Malta Freeport Terminals – irbit tal-vapuri mal-mollijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy, l-istandard jew il-prattika użata dwar kif (id-direzzjoni) jorbtu l-vapuri mal-mollijiet tal-Malta Freeport Terminals, għaliex ħafna drabi dawn jorbtu bil-poppa u għalhekk il-magni u l-ħsejjes ikunu l-eqreb lejn l-abitant? Hemm possibbiltà li din il-prassi tinbidel b'tali mod li l-ħsejjes ikunu l-aktar ’il bogħod possibbli mir-residenti, dejjem jekk l-istandards u r-regoli tal-marittimu u tas-sigurtà jippermettu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp fuq it-Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr, u x-xogħlijiet li hemm bżonn isiru min-naħa tal-Ministeru tiegħu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta varat proċess ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali, fosthom dak tal-Imġarr, fejn talbithom jagħtu lista ta’ toroq li għandhom bżonn xogħol infrastrutturali u li huma ta’ prijorità għal lokalità tagħhom, sabiex ikunu jistgħu jsiru fis-snin li ġejjn. Dan skont skeda dettaljata li qed tiġi diskussa u maqbula magħhom. Infatti, Triq Sir Harry Luke hija waħda mit-toroq li tinsab fil-lista tal-prijoritajiet.
B’referenza għall-proġett ta' permanent link bejn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid:
a. fl-aħħar tmien xhur xi żviluppi kien hemm fejn jidħol dan il-proġett;
b. liema studji hemm għaddejjin meta jwieġeb din il-mistoqsija u min qed jagħmel dawn l-istudji;
ċ. jekk fl-aħħar tmien xhur kienx hemm xi studji li ġew konklużi; u
d. jekk kien hemm studji konklużi, liema kienu dawn l-istudji, min għamilhom u jistax iqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif spjegat b’mod dettaljat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 22403 kif ukoll għall-Mistoqsija Parlamentari 171, fix-xhur li għaddew intemm l-ewwel stadju (pre-qualification questionnaire) tal-għażla tal-kuntratturi li ser jibnu u joperaw din l-infrastruttura ġdida, meta nħarġet l-ewwel rakkomandazzjoni. Madankollu, kif diġà spjegat lil din il-Kamra, tnejn mill-offerenti l-oħrajn issottomettew appell biex joġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni li huma ma jimxux għat-tieni stadju tal-proċess. Dawn iż-żewġ appelli għadhom fil-proċess li jinstemgħu mill-Public Contracts Review Board. Il-proċess tal-għażla jidħol fit-tieni fażi tiegħu meta jkun hemm deċiżjoni dwar dawn l-appelli.
Sadanittant, kif spjegat ukoll fit-tweġibiet għall-Mistoqsijijiet Parlamentari indikati aktar kmieni, l-esperti mqabbdin biex jistudjaw dan il-proġett u jħejju l-environmental impact assessment tiegħu, qed jaħdmu fuq micro simulation model li janalizza l-effetti tal-mina l-ġdida fuq il-junctions u t-toroq tal-madwar. Kif diġà għedna kemm-il darba, ladarba jitlestew il-proċessi tal-għażla tal-kuntratturi u l-istudji relatati, l-istudji kollha li qed isiru jew li għad iridu jsiru jiġu ppubblikati għall-konsultazzjoni pubblika, hekk kif jitlob il-proċess stabbilit biex ikun determinat il-permess finali għall-proġett mill-awtoritajiet tal-ambjent u l-ippjanar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6360 u jgħid jekk kienx hemm investigazzjoni jew rapport ippreparat wara li kien hemm waqfien fit-traffiku nhar it-Tnejn 6 ta’ Frar 2023 mit-3.30 p.m sas-6.30 p.m fi Triq Aldo Moro, il-Marsa u t-toroq l-oħrajn? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu sabiex it-traffiku li weħel f’diversi partijiet tal-gżira, l-iktar fin-naħa t’isfel, jiġu mċaqilqa fuq toroq oħrajn?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa kompitu tal-Pulizija li jagħmlu investigazzjoni ta’ kif ġara il-każ, u jekk ikun il-każ is-segwenti passi li għandhom jittieħdu.
Infurmat ukoll li Transport Malta ħadet azzjoni immedjata meta ġara l-inċident billi ġew assenjati l-uffiċjali tas-sezzjoni tal-muturi u l-operational response unit assistiti mill-Pulizija u LESA f’postijiet strateġiċi sabiex jiġi devjat u maniggjat it-traffiku. Bl-assistenza tal-uffiċjali ta’ Transport Malta u l-entitajiet l-oħra, it-triq bi tliet karreġġjati nżammet dejjem miftuħa fuq karreġġjata waħda. Meta ippermetta, u kien possibbli it-triq bdiet taħdem fuq żewġ karreġjati u biex jitnaqqass il-volum ta’ traffiku fi żona milquta saru devjazzjonijiet fit-toroq tal-madwar fejn prinċiparjament:
Ġie devjat it-traffiku li kien gej mis-South minn Santa Luċija lejn Triq Garibaldi u jkompli ghal hdejn ic-Ċimiterju tat-torok ghall-Hal Qormi lejn Marsa-Hamrun bypass, kif ukoll lejn Ħaż-Żebbuġ.
Ġie devjat parti mit-traffiku li kien ġej minn Triq Aldo Moro għal mar-roundabout imsejħa tas-suffarini lejn Albert Town, il-Menqa u Blata l-Bajda.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6358, jista’ l-Ministru jara u jikkonsidra mill-ġdid it-talba sabiex Triq il-Kampanella, Fgura, issir, billi fil-leġiżlatura preċedenti kien hemm impenn li din se ssir?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6358, Infrastructure Malta għaddejja b’konsultazzjoni mal-kunsilli lokali kollha, inkluż il-Kunsill Lokali tal-Fgura, u rċeviet lista ta’ prijoritajiet għal-lokalità. Id-diskussjonijiet mal-kunsill għadhom mhux konklużi.
Mellieħa – kuntrattur li laqat cables ta’ vultaġġ għoli waqt xogħlijiet
Question
Fil-każ tal-qtugħ ta' dawl tal-gżira Għawdxija li seħħ nhar il-Ħamis, 16 ta' Frar 2023, li dwaru l-Enemalta nnotifikat lill-pubbliku li "kuntrattur li kien qed jaħdem għal terzi fil-Mellieħa laqat il-cables ta' vultaġġ għoli li jissupplixxu lil Għawdex", jista' l-Ministru jgħid:
a. jekk l-Enemalta kenitx informata qabel bdew dawn ix-xogħlijiet;
b. kienx hemm clearance li l-kuntrattur jista' jibda x-xogħol u min ta din il-clearance;
ċ. kienx hemm approvazzjoni mill-Enemalta biex ix-xogħol jinbeda;
d. ġewx immarkati r-rotot tal-cables tas-servizzi kollha fuq il-post qabel ma beda x-xogħol;
e. kienx hemm superviżjoni mill-Enemalta waqt li kienu għaddejjin ix-xogħlijiet qrib linji ta' 33kV li fuqhom tiddependi għalkollox il-gżira ta' Għawdex; u
f. x'miżuri effettivi se jittieħdu biex xi ħaġa bħal din ma tirrepetix ruħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5937 fejn il-Ministru qal li s-sewwieqa tal-e-scooters għandhom jużaw veloċità ta’ 10km fis-siegħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-veloċità hijiex ta’ periklu għal dawk li jimxu, peress li persuna normali timxi bejn 3km u 4km fis-siegħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wasalna għal din il-veloċità massima ta' għaxar kilometri fis-siegħa (għal sewqan f’mogħdijiet tar-riġel, inkluż dawk mhux riżervati esklussivament għall-mixi, promenades, żoni pedonali u mogħdijiet għar-roti) wara studju dettaljat li sar fejn anke rajna dak li ġie lleġiżlat barra minn xtutna.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-impjieg tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, inkluż dokumenti addizzjonali għall-kuntratt, jindika x’perkaċċi, benefiċċji, allowances u salarji ħadet tul dawn l-aħħar ħames snin u jipprovdi wkoll kopja tal-assenjazzjoni jew kuntratt tagħha mal-aġenzija Infrastruttura Malta, inkluż il-grad tagħha?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata ġiet assenjata r-role ta’ Senior Manager fi ħdan Infrastructure Malta minn Settemberu 2022. Il-kuntratt tagħha huwa simili għal dak li l-istess persuna kellha fl-entità oriġinarja.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn huma installati l-ispeed cameras fit-13-il Distrett Elettorali, kemm hu l-ispeed limit għal kull camera, kemm hemm tabelli li jindikaw li hemm speed camera fil-qrib u kemm hemm tabelli qabel kull camera li jindikaw l-ispeed limit?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm l-ebda speed camera installata fit-13-il Distrett Elettorali.
Transport Malta – rapporti permezz ta’ SMS dwar emissjonijiet ta’ duħħan
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6000 u jgħid kemm-il rapport b’SMS daħal għand Transport Malta dwar emissjonijiet ta’ duħħan minn karozzi fl-2022 u jgħid kemm ittieħdu azzjonijiet f’dan ir-rigward? Kemm-il karozza m'għaddietx mit-test? Kemm jiswa SMS?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 Transport Malta irċeviet 326 rapport ta’ vetturi b’emissjonijiet ta’ duħħan eċċessiv. Ittieħdu azzjonijiet fuq l-ammont kollu ta’ vetturi kif wieħed jista’ jara fit-tabella ta’ hawn taħt, ukoll ġiet imposta restrizzjoni fuq il-liċenzja ta’ 90 vettura li naqsu li jidhru għall-ispezzjoni.
PQ 6000
Emission tests
Called for test
Passed
Failed
No Show (Restricted License)
326
141
95
90
Transport Malta – pubblikazzjoni tal-prezz għall-VRT test
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6001 u jippubblika l-prezz għall-VRT test għal kull tip ta’ vettura mill-2016 sal-lum, maqsuma sena b’sena?
Response (FARRUGIA, AARON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tmien Skeda tar-Regolamenti dwar Testijiet biex Jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.15), li fiha hemm ippublikati d-drittijiet tal-VRT għall-kategoriji kollha ta’ vetturi bil-mutur. L-istess Skeda turi d-drittijiet li kienu applikabbli sal-31 ta’ Diċembru 2019, dawk li kienu applikabbli bejn l-1 ta’ Jannar 2020 u l-31 ta’ Diċembru 2022, u dawk li huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2023.
Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — karozza uffiċjali u s-second car tiegħu
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tiegħu? Jista' jgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li juża hu u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, jista' jgħid:
a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu; u/jew
b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tiegħu?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-karozza uffiċjali li tintuża mill-Ministru tat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali hi tal-għamla Tesla, li tinkera għal €50.00 kuljum.
San Pawl il-Baħar – Toroq Prinċipali – miżuri ta’ sigurtà
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali ta' San Pawl il-Baħar, Triq San Pawl, minn ħdejn ir-roundabout (li tagħti għax-Xatt il-Pwales u Triq Għajn Tuffieħa) sal-Veċċja, jkun hemm miżuri xierqa ta' sigurtà bħal zebra crossings eċċ.?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-triq msemmija hija triq li taqa' taht ir-responsabiltà tal-kunsill lokali ta’ San Pawl u li l-Awtorità m’għandha l-ebda applikazzjoni pendenti jew complaints fir-rigward ta’ nuqqas ta’ sigurtà mill-istess kunsill jew mir-residenti. Madanakollu l-Awtorità ser tkun qiegħda tikkomunika mal-kunsill fir-rigward ta’ dan is-suġġett.
Rabat – Triq Ġorġ Borg Olivier – ċitazzjonijiet lil sewwieqa ta’ inġenji kbar
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet, matul is-snin 2021 u 2022 u matul din is-sena sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fi Triq Ġorġ Borg Olivier (Buschetto Road), fir-Rabat, minn uffiċjali tal-LESA u mill-Pulizija lil sewwieqa ta' inġenji kbar li għaddew minn din it-triq kontra r-regolamenti tat-traffiku?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6387 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandha l-Aġenzija għal Infrastruttura Malta biex tissolva darba għal dejjem il-problema ta' għargħar ikkawżata mill-ilma tax-xita fi Triq D'Argens, il-Gżira?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6401 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jerġa' jiġi istallat il-bus shelter li kien istallat fil-bus stop bl-isem "Imperu" fi Triq D'Argens, il-Gżira u li waqa' kawża tal-maltemp?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’rrferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6402 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Raħal Ġdid – Triq it-Telgħa ta’ Raħal Ġdid — Żamma tal-Vertical Garden
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huwa responsabbli għaż-żamma tal-vertical garden ġewwa Triq it-Telgħa ta' Raħal Ġdid? X'qed isir biex wieħed jara li dan qed jinżamm fi standard mixtieq?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6465 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadhiex illegalità li l-ħitan tas-sejjieħ jiġu ssiġillati bil-konkos? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif qed jara li jiġi regolarizzat dan u jekk għadx hemm uffiċjali li jiċċekkjaw li dan qed isir u għaldaqstant tiġi infurzata din il-liġi?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6466 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.