Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tarxien — tibjid ta' arkata

Question

Jista' l-Ministru jara li l-arkata li hemm fi Sqaq Brittaniku Tarxien, tiġi mbajda biex b'hekk tieħu ftit tal-ħajja?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn spezzjoni li saret minn ufficjali tad-Direttorat tal-Manutenzjoni , jidher li din l-arkata tifforma parti minn propjetà privata. Għaldaqstant ix-xogħlijiet neċessarji huma responsabbiltà tas-sidien ta' din il-proprjetà.

Persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi alternattivi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari W269 u 29657 u ċioe: jgħid kemm kien il-persentaġġ tal-enerġija ġġenerata minn sorsi alternattivi fl-2008, 2009 u 2010 u bejn Jannar u Awwissu 2011 rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-perċentwal ta’ enerġija minn sorsi alternattivi huma kif ġej: 2008: 0.47% 2009: 0.88% 2010: 0.90% Għas-sena 2011 għad m’hemmx ċifri uffiċjali. Dawn il-perċentwali kkwotati huma kollha fuq bażi ta’ stimi

Għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-gvern s'issa kellux l-opportunità li jinvestiga l-possibbilità li jgħin lil dawk il-bdiewa li sfaw vittma tal-maltemp li kellna f'Malta nhar it-Tlieta, 29 ta' Novembru 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mmedjatament kif kien innutata li kienet saret ħsara lill-bdiewa ħtija tal-maltemp, twaqqaf kumitat ta’ azzjoni u nħarġet lill-għaqdiet u koperattivi tal-bdiewa biex il-ħsarat ikunu rappurtati. Numru ta’ uffiċjali tad-Dipartiment tal-Agrikoltura diġà qed jagħmlu spezzjonijiet fuq siti li kienu rappurtati li sofrew xi ħsara. Dan qed isir biex tkun investigata sew din il-ħsara sabiex tiġi fformata stampa ċara ta’ x’tipi u kwantità ta’ ħsarat iġġarbu.

Rapporti fuq ħsarat li ġraw bil-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru rċeviex rapporti formali ta' ħsarat li ġraw fir-raba u fl-uċuħ tar-raba, nhar it-Tlieta 29 ta' Novembru 2011, b'riżultati tal-maltemp li laqat diversi nħawi ta' Malta? Jista' jagħti indikazzjoni jekk fil-fatt kienx hemm spezzjonijiet li saru fil-partijiet fejn saru r-rapporti jew f'partijiet oħra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30799.

WasteServ — contaminate rate

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kif jispjega l-fatt li l-contaminate rate tal-WasteServ huwa ferm għola minn ta' faċilitajiet oħrajn privati li ħafna drabi jirriżultaw bħala aktar cost effective għall-klijenti tagħhom kif ukoll li għandhom prattiċi ta' waste segregation aktar effettivi wkoll? X’inhi l-contamination rate medja tal-WasteServ bħalissa peress li huwa mifhum li f’facilitajiet privati qajla tiżboq l-10%? Jekk dan huwa minnu dan ma jfissirx li l-ekwivalenti ta' din ir-rata għolja qed jispiċċa bħala refuse derived fuel li aktar tard jintbagħat lil-landfills mill-WasteServ innifisha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lit weġiba tingħata f’seduta oħra.

Spezzjoni fuq il-frott u l-ħaxix minħabba pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2010 biex jaraw li l-frott u l-ħaxix li jkun hawn fis-suq Malti u Għawdxi ma jkollux kwantità kbira ta' pestiċidi ġo fih? Jista' jgħid kif jiġi ċċekkjat li l-frott ma jkollux pestiċidi u li huwa tajjeb għall-ikel? Jista' jgħid fejn jiġi ċċekkjat u kemm jiġi jiswa dan il-proċess kollu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li dawn l-ispezzjonijiet huma r-responsabbiltà tal-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru hu responsabbli mill-Awtorità msemmija.

Ilma tax-xorb — traċċi ta' bexx

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bexx li jintuża bħala pestiċida jaffettwax il-water table u jekk hemmx studji li juru traċċi ta' dan il-bexx mal-ilma tax-xorb?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — nefqa globali fuq hospitality

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-Ministeru u dekasteri, entitajiet eċċ. li jaqgħu taħtu għall-hospitality għall-perjodu ta' 12-il xahar mill-aħħar ta' Settemrbu 2010 sal-aħħar ta' Settembru 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Birżebbuġa — ground tal-futbol u pitch tal-waterpolo

Question

Jista' l-Ministru tgħid x'kien l-investiment li sar matul din is-sena biex isiru ground tal-futbol u pitch tal-waterpolo ġewwa Birżebbuġa? Min huma l-kuntratturi li qed jaħdmu fuq dan il-proġett? Meta huwa ppjanat li jkun lest dan il-proġett? Kemm huwa mistenni li jiġi jiswa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fir-rigward tar-raised waterpolo pitch kellu jsir ‘core investigation’ biex jigi stabbilit il-livell tal-blat fl-inħawi. Dan kien jirrikjedi wkoll t-tneħħija tat-turġien tal-‘pitch’ eżistenti permezz ta’ ‘excavator’ . Dan ix-xogħol sar minn kuntrattur (J.Vella) li għandu period contract għall-kiri ta’ inġenji ma’ dan il-Ministeru, u l-valur jammonta għal €1,620 (VAT inkluza). Il-Core Investigation sar mis-Solidbase Laboratory Ltd. u giet tiswa total ta’ €5,800 (VAT inkluza). Fir-rigward tal-progett tal-grawnd tal-futbol li qed jiġi propost għal Birżebbuġa, sal-lum tlestew id-disinji u pjanti marbutin ma’ dawn iż-żewġ proġetti. Fil-kaz tar-‘raised waterpolo pitch’ tlestiet ukoll it-tfassil tat-tender għax-xogħolijiet meħtieġa. Wieħed ikun jista’ jitkellem biss dwar dati ta’ tlestija ta’ dawn iż-żewġ proġetti wara li jkunu nħarġu t-tenders relatati. Rigward l-istima tal-ispiża għall-kostruzzjoni tar- raised waterpolo pitch , hija ta’ €1,079,894 (VAT inkluza), filwaqt dwar l-istima għall-grawnd tal-futbol din tammonta għal €991,399.50 (VAT inkluza)

Engineered Landfills — ħruq ta' gas methane

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet sabiex tibda tkun prodotta enerġija billi jinħaraq gas methane iġġenerat mill-Engineered Landfills?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16794, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tlestew il-pumping trials neċessarji sabiex eventwalment ikun determinat il-potenzjal tal-gass taż-Żwejra ħalli jkun stabbilit jekk hux kapaci jħaddem apparat li jipproduċi enerġija elettrika. Inħareġ għalhekk it-tender għall-kiri ta’ dan l-apparat u r-riżultat ta’ dan ikun magħruf fi żmien qarib. Kif għidnafil-Mistoqsija Parlamentari 16794: “ Il-Methane li jinsab fil-gas tal-Magħtab qed jintuża biex iżomm għolja t-temperatura ta’ l-RTO u b’hekk jigi evitat milli tintuża l-enerġija elettrika biex tipprovdi din is-sħana. Għaldaqstant l-enerġija elettrika qed tigi frankata flok iġġenerata .”

Kumitat Interministerjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-pjan li jitwaqqaf Kumitat Interministerjali presedut mill-Prim Ministru sabiex jara l-istrateġiji politika u azzjonijiet li jkollhom effett sinifikanti fuq il-bdil tal-klima kif indikat fl-Istrateġija Nazzjonali għal Politika u Mizuri relatati mat-tnaqqis ta' emissjonijiet ta' gas serre?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kumitat Interministerjali dwar it-Tnaqqis tal-Emissjonijiet tal-Gas Serra ġie appuntat nhar il-Ġimgħa 25 ta’ Novembru 2011 u l-ewwel laqgħa hija skedata għal għax-xahar ta’ Diċembru.

Efficient Energy One Stop Shop Portal

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar minnu l-pjan li jitwaqqaf Efficient Energy One Stop Shop Portal fi ħdan id-Diviżjoni għal Tibdil tal-Klima fi ħdan l-Awtorita' ta' Malta dwar ir-Riżorsi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Strateġija Nazzjonali għal Politika u Miżuri ta' Tnaqqis — rendikont

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-implimentazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali għal Politika u Miżuri ta' Tnaqqis sabiex jitnaqqsu l-Emissjonijiet ta' Gas Serre (National Strategy for Policy and Abatement Measures Relating to the Reduction of Greenhouse Gas Emissions) li kien imniedi aktar minn sentejn ilu f'Settembru 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Casual Subsitute Clerks

Question

B'referenza għall-avviż tal-gazzetta tal-gvern li l-Ministeru kien se jingaġġa casual subsitute clerks fuq kuntratt definit ta' sena, jista' l-Ministru jgħid kemm se jiġu ngaġġati b'kollox u f'liema dipartimenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru minn żmien għal żmien joħroġ sejħiet biex jimla’ vakanzi ta’ casual substitute clerks. Dawn il-casuals ikunu abbinati ma’ clerks li jkunu b’xi leave ta’ sena jew aktar. Għaldaqstant in-numru ta’ casual substitute clerks li jkunu ngaġġati jiddependu mill-vakanzi li jinħolqu minn żmien għal żmien fid-Direttorati tal-Ministeru.

Karigi ta' diretturi — allowances u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30454 u jagħti lista ta' persuni li jokkupaw il-karigi ta' diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi fid-diversi dipartimenti li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? X'tip ta' benefiċċju u allowance huma intitolati għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.

Konsulent li juża l-karozza tax-xogħol għall-bżonnijiet personali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 30453 u ċioe: B'referenza għal dak li ġara fl-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar fejn direttur ġie mġiegħel jirriżenja għax inqabad juża l-karozza tax-xogħol meta kien qiegħed jitħallas allowance biex juża l-karozza tiegħu, jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni se tittieħed kontra l-konsulent li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, meta hu fatt magħruf li dan ukoll juża karozza tax-xogħol għall-bżonnijiet tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ż-żewġ każijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari m’għandhomx x’jaqsmu ma’ xulxin. Il-Konsulent li qed jissemma f’din il-mistoqsija parlamentari huwa assenjat proġett speċifiku u l-kuntratt tiegħu huwa mfassal fuq dan. Peress li dan il-konsulent intalab jagħti s-servizz tiegħu fuq xogħol u proġetti oħra mingħajr ħlas addizjonali u li mhumiex koperti mill-allowance tal-kuntratt, is-Segretarju Permanenti approva talba li saritlu biex f’dawn il-każijiet dan il-konsulent ikun ipprovdut b’mezz ta’ trasport alternattiv.

Bdiewa full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa, in-numuru ta' bdiewa full-time u part-time li huma reġistrati, lokalità b'lokalità fis-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21106.

Sajjieda full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa, in-numru ta' sajjieda full-time u part-time rispettivament, li huma reġistrati f'kull waħda mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10183, nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja li hu responsabbli mill-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ.

Raħħala — full-time u part time reġistrati

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu bħalissa n-numru ta' raħħala full-time u part-time li huma rreġistrati, preżentament, skont l-annimali jew tjur li jrabbu, f'kull waħda mill-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il Distrett Elettorali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21107, nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja li hu responsabbli mill-Korporazzjoni tal-Impjiegi u Taħriġ.

MRA — skemi t'għajnuna.

Question

Jista' l-Minsitru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li applikaw għal xi waħda mill-iskemi ta' għajnuna, għal dawk li huma sistemi ta' enerġija alternattiva, għall-iskemi tal-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u l-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali? Minn liema lokalitajiet huma dawk li applikaw/li kellhom l-applikazzjoni tagħhom approvata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Paralamentari numru 28943 fir-rigward tal-informazzjoni għas-sena 2011, ninsab infurmat li n-numru ta' applikanti għall-iskemi ta' għajnuna għal xiri ta’ sistemi ta' enerġija alternattiva matul 2010 kien kif ġej: PANNELLI FOTOVOLTAJIĊI Sena Numru ta’ Applikanti 2010 2096 SOLAR WATER HEATERS Sena Numru ta’ Applikanti 2010 572 Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward in-numru ta’ minn liema lokalita' ġejjen dawk li kienu approvati