. Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni referuta mill-Onorevoli Membru qiegħda tiġi proċessata bil-proċeduri stabbiliti.
Leg 11 PQ #23596 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Status ta' refuġjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23184 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min huma l-membri tal-bord li jikkordinaw petizzjonijiet ta' barranin sabiex dawn jingħataw status ta' refuġjat hawn Malta? Kemm-il darba jiltaqgħu u jekk il-pubbliku għandux dritt li jkun infurmat u jingħata dettalji dwar xi applikazzjoni li tkun saret?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna għandha d-dritt li tapplika għall-ażil skont, u fil-parametri, tal-liġi. Dawn it-talbiet isiru mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati, u ma jinvolvux bord. Huwa biss fl-istadju tal-appell li jeżisti Bord, bl-isem ta’ Refugee Appeals Board u li m’huwiex fir-risponsabbiltà tiegħu li jilqa’ l-petizzjonijiet oriġinali għal status ta’ refuġjat iżda li jeżamina l-appelli li jiġu sottomessi.
Leg 11 PQ #23650 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Membri tal-Korp tal-Pulizija — talba għal reduced hours

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp tal-pulizija - rank, rank li talbu għal reduced hours? Kemm-il talba intlaqgħet rank rank, b'kemm tnaqqas il-ħin u jekk tali talba ġiet miċħuda x'inhuma r-raġunijiet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 50 membru tal-Korp tal-Pulizija – 2 surġenti u 48 kuntistabbli li qiegħdin jaħdmu bir-reduced hours ta’ 75%. Kien hemm żewġ talbiet minn Spetturi li gew miċhuda minħabba esiġenzi tal-Korp. Wieħed irid ifakkar li l-grad ta’ spettur tal-pulizija huwa xogħol, li minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu, speċifikament dik investigattiva, ma jistax ikun imxekkel b’xi limitu ta’ ħin. Biex nagħti eżempju, dmir ewlieni ta’ spettur huwa li jkun xogħol 24 siegħa kuljum, u li jinvolvi ruħu b’mod dirett f’kull investigazzjoni. Ma jagħmilx sens u mhux fl-aħjar interess tal-investigazzjonijiet kriminali li każ li jkun inbeda minn spettur, jieqaf jew inkella b’xi mod jitkompla minn spettur ieħor għax l-ispettur ikun bdieħ ikun jaħdem bir- reduced hours . Hija ħaġa normali li spettur jiġi msejjaħ jirraporta għax-xogħol wara li dan ikun temm il-ġurnata normali tax-xogħol tiegħu, partikolarment f’każi serji ta’ kriminalita’ u inċidenti oħra. Dan barra dmirijiet oħra bħalma huma ordnar in konnessjoni ma’ attivitajiet reliġjużi, politiċi, sportivi u manifestazzjonijiet pubbliċi oħra li lkoll jifformaw parti integra mix-xogħol ta’ Spettur tal-Pulizija. Dan barra r-responsabbilità tiegħu li jieħu ħsieb in-nies ta’ taħtu fil-branka jew fid-diviżjon fejn ikun stazzjonat.
Leg 11 PQ #23651 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li soffrew reati — kumpens

Question

B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 23406, u peress li l-Ministru indika għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22906, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta' reat sofrew il-persuni msemmija f’din ir-risposta li ħadu kumpens?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant

Persuni li nqabdu jaħqru l-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies matul is-sena 2010 u ttieħdu passi kontra tagħhom fuq moħqrija tal-annimali? X'kienu dawn il-każijiet u x'passi ttieħdu fuq dawn in-nies?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-2010, il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 16-il persuna dwar każi ta’ moħqrija ta’ annimali. Infurmat ukoll illi 5 kellhom il-każ tagħhom deċiż, fejn 2 ingħataw multa; 1 ingħata sentenza sospiża u 2 ingħata sentenza sospiża u multa. Il-każijiet l-oħra għadhom pendenti quddiem il-Qorti.