Awtorità Maltija tat-Turiżmu — Arretrati ta' liċenzji ta' operaturi turistiċi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 574, 1842, 2466 u 2817 u jgħid l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kemm għandha arretrati x’tiġbor f’liċenzji minn operaturi turistiċi mill-2013 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Lukandi, Ristoranti, Open Air Venues jew stabbilimenti kummerċjali – liċenzja għal daqq ta’ mużika
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx lukandi, ristoranti, open air venues, jew xi tipi oħra ta’ stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenzji speċjali biex idoqqu l-mużika wara l-11p.m.? Jekk hemm, kemm hemm u f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-istabbilimenti?
Mellieħa – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu, bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA), matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità tal-Mellieħa?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġetti ppjanati fil-Mellieħa mill-Ministeru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta huma r-riġenerazzjoni tal-Pjazza tal-Mellieħa kif ukoll l-immodernizzar tal-promenade tal-Bajja tal-Għadira.
Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni f’diversi partijiet tal-Mellieħa fuq turġien, bankini, għamara tat-toroq u spazji miftuħa. Dawn ix-xogħlijiet isiru dejjem f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa.
Naxxar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità tan-Naxxar?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li huwa ppjanat li l-Parroċċa tan-Naxxar tiġi megħjuna biex isir dawl ġdid madwar il-Knisja Parrokjali.
Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni fil-Pjazza tan-Naxxar u t-toroq tal-madwar. Dawn ix-xogħlijiet isiru dejjem f’assoċjazzjoni mal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
San Pawl il-Baħar – xogħol li se jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema xogħol hu maħsub li jitwettaq mill-Ministeru għat-Turiżmu, jew minn xi awtorità/entità/dipartiment li taqa’ taħtu bħall-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) matul is-snin 2022 u 2023, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qiegħda taħdem flimkien ma’ aġenziji oħra fuq dawn il-proġetti ġewwa San Pawl il-Baħar:
· Il-proġett tal-Belveder fi Triq San Publiju
· It-tibdil tad-deck tal-gallarija fi Triq San Franġisk
· Tisbiħ fiż-żona ta’ Triq il-Luzzu
· Tisbiħ fil-Pjazza prinċipali ta’ Buġibba.
Barra minn hekk, fuq bażi regolari, il-Fondazzjoni għaż-Żoni Turistiċi twettaq tiswijiet u manutenzjoni f’diversi partijiet ta’ San Pawl il-Baħar fosthom fix-Xatt ta’ Buġibba fejn anke inbidel parti mir-railing li hemm fil-promenade. Dawn ix-xogħlijiet saru dejjem bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar.
Jista’ l-Ministru jieħu passi biex ix-Xemxija Heritage Trail, fix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, tingħata l-attenzjoni neċessarja biex ma ssirx iktar ħsara fiha filwaqt li jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex dan is-sit storiku jiġi miżmum fi stat tajjeb? Meta kienet l-aħħar darba li sar xogħol fuq dan is-sit u fiex kien jikkonsisti? Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar l-involviment ta’ Heritage Malta biex id-diversi aspetti li flimkien jiffurmaw it-trail, jiġu protetti?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu vvotati flus u kemm intefqu mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) fuq Route Development għal kull sena bejn l-2015 u l-2022?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Annual Reports and Financial Statements kif ukoll għall-Financial Estimates tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li diġà tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
MTA – kumpaniji li bbenefikaw minn flus ivvotati għal route development
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kumpaniji li bbenefikaw minn flus ivvotati għal route development mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) għal kull sena bejn l-2015 u l-2022?
MTA — benefiċċji minn flus pubbliċi relati ma’ route development
Question
Jista’ l-Ministru jispjega x’inhu l-proċess involut biex kumpanija tkun tista’ tibbenefika minn flus pubbliċi relatati ma’ Route Development? Xi proċeduri amministrattivi huma involuti, min jieħu d-deċiżjoni finali u kif l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta (MTA) tasal għal deċiżjoni bħal din?
Belt Valletta, Birkirkara, Marsaxlokk, Birżebbuġa u ż-Żurrieq – kopja tal-ftehim bejn il-Kunsilli Lokali u Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni
Question
Jista' l-Ministru jippreżenta kopja tal-ftehim li daħal fis-seħħ bejn id-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni u l-Kunsilli Lokali tal-Belt Valletta, Birkirkara, Marsaxlokk, Birżebbuġa, u ż-Żurrieq?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokumenti mitluba.
VisitMalta – ftehim ma’ Manchester United — rendikont
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2779 u jagħti rendikont totali u jgħid kemm jiswa l-ftehim li sar mal-Manchester United, tramite VisitMalta?
Għawdex – Proġetti mid-dħul tat-taxxa f’lukandi u akkomodazzjonijiet oħra
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2169, jista’ l-Ministru jispjega kif id-dħul mit-taxxa fuq l-akkomodazzjoni kien ta' €1,005,161 bejn il-bidu tal-2016 sal-aħħar ta' Ġunju 2022, meta skont ċifri maħruġa mill-NSO in-numru ta' bed nights f'Għawdex sal-aħħar tas-sena 2021 kien ta' kważi 2.8 miljun (1.6 miljun foreign tourists u 1.17 miljun domestic tourists) u dan meta hemm nieqes f'dawn iċ-ċifri l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? Għaliex din id-diskrepanza?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Bajja tal-Armier – liċenzji għall-kiri ta’ umbrelel u deckchairs
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2213, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzji biex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja tal-Armier?
Stabbilimenti kummerċjali li għandhom liċenzja jdoqqu mużika
Question
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2835, jista’ l-Ministru jinforma kemm-il permess inħareġ mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu f’kull wieħed mil-lokalitajiet ġewwa Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-isem, indirizz u lokalità għal kull wieħed minn dawn il-permessi? Jista’ jinforma wkoll x’inhu l-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika għall-permessi li nħarġu mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2835, ninfurmaha li t-62 permess għad-daqq ta’ mużika ġewwa stabbilimenti liċenzjati mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu huma mqassmin fil-lokalitajiet li ġejjin:
Birżebbuġa
2
Floriana
1
Għajnsielem
1
Marsaskala
2
Mellieħa
2
Naxxar
1
San Lawrenz
1
Sliema
5
San Ġiljan
34
San Pawl il-Baħar
8
Tarxien
1
Victoria Għawdex
1
Tarxien
1
Xewkija
1
Xlendi
1
Żebbuġ Għawdex
1
Il-ħin sakemm tista’ tindaqq il-mużika mhuwiex stabbilit mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu iżda huwa determinat mil-liġi sussidjarja li taqa’ taħt l-Att dwar il-liċenzji tal-Kummerċ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-press junket, atturi u crew tal-film Jurassic World Dominion li kienet preżenti f’Malta għall-premiere tiegħu, inkluż titjiriet, akkomodazzjoni, catering, trasport u spejjeż oħra?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għall-ewwel darba fl-istorja tal-blockbusters li nġibdu lokalment, pajjiżna deher bħala Malta fl-iscript tal-film.
Universal Pictures għażlet lil Malta bħala l-post ideali għal ‘Jurassic World: Dominion’ Global Press Tour u għaldaqstant l-ispejjeż ta’ vjaġġar u akkomodazzjoni kienu mħallsa mill-kumpanija stess.
L-ispejjeż relatati mal-Global Press Tour, li kien jikkonsisti f’aktar minn 40 ġurnalist, jammonta għal €2900.
Il-Malta Film Commission se tkompli tiffoka biex Malta tikseb il-coverage internazzjonali li jixraqilha permezz ta’ inizjattivi bħal dawn. Huwa maħsub li l-exposure li ħadet Malta minn din il-press junket jammonta għal mijiet ta’ eluf ta’ Ewro, liema dettalji għadhom qegħdin jinġabru.
Jista’ l-Ministru jippreżenta rapport iddettaljat tal-coverage li bbenefika minnu pajjiżna fil-media internazzjonali permezz tal-press junket li nġieb Malta għall-premiere tal-film Jurassic World Dominion?
Ministeru għat-Turiżmu – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?
Response (BARTOLO, CLAYTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru m’hemmx impjegati li huma relatati b’affinità jew konsangwinament maċ-Chairperson jew CEO tal-istess entità.
Bajja ta’ Fra Ben – liċenzja għall-kiri ta’ umbrelel u deckchairs
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2196, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-liċenzja sabiex jinkrew deckchairs u umbrelel fil-Bajja ta’ Fra Ben?