Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet – talba għal rikonoxximent ta’ proprjetà

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba għal rikonoxximent ta' proprjetà daħlet quddiem l-Awtorità tal-Artijiet, sa minn mindu twaqqfet l-Awtorità sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, u jagħti għal kull talba x-xahar li fih ġiet sottomessa? Jista’ jgħid ukoll għal kull każ jekk it-talba ġietx milqugħa, rifjutata u/jew għadha qed tinħadem?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-erbgha domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Awtorità tal-Artijiet – applikazzjoni għal skema ta’ qbiela

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni taħt l-iskema tal-qbiela għad hemm pendenti quddiem l-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-erba' domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Awtorità tal-Artijiet – postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandha postijiet vakanti l-Awtorità tal-Artijiet, maqsuma skont kull lokalità?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-erba' domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Awtorità tal-Artijiet – rapporti ta’ illegalità fuq tables and chairs

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' illegalità rċeviet l-Awtorità tal-Artijiet fuq tables and chairs mill-ġurnata li twaqqfet l-Awtorità sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-erba' domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Awtorità tal-Artijiet – lista ta’ periti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-periti li tqabbdu sabiex jagħmlu valutazzjonijiet għal kull transazzjoni li mistennija tidħol jew li daħlet għaliha l-Awtorità tal-Artijiet minn mindu twaqqfet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jsemmi liema kienu dawn il-proprjetajiet u d-data li fiha ġew inkarigati bix-xogħol il-periti rispettivi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn l-erbgha domandi mressqa jitlobu ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk huma meqjusa bħala umanament impossibbli. Ikun aktar għaqli li l-ħin u r-riżorsi utilizzati għal dan il-għan, minflok jiġu utilizzati fuq xogħol aktar effettiv u produttiv.

Il-Mosta — Żona ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8016, jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-awtorità kompetenti għall-bini ta’ ħitan fi Triq il-Biedja u fit-Triq Mons. Edgar Salamone, hija l-kunsill lokali tal-lokal, meta dawn il-ħitan kellhom jinbnew meta nfetħu t-toroq rispettivi u meta fil-fatt kien qed jinbena l-qasam tal-bini li hemm fiż-Żokrija?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li tikkonferma li r-responsabilità tal-manutenzjoni tat-triq imsemmija hija tal-kunsill lokali konċernat, Infrastructure Malta qed tiddiskuti u tevalwa l-ħtiġijiet ta’ din it-triq mal-entitajiet konċernati, sabiex tassisti fit-tiswijiet tal-ħitan indikati fiż-żmien li ġej.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali -nefqa fuq reklamar fuq Facebook

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7533 waqt is-seduta ta' nhar it-28 ta' Novembru 2018, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-reklami kollha li saru fuq is-sit soċjali Facebook? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kwalunkwe fattura, rendikont u/jew talba għal ħlas dwar l-imsemmija reklami li saru fuq is-sit soċjali Facebook?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba diġà mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7533 tas-Seduta 174.

Transport Malta — ordnijiet maħruġa skont Kap. 81

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8302 u t-tweġiba li ngħatat, jista’ l-Ministru jikkonferma li kull ordni li Transport Malta toħroġ skont l-artikolu 4 tal-Kap. 81 (Att dwar ir-Regolamenti ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi) qabel ma jiġu mqiegħda xi cables eċċ. li jkunu ser jgħaddu minn proprjetà privata, qed tiġi notifikata lil sid l-art inkwistjoni mill-inqas għaxart ijiem qabel kif titlob il-liġi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fil-każ li Transport Malta toħroġ ordni taħt Cap 81, dan isir fir-rispett tal-kapitlu u l-artikli kollha jiġu segwiti.

Ordnijiet maħruġa skont Kap. 81

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet s’issa mill-2017 taħt l-artikolu 4 tal-Kap. 81 (Att dwar ir-Regolamenti ta’ Ċerti Xogħlijiet f’Utilitajiet u Servizzi), fil-konfront ta’ sidien ta’ art privata peress li ma ġiet mogħtija l-ebda figura kif mitlub fil-mistoqsija 8302?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-2017 sal-lum ma nħarġet l-ebda ordni minħabba li Transport Malta ma jirriżulta li kellha ebda talba li kienet tirrikjedi ordni fis-sens ta’ dan il-kapitlu inkluż fuq art privata.

Awtorità tal-Artijiet – Fortizza ta’ Bengħajsa — konċessjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx konċessjonijiet jew xi titolu favur terzi in rigward il-Fortizza ta’ Bengħajsa fil-limiti ta’ Birżebbuġa jew jekk din il-fortizza hiex fil-pussess tal-Awtorità tal-Artijiet?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Birżebbuġa – Triq Mons Spiru Penza — asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex il-parti ta’ Triq Mons Spiru Penza li tagħqad ma’ Triq it-22 ta’ Frar f’Birżebbuġa hux se tkun qed tingħata asfalt?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, f’Jannar 2019, din l-aġenzija bdiet tibni mill-ġdid 31 minn fost l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li ser tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. It-toroq li bdew jinbnew mill-ġdid fil-ġimgħat li għaddew jinkludu Triq il-Ġdida fi Triq l-Għarnuq, il-Fgura, Triq Valletta, Triq Santa Marija u Triq il-Gudja, Ħal Għaxaq, Triq Vincenzo Dimech, fil-Furjna, Triq Ħadd in-Nies, Ħaż-Żabbar, Triq Taltas u Triq Toni Zahra fiż-Żejtun, Triq Ġorg Borg Olivier u Triq Ħal Tartarni fir-Rabat, Triq Alessandra, Bormla, Triq il-Palazz l-Antik tal-Gvernatur, Triq iċ-Ċentinarju tal-Parroċċa u Triq San Dwardu, fil-Birgu, Triq Mike Pulis, Birkirkara, Triq it-Turisti u Triq il-Luzzu f’San Pawl il-Baħar, Vjal Sir Temi Zammit f’Ta’ Xbiex, Triq Luqa Briffa, il-Gżira, Triq Dawret il-Wied, il-Mosta, Triq Wied Għomor f’San Ġiljan, Triq Filippu Castagna fil-Gudja, Triq Santa Marija, Ħal Tarxien, Triq il-Qaliet, Marsascala, Triq ir-Rinella fil-Kalkara, Triq il-Qalb ta’ Ġesu, Triq il-Ġdida u Triq Tax-Xewk f’Raħal Ġdid, Triq it-Tempesta, il-Qrendi, Triq il-Ġdida fi Triq Innoċenzju, l-Imqabba u Triq is-Sarġ l-Imsida. Ix-xogħol meħtieġ għall-bini mill-ġdid ta’ aktar toroq qed jiġi ppjanat bħalissa u ser jitħabbar fiż.żmien li ġej. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Infrastruttura Malta – stimi ta’ xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ipprepara l-istimi għax-xogħlijiet ta' toroq li se jsiru minn Infrastruttura Malta, jekk hux mill-impjegati ta' Infrastruttura Malta, mill-impjegati ta' xi Dipartiment tal-Gvern jew jekk inqabdux konsulenti privati? Jekk saru minn konsulenti privati, jista’ jgħid jekk inħarġitx xi sejħa għall-offerti jew ingħataw direct order u kemm tħallsu dawn il-konsulenti privati biex għamlu dawn l-istimi? Min huma dawn il-konsulenti privati?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta ħadet f’idejha r-riżorsi umani, fosthom periti u tekniċi oħra, li qabel kienu jiffurmaw parti mid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, sabiex twettaq ir-responsabilitajiet mgħoddija lilha mill-Gvern, fosthom dawk li fis-snin li ġejjin pajjiżna jagħmel qabża kbira 'l quddiem fil-kwalità, l-effiċċjenza u s-sostenibbilità tal-ivvjaġġar fit-toroq. Infrastructure Malta żammet ukoll diversi kuntratti li kellha l-istess awtorità sabiex tikseb għajnuna teknika u professjonali addizzjonali f’din l-istess ħidma. Ix-xogħol ta’ stimi jifforma parti mill-istadju tal-ippjanar ta’ kull proġett li twettaq Infrastructure Malta. Il-maġġoranza ta’ dan ix-xogħol ta’ tħejjija jsir mill-impjegati ta’ Infrastructure Malta stess. Madankollu, ikun hemm ċirkostanzi fejn jintużaw ukoll servizzi minn entitajiet oħra u mis-settur privat, sabiex jappoġġjaw lil dawn l-impjegati fi proġetti partikolari. Fil-fatt, sa minn meta twaqqfet fl-2018, Infrastructure Malta użat is-servizzi tal-entitajiet u l-periti imsemmija hawn isfel għal diversi proġetti differenti. Dawn l-entitajiet u individwi kienu diġà jagħtu servizzi lid-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta’ Transport Malta, qabel twaqqfet Infrastructure Malta. Għal dawn is-servizzi lil Infrastructure Malta, li jistgħu jinkludu wkoll tħejjija ta’ stimi, l-aġenzija ħallset €200,607.05 fl-2018. L-entitajiet u l-individwi li taw dawn is-servizzi jinkludu: Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura, Perit Chris Cachia, Perit Daniel Camilleri, Crowdnet, Perit Chris Grech.

Twessigħ ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-aħħar elezzjoni sal-lum, xi proġetti saru ta' twessigħ ta' toroq mill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħaddi l-informazzjoni dwar ix-xogħol li sar f'twessigħ ta' toroq f'Malta u f'Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, permezz ta’ Infrastructure Malta u entitajiet oħra li jmexxi, qed iwettaq pjan fit-tul sabiex gradwalment nagħmlu qabża kbira 'l fuq fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sostenibilità tas-sistemi tal-ivvjaġġar f’pajjiżna. Dan l-impenn jinkludi għadd ta’ investimenti, bi proġetti żgħar li qed jitwettqu immedjatament u oħrajn aktar estensivi li qed jitħejjew għax-xhur u s-snin li ġejjin. Fost dawn l-investimenti, hemm proġetti li saru, jew qed isiru, sabiex toroq ewlenin eżistenti jinbnew mill-ġdid biex ikollhom aktar korsiji għal inqas ħin fl-ivvjaġġar bil-karozzi kif ukoll faċilitajiet ġodda għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi, fosthom il-mixi, it-trasport pubbliku u s-sewqan tar-roti. Fil-perjodu msemmi, fost dawn il-proġetti f’rotot ewlenin hemm ir-roundabout ta’ viċin l-Ajruport, Vjal l-Avjazzjoni biswitha, u r-roundabout tat-tarf l-ieħor tal-istess triq, f’Ħal Luqa, ir-roundabouts ewlenin f’Ħal Qormi u Triq Manwel Dimech bejniethom, il-konnessjoni bejn Triq tal-Barrani u Triq Ħal Tarxien, f’Ħal Tarxien, it-Telgħa t’Alla u Ommu, in-Naxxar, it-triq fl-inħawi tal-Ħemsija, f’Ta’ Qali, ir-roundabouts ta’ Ħaż-Żebbuġ u Triq l-Imdina bejniethom, Triq tal-Balal, bejn in-Naxxar u San Ġwann, Triq Dun Karm, Birkirkara, Vjal ix-Xarolla, iż-Żurrieq, ir-roundabouts ta’ ħdejn it-Technopark, il-Mosta u ta’ Ħal Lija u t-triq ewlenija bejniethom (Triq il-Kbira u Triq il-Mosta), Triq il-Buqana, bejn l-Imtarfa u l-Mosta, il-Marsa-Ħamrun Bypass, bejn Santa Venera u l-Marsa u Triq Diċembru 13, Triq il-Marsa u Triq Aldo Moro, il-Marsa wkoll. Aktar proġetti ta’ titjib tal-infrastruttura tat-toroq ser jibdew fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Skema ta’ regolarizzar fil-bini tad-dar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8234 liema domanda dwar skemi ta' Regolarizzazzjoni fil-Bini tad-Djar, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni għall-iskema tal-passat imwegħda mill-Gvern li kellha ssir għal dawk li jgħixu fil-qalba tar-raħal u dawk tal-periferija, liema skema ta' regolarizzata fid-djar u l-iskema għal dawk li jgħixu fil-qalba tar-raħal kienet ħarġet, mentri dawk li jgħixu fil-periferija għada le?

Response (BORG, IAN)

Naprezza jekk l-Onor. Interpellent jippreċiza jekk hux qed jistaqsi jew jissuġġerixxi skema ta’ regolarizzazzjoni għall-bini fl-ODZ.

Awtorità tal-Artijiet — customer care - uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali fi ħdan il-customer care tal-Awtorità tal-Artijiet u x'inhuma l-ħinijiet tal-uffiċċju tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li t-total ta’ uffiċjali fit-Taqsima tal-Customer Care fl-Awtorità tal-Artijiet huma sitta. L-uffiċjali tal-Customer Care jaħdmu l-ħinijiet normali tal-Uffiċċju bħall-kumplament tas-sezzjonijiet fi ħdan l-Awtorità. Apparti li jindirizzaw mistoqsijiet u lmenti permezz ta’ telefonati u emails, l-uffiċjali tal-Customer Care jilqgħu wkoll il-pubbliku fl-uffiċini tal-Awtorità, mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-08:30 sa nofsinhar, kif ukoll nhar ta’ Erbgħa wara nofsinhar bejn is-13:00 u t-15:00.

Ħal Qormi — Kamra tan-Nar - perikolu imminenti

Question

Peress li preżentament, hemm periklu imminenti minħabba ħsarat estensivi fuq il-pont li jinsab taħt it-telgħa li tagħti għall-kamra tan-nar ta’ San Sebastjan (Wied il-Kbir, Għar Ħanżira), jista’ l-Ministru jagħti direzzjoni sabiex isiru x-xogħlijiet ta’ manutenzjoni neċessarji mill-aktar fis?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – ħajt faċċata taċ-Ċimiterju

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7667, jista’ l-Ministru jgħid jekk marx il-perit tal-Ministeru sabiex jagħmel rapport fuq il-ħajt li qed iċedi u għaldaqstant huwa ta’ periklu għan-nies?

Response (BORG, IAN)

Nikkonferma li tqabbad Perit tal-MTIP u sar ir-rapport tad-‘dangerous structures’ li ġie mgħoddi lill-pulizija biex isegwu mas-sidien privati.

Ħal Qormi — Triq Ġuże Maria Camilleri - rampa għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru, permezz tal-ħaddiema tal-Gvern, joħloq rampa aċċessibbli minn persuni b’diżabilità minn Triq Ġuze Maria Camilleri Ħal Qormi għal ġol-Wied simili bħalma hemm biswit il-grawnd iż-żgħir tal-futbol fi Triq il-Belt Valletta, Ħal Qormi?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li mhux rakkomandabbli li ssir rampa fil-post indikat ghax din tista’ tostakola l-mixja tal-ilma f’wahda mill-aktar partijiet dojoq tal-korsa tal-ilma.