Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Qormi — Trasport pubbliku - Rotta numru 62 - Żieda fil-frekwenza

Question

Jista’ l-Ministru jikkunsidra li tiżdied il-frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku bir-rotta numru 62 li topera mis-Siġġiewi għall-Belt Valletta, peress li bejn is-6:00 u t-8:00 ta’ filgħodu l-karozzi tal-linja qed jaslu mimlija sa mill-ewwel bus stop bl-isem ta’ Felici, f’Ħal Qormi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ttieħdet nota ta’ dan is-suġġeriment għal aktar konsiderazzjoni.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (BONETT, CHRIS)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il- “Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġamenti ta' vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Transport Malta – Jottijiet reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm jottijiet reġistrati ma’ Transport Malta?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi: · Sal-aħħar ta’ April 2025, kien hemm 5,942 yacht (taħt il-24 metru) rreġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili, permezz tad-Direttorat għall-Bastimenti Merkantili fi ħdan Transport Malta. · Sal-aħħar ta’ April 2025, kien hemm 14,555 bastiment attivament irreġistrat fir-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar, li huwa mmexxi mid-Direttorat għall-Portijiet u l-Yachting fi ħdan Transport Malta.

Sleeping policeman

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28772 u jgħid kemm hawn “sleeping policeman” fit-toroq f’Malta u Għawdex? Jista’ wkoll: i. jassigura jekk humiex konformi mal-liġijiet Ewropej; ii. jassigura jekk humiex konformi ma’ regoli tekniċi; iii. jgħid x’regoli jaffettwaw il-frekwenza ta’ kif jitpoġġew fit-toroq; iv. jgħid għaliex ħafna minnhom ivarjaw fil-materjal u fid-daqs; v. jgħid għaliex fost dawk li huma maħduma bis-siment qed joħolqu ħsara lill-vetturi minħabba l-għoli jew id-daqs eċċessiv tagħhom; vi. jgħid min hu responsabbli għall-ħsarat ikkaġunati lill-vetturi (isem tal-entitajiet governattivi, kunsilli lokali u oħrajn); u vii. jgħid x’liġi teżisti li tikkontempla kumpens għall-ħsarat ikkaġunati minn dawn is-“sleeping policeman”?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li mis-sena 2020 ’l hawn, Transport Malta approvat 414 “road humps” f’Malta. Il-Liġijiet Ewropej ma jagħtux technical specifications għal dawn it-tip ta’ traffic calming measures. Lanqas ma jeżisti CEN standard li jittratta speċifikament “sleeping policemen”. Kull pajjiż ikollu l-guidelines tiegħu. Dawn it-tip ta’ traffic calming measures jitpoġġew skont il-bżonn u l-konfigurazzjoni tat-triq u m’hemmx frekwenza speċifikata minħabba li kull każ jista’ jkun partikolari. Il-mod tekniku ta’ kif jintagħżel it-tip ta’ traffic calming measure huwa bbażat fuq il-bżonn u t-tip ta’ riżultat li wieħed ikun jixtieq jara.

Qasam tat-trasport – Implimentazzjoni ta’ riformi f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-riformi li tħabbru fit-trasport, humiex kollha ser jiġu wkoll attwati u implimentati ġewwa Għawdex, u jekk iva, kemm minnhom ġew implimentati s’issa u meta ser jitkomplew jiġu implimentati?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-riformi li tħabbru fit-trasport huma applikabbli kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

Entitajiet pubbliċi — Avukati/Ditti tal-avukati

Question

Fir-rigward ta’ kull entità pubblika (irrispettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, jista’ l-Ministru jelenka sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u skont l-entità kkonċernata: (i) kemm hemm avukati full-time u/jew part-time, impjegati mal-entità kkonċernata u f’kull każ jgħid x’inhu l-grad tagħhom; u (ii) kemm hemm attwalment avukati jew ditti tal-avukati li mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer, u f’kull każ jgħid liema huma d-ditti tal-avukati jew l-avukat konċernat?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hemm tlett entitajiet taħt id-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi li jħaddmu magħhom żewġ avukati, filwaqt li hemm tlett ditti legali li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ retainer.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Id-Dwejra, Għawdex – Xogħlijiet fuq is-slipway

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29094 u jgħid fiex kienu jikkonsistu x-xogħlijiet kollha li saru fl-islipway tad-Dwejra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-irwol tal-Ministeru tiegħu f’dawn ix-xogħlijiet li saru u kemm ġew jiswew dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saret spezzjoni minn Infrastructure Malta, fejn irriżulta li kien hemm planka tal-konkos li kellha bżonn tinbidel. Il-kont finali għad irid jiġi ffinalizzat.

Ħal Qormi — Triq Gorg Mifsud Chircop – Wiċċ tat-triq

Question

Fid-dawl ta’ bosta lmenti dwar l-istat diżastruż li tinsab fih Triq Gorg Mifsud Chircop, f’Ħal Qormi, li qed iwassal għal nuqqas ta’ sigurtà għall-familji kif ukoll għal ħsara lill-vetturi tagħhom, jista’ l-Ministru jara li din it-triq isirilha wiċċ tal-konkos jew tarmac ġdid, biex jissolva l-inkonvenjent?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol tat-toroq jiġi allokat skont l-esiġenzi u l-prijoritajiet tal-lokalita’ rispettiva tagħhom. Minkejja li t-triq imsemmija ma ġietx nominata biex isiru xogħlijiet fiha fil-futur immedjat, nibqgħu kommessi li nkomplu nsaħħu l-infrastruttura tal-pajjiż, bil-komunitajiet jibqgħu fiċ-ċentru ta’ ħidmietna.

Attakki mill-Gvern Amerikan fuq l-Iran — Spazju tal-ajru utilizzat mill-Ajruplani użati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29429 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u ċjoè: Fid-dawl tal-attakki reċenti li saru mill-Gvern Amerikan fuq l-Iran, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu jgħid jekk l-ajruplani użati f’din il-missjoni daħlux fl-airspace ta’ Malta? Jekk iva, jista’ jgħid jekk kienx hemm permess għal dan?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat mill-MATS li dawn l-ajruplani ma daħlux fl-ispazju nazzjonali ta’ Malta.

Paceville Town Management Committee — Fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29435 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu u jagħti dettalji ta’ kif, fejn u kemm intefqu l-fondi ta’ Paceville Town Management Committee, mill-1 ta’ Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li mill-2024 ’il quddiem, intefqu mitt elf ewro fiż-żona tal-Purple Flag u l-madwar fuq tiswijiet u manutenzjoni tas-sistemi tad-dawl, u xogħlijiet ta’ landscaping fost l-oħrajn.

Bormla — Parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja - Pjanti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29065 dwar l-iżvilupp tas-sit ta’ parkeġġ quddiem l-Iskola Primarja ta’ Bormla, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta’ dak li ser iseħħ u dan l-iktar sabiex il-faċilitajiet tal-istudenti tal-iskola primarja jiġu protetti?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29065.

Il-Fgura — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fil-Fgura matul ix-xahar ta’ Lulju 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dan ix-xahar mistennija li jsiru xogħlijiet infrastrutturali fi Triq il-Karmnu u Triq Kent, filwaqt li se jingħata wiċċ ta’asfalt ġdid ma’ Roundabout tal-mina ta’ Hompesch.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu qattx qala’ ċitazzjoni (traffic fine) minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk fl-affermattiv, fuq liema karozza ħarġet tali ċitazzjoni, min kien qed isuq il-karozza u x’pożizzjoni għandu fil-Ministeru tiegħu, kemm ammontaw fi flus dawn iċ-ċitazzjonijiet u minn min tħallsu dawn iċ-ċitazzjonijiet; jekk hux mill-persuna li għamlet il-kontravenzjoni jew minn fondi pubbliċi?

Response (BONETT, CHRIS)

L-Onor. Interpellant diġà staqsa dwar dan u tajtu tweġiba f’interpellanza parlamentari nru 23556 fejn irreferejtu għall-proċedura applikabbli.

San Ġwann — Triq Bellavista - Tarmac

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li Triq Bellevista, f’San Ġwann, tingħata l-aħħar saff ta’ tarmac?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lil Onor. Interpellant li bħalissa għaddej xogħol ta’ kordinament ma entitajiet oħrajn fejn qed tiġi esplorata l-possibbilità li parti minn Triq Bellavista tiġi modifikata sabiex takkomoda il-proġett ta’ Vjal ir-Rihan. Ix-xogħlijiet neċessarji se jsiru wara li jiġi iffinalizzat dan il-proċess.

San Ġiljan — Triq Censu Tabone - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta Triq Censu Tabone, f’San Ġiljan, ser tingħata wiċċ bit-tarmac wara li saru xogħlijiet relatati ma’ trinek?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara diskussjonijiet li saru bejn Infrastructure Malta u l-MHRA, ġie maqbul illi x-xogħlijiet fit-Triq Censu Tabone, f’San Ġiljan, jitkomplew wara l-perjodu turistiku tas-sajf, ċjoè għall-bidu ta’ Ottubru 2025.