Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-installazzjoni ta’ bus shelters f’Ħaż-Żebbuġ? Jista’ jgħid ukoll fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’Ħaż-Żebbuġ?
Response (BONNICI, OWEN)
Sad-data tad-deadline intern l-informazzjoni ma waslitx.
B’referenza għal-laqgħa li saret nhar il-Ħamis 22 ta’ Mejju 2025 fil-Kunsill Lokali tal-Għargħur li kienet skedata għas-6:30 p.m., iżda s-Sindku ddeċidiet li din l-istess laqgħa tibda fis-6:07 p.m., jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa jew ser jieħu minħabba dan il-ksur tal-liġi dwar il-Kunsilli Lokali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li saret kommunikazzjoni mat-tmexxija tal-Kunsill fejn ġie infurmat li kien hemm qbil unanimu mill-kunsilliera kollha biex jinbidel il-ħin ta’ din il-laqgħa b’urġenza.
Kappella ta’ Santa Marija u Kappella ta’ San Nikola — Restawr
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27923, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ta’ restawr huma previsti li jsiru fil-Kappella ta’ Santa Marija, f’Ħal Tmin? Jista’ jgħid ukoll jekk jistax jiġi kkunsidrat li l-Kappella ta’ San Nikola tiġi rrestawrata wkoll?
Response (BONNICI, OWEN)
It-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27923 ma tagħmilx referenza għall-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Tmin fil-limiti taż-Żejtun, imma għall-Kappella ta’ Santa Marija f’Misraħ Santa Marija fiż-Żejtun, fejn għaddej restawr tal-faċċati minn barra.
Għar-rigward tal-Kappella ta’ Santa Marija f’Ħal Tmin u tal-Kappella ta’ San Nikola, id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni jkun f’pożizzjoni li jagħmel interventi ta’ restawr fuqhom jekk issir talba għalihom taħt l-Iskema tar-Restawr tal-Kunsilli Lokali, skont il-kundizzjonijiet ta’ eliġibilità tal-istess Skema, mill-Kunsill kkonċernat. Fil-fatt, sa mill-2015, id-Dipartiment qed iwettaq proġetti ta’ restawr fuq kappelli u monumenti storiċi oħra li jkunu sottomessi mill-Kunsilli Lokali u magħżula mill-Bord tal-Għażla permezz tal-imsemmija Skema ta’ Restawr tal-Kunsilli Lokali, b’iktar minn 50 proġett ta’ restawr imwettqa f’37 lokalità madwar Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu viżitaturi fil-Palazz tal-Gran Mastri fl-Imdina matul is-sena 2025 sal-aħħar ta’ Mejju? Jista’ jgħid ukoll x’xogħlijiet saru u x’passi ser jittieħdu fil-futur għal dan il-Palazz?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ammont ta’ viżitaturi li żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, li jinsab fil-Palazz Vilhena, fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2025, kien ta’ 21,401 persuna.
Matul is-snin li għaddew, Heritage Malta wettqet diversi xogħlijiet fuq il-bini tal-Palazz Maġisterjali fl-Imdina. Dawn jinkludu xogħlijiet ta’ restawr fuq il-faċċati tal-bitħa interna u fuq l-appramorti fuq il-bjut, tibdil ta’ xi soqfa, restawr tal-bieb prinċipali, ħolqien ta’ sala għall-wirjiet u taħditiet, faċilitajiet sanitarji ġodda u aċċessibbli għal persuni b’diżabilità, kif ukoll tibdil fis-sistema tad-drenaġġ.
Jista’ l-Ministru jgħid min iddiżinja s-Sound Stage li għamel referenza għalih l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, waqt il-laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi nhar l-14 ta’ Mejju 2025? Jista’ jgħid ukoll jekk saritx sejħa pubblika għal dan id-disinn u kemm ġie jiswa?
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-istallazzjoni ta’ bus shelters f’Ħal Qormi? Jista’ jgħid ukoll fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’Ħal Qormi?
Response (BONNICI, OWEN)
Sad-data tad-deadline intern l-informazzjoni ma waslitx.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm għall-istallazzjoni ta’ bus shelters f’Ħal Luqa? Jista’ jgħid ukoll fejn u meta hu mistenni li jiġu installati iktar bus shelters f’Ħal Luqa?
Response (BONNICI, OWEN)
Sad-data tad-deadline intern l-informazzjoni ma waslitx.
B’referenza għall-iskema ‘Minn Pjazza għal Pjazza’, li fi żmien tliet ġimgħat ingħalaq l-isem u nħarġu r-riżultati, jista’ l-Ministru jgħid:
i. liema kunsilli applikaw għal din l-iskema;
ii. kemm kien hemm applikazzjonijiet validi u kemm kien hemm invalidi;
iii. għalfejn kien hemm applikazzjonijiet invalidi, liema kienu l-lokalitajiet u x’kienet ir-raġuni; u
iv. x’inhuma l-proġetti li kull kunsill ser jagħmel permezz ta’ din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li l-inizjattiva minn Pjazza għal Pjazza kienet stedina għal espressjoni ta’ interess mibgħuta lill-Kunsilli Lokali kollha li wkoll kienu mistednin għal laqgħa t’informazzjoni. Kien hemm total ta’ 37 applikazzjoni minn 34 kunsill lokali. Għal dan l-istaġun, intgħażlu 15-il applikazzjoni. Ma kienx hemm applikazzjonijiet meqjusa bħala invalidi u l-applikazzjonijiet ġew evalwati u magħżula skont kriterji ta’ kwalità u innovazzjoni. Il-lokalitajiet mhux magħżula ser jingħataw opportunità biex itejbu s-sottomissjoni li tkun ikkunsidrata fil-futur.
Il-proġetti huma varji iżda kollha jinkludu element ta’ kultura, talent lokali, u tradizzjonijiet fil-pjazez u t-toroq tal-lokalitajiet. Il-kunsilli ser ikunu ggwidati mid-direttur artistiku.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li jikkontjeni iktar informazzjoni kif mgħoddi lili.
B’referenza għall-iskema ‘Minn Pjazza għal Pjazza’, jista’ l-Ministru:
i. jgħid meta fetħet din l-iskema u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-iskema;
ii. jgħid meta għalqet;
iii. jgħid meta tħabbru r-riżultati;
iv. jgħid min kienu l-membri tal-bord li ġġudikaw u ddeċidew fuq din l-iskema;
v. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-Rapport tal-Għażla; u
vi. jagħti r-raġunijiet għaliex numru ta’ kunsilli li applikaw ma ngħatawx din l-iskema?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat bid-dettalji li ġejjin mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali:
i) Is-Sejħa għall-Espressjoni ta’ Interess intbgħatet lill-Kunsilli nhar l-Erbgħa 16 ta’ April 2025 permezz ta’ stedina biex jattendu għal laqgħa ta’ informazzjoni li saret fit-28 t’April 2025 – L-istedina qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif mgħoddija lili.
ii) Id-data sa meta kellhom ikunu sottomessi l-applikazzjonijiet onlajn kienet it-12 ta’ Mejju 2025.
iii) Ir-riżultati tħabbru nhar il-Ġimgħa 23 ta’ Mejju 2025
iv) L-evalwazzjoni saret mit-tim artistiku taħt it-tmexxija tad-direttur artistiku s-Sur Daniel Cauchi.
v) Rapport tal-Evalwazzjoni qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra kif mgħoddi lili.
vi) L-allokazzjoni ta’ fondi ma tippermettix jiġu ffinanzjati l-applikazzjonijiet kollha. Il-kunsilli li ma ntgħażlux ser jingħataw is-sapport biex ikunu jistgħu jiġu ikkunsidrati fil-futur.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28047 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi u jgħid x’tip ta’ permess għandu kull każin f’Malta u Għawdex biex ikun jista’ jopera?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Kunsilli lokali — Devoluzzjoni ta’ art/proprjetà - Talbiet pendenti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28558 u jgħid jekk hemmx kunsilli lokali li għandhom talbiet pendenti mal-Awtorità tal-Artijiet relatati ma’ devoluzzjoni ta’ art jew proprjetà oħra? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-kunsilli lokali li għandhom tali talbiet pendenti u f’kull każ, x’inhi l-proprjetà li għaliha qed tintalab id-devoluzzjoni u kemm ilha pendenti l-iktar talba għal tali devoluzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li hemm 3 talbiet biss pendenti għal devoluzzjoni.
Kirkop – talba għal art biex tinbena old people’s home u spazji miftuħa. Applikazzjoni daħlet f’Jannar 2025.
Mqabba – talba għal plot of land sabiex tiġi konvertita fi spazju miftuħ u parking taħt l-art. Applikazzjoni daħlet f’Marzu 2025.
Ħaż-Żebbuġ – area ta’ art mitluqa mal-ftuħ ta’ triq ġdida, sabiex tiġi embellished. Applikazzjoni daħlet f’Marzu 2025.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex issa li l-akwedott tax-Xemxija (fit-triq li twassal lejn Għajn Tuffieħa) ġie skedat mill-Awtorità tal-Ippjanar, jiġi wkoll restawrat?
Response (BONNICI, OWEN)
F’dan l-istadju, minħabba prijoritajiet ta’ proġetti ta’ restawr fuq bini storiku ieħor skedat ukoll, m’hemmx pjanijiet għar-restawr tal-akwedott tax-Xemxija mid-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni.
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji sabiex Heritage Malta jew xi awtorità oħra li tieħu ħsieb il-wirt nazzjonali, fil-fatt tagħmel l-investiment neċessarju fir-restawr u l-ħarsien tax-Xemxija Heritage Trail, u dan biex l-inħawi jiġu protetti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li, minkejja li l-imsemmi Xemxija Heritage Trail jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, li l-Kunsill kien ikkomunika ma’ Heritage Malta sabiex tassisti lill-Kunsill biex jiġu identifikati l-interventi meħtieġa, kif ukoll sabiex ikun hemm kollaborazzjoni biex l-inħawi jiġu protetti. Huwa mistenni li fi żmien qasir ikomplu d-diskussjonijiet.
Il-Belt, Valletta — Triq il-Merkanti - Telephone Box
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ’l hekk imsejjħa "Telephone Box", li ġiet żarmata fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta, hijiex qed tiġi restawrata u jekk hux ser titqiegħed lura f’postha, forsi wkoll tkun mimlija bil-kotba?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħalissa għaddej il-proċess sabiex tiġi restawrata jew replikata it-telephone box.
Jista’ l-Ministru jgħid b’liema inizjattivi u għajnuna qed tibbenefika l-Villa Rumana li tinsab fiż-Żejtun, b’mod partikolari biex tinfetaħ u tkun aktar aċċessibbli għall-pubbliku?
Response (BONNICI, OWEN)
Waqt li l-Onor. Interpellant japprezza li s-sit ma jinsabx fil-pussess ta' xi waħda mill-entijiet li jifformaw parti mill-portafoll Ministerjali tiegħi, naqbel miegħu li s-sit de quo hu wieħed ta' preġju u ta' valur storiku kbir.
Waqt li d-domanda għandha ssir lill-Ministru konċernat inżid ngħid li d-diskussjonijiet jinsabu għaddejjin.
Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Public Expo Village 2025 - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28671 u jgħid jekk il-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat illi l-istand fil-Ministeru, naturalment bil-portafoll ta' dakinhar, fil-Public Service Expo Village 2025 ġiet tiswa €80,545. F’din l-istand kien hemm il-mobile broadcasting unit tal-PBS, ixxandar il-programm Popolin, is-simulator tal-40mm Light Anti-aircraft Bofors, kwiżż interattiv bil-preżenza ta’ kwiżż masters organizzat mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali u l-parteċipazzjoni tal-Malta Youth Orchestra. Din l-attivita’ kopriet il-parteċipazzjoni wkoll ta' Heritage Malta, id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni, Dipartiment tal-Gvern Lokali, Malta Libraries, s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Valletta Cultural Agency, Malta Philarmonic Orchestra, Malta International Contemporary Art Space (MICAS), Public Broadcasting Services (PBS), Arts Council Malta (ACM) u l-Arkivji Nazzjonali.
L-Expo Village tas-Servizz Pubbliku din is-sena żaruh 76,264 persuna.
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali — Credit/Debit cards
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23595 fejn intqal li l-informazzjoni kienet għadha qed tinġabar, issa li għaddew ix-xhur, jista’ l-Ministru jgħid jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit/debit card pubblika u min għandu l-faċilità li juża kull credit/debit card? Għal xiex tintuża kull credit/debit card u x’inhu l-limitu ta’ nefqa kuljum għal kull credit/debit card? Jista’ jgħid ukoll x’kienet in-nefqa minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar u xi nxtara, item item, b’din il-credit/debit card?
Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali — Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali – Public Expo Village 2025 – Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jgħid jekk is-Segretarjat u/jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ħadux sehem fil-Public Expo Village 2025 li saret f’Ta’ Qali mill-21 sal-25 ta’ Mejju 2025? Jekk iva, liema dipartimenti ħadu sehem, x’kien id-daqs tal-istand/stands tagħhom u kemm kienet in-nefqa ta’ kull dipartiment, kif ukoll in-nefqa totali tal-Ministeru fuq din l-Expo?
Riżorsi Agrikoli Malta — Artijiet agrikoli identifikati mill-Awtorità tal-Artijiet
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema artijiet agrikoli ġew identifikati mill-Awtorità tal-Artijiet biex ikunu jistgħu jgħaddu lil Riżorsi Agrikoli Malta? Jista' jgħid ukoll f’liema lokalitajiet jinsabu dawn l-artijiet?
Response (BONNICI, OWEN)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa għaddejin diskussjonijiet bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta għadhom għaddejjin.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 28432, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim biex l-art inkwistjoni ġiet mgħoddija lil Puttinu Cares Foundation u Richmond Foundation?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba kif mgħoddija lili.