Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta — Evans Building

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27449, 27775, 27976 u 28274 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u lill-Prim Ministru u lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar rispettivament u jgħid x’inhu l-pjan għall-użu tal-binja ta’ Evans Building fil-Belt Valletta? Jista’ jgħid ukoll x’viżjoni għandu l-Gvern għall-użu ta’ din il-binja li tinsab f’lok prinċipali fil-belt kapitali ta’ Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Immigranti irregolari li waslu bil-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm waslu immigranti irregolari bil-baħar u kemm persuni ġew ritornati għax ma jikkwalifikawx għall-ażil, għall-perjodu bejn l-2013 u l-2025, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern ma kienx kuntent bl-istatus quo fuq l-immigrazzjoni rregolari. Għalhekk ittieħdu numru ta’ deċiżjonijiet, inkluż bidliet leġiżlattivi, sabiex is-sistema tal-immigrazzjoni rregolari tkun waħda aktar soda u ġusta, kemm lokalment u kif ukoll fuq livell internazzjonali. Ħdimna mill-qrib ma’ pajjiżi oħra, pajjiżi ta’ oriġinu u kif ukoll pajjiżi ta’ tranżitu, sabiex naqqasna l-wasliet irregolari u jintilfu anqas ħajjiet fuq il-baħar. Għamilna tibdil sabiex ikollna sistema ġusta ma’ min ħaqqu protezzjoni iżda iebsa ma’ min ma jkollux dritt joqgħod ġewwa pajjiżna. Dan kien possibbli permezz ta’ bidliet leġiżlattivi, investiment fil-proċess tal-ażil, partikolarment bil-ħolqien tal-International Protection Agency u t-tnaqqis fl-ammont ta’ applikazzjonijiet pendenti. Twaqqaf ukoll Returns Unit fi ħdan il-Ministeru sabiex jiffoka fuq ir-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġinu ta’ dawk il-persuni li ma jkunux jeħtieġu protezzjoni f’pajjiżna. Fl-istess waqt sar xogħol estensiv fiċ-ċentri tal-immigranti, kemm dawk magħluqa u kemm dawk miftuħa, mingħajr ma poġġejna piż fuq il-komunitajiet tal-madwar kif kien ġara fi żminijiet imgħoddija. Dan wassal sabiex f’ħames snin, il-wasliet irregolari bil-baħar naqsu b’93%, meta wieħed iqabbel is-sena 2024 mas-sena 2019. Nitlob lill-Onorevoli interpellant tirreferi għal mistoqsija 26115. Matul is-sena 2024 il-wasliet irregolari bil-baħar kienu ta’ 238 persuna u fl-istess perjodu ġew irritornati 162 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu għaliex ma kienux jikwalifikaw għall-ażil, filwaqt li fis-sena 2025 il-wasliet irregolari bil-baħar jammontaw għal 28 persuna u fl-istess perjodu ġew irritornati 45 persuna lejn il-pajjiż tal-oriġinu għaliex ma kienux jikwalifikaw għall-ażil.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol — Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26749 u jgħid kemm intefqu flus f’reklami fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27938.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24388 u 24774 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista' jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fil-perjodu msemmi nxtraw ħamsa u erbgħin karozza ġodda mid-Dipartimenti u Entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall- Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol. Finalment irrid nirrimarka li x-xiri ta’ dawn il-vetturi jsir skont il-proċedura applikabbli skont il-Public Procurement Regulations.

2025 — Suwiċidji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il suwiċidju kien hemm matul is-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess u jagħti tagħrif dwar l-età ta’ kull persuna?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27907.

Jobsplus – Persuni b’diżabilità li qed jirreġistraw għax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ (bejn is-16 u t-30 sena) b’diżabilità rreġistrati ma’ Jobsplus? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn huma impjegati u kemm għadhom qed ifittxu impjieg, u jaqsam din l-informazzjoni skont is-sess?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 26693.

Vittmi ta’ att kriminali — Persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati atti kriminali fuq persuni b’diżabilità mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u jgħid x’att kriminali kien twettaq? Jista’ jipprovdi wkoll l-età tal-persuni li sfaw vittma ta’ att kriminali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li s-sistema tal-Pulizija mhix imfassla biex toħloq distinzjoni bejn min għandu diżabbiltà jew le.

Road side stops — Spot checks

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru road side stops bejn is-17 u d-19 ta’ Marzu 2025? Jista’ jgħid ukoll fejn saru dawn l-ispot checks, kemm sewwieqa ġew sottomessi għal breathalyser u kemm minn dawn qabżu l-limitu stabbilit mil-liġi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fi tlett ijiem li qed tirreferi għalihom l-Onor. Interpellant saru 46 road check li kienu mifruxa f’diversi żoni madwar il-pajjiż. M’għandix dubju li l-Onorevoli Interpellant tifhem u taprezza li min ikun qed isuq il-vetturi jagħmel dan biex jivjaġġa minn post għal ieħor u għalhekk l-istrateġija ta’ dawn it-tip ta’ road checks għandha tkun marbuta iktar ma’ żoni milli ma’ lokalitajiet speċifiċi b’mod li jilħqu b’mod iktar effettiv l-iskop tagħhom. F’dawn ir-road checks ġew spezzjonati aktar minn disa’ mitt vettura u saru erba’ breathalyser tests fuq sewwieqa li dwarhom kien hemm suspett raġonevoli li qabżu l-limitu ta’ alkoħol ikkonsmat, kif stabbilit mill-liġi, liema testijiet irriżultaw fil-pożittiv. Matul ix-xahar ta’ Marzu fis-sistema elettronika tal-Pulizija saru total ta’ sittax il-rapport dwar breathalyser test fuq sewwieqa meta kien hemm suspett ta’ konsum eċċessiv ta’ alkoħol, u fi tnax il-każ ir-riżultat kien pożittiv. Dan sar waqt total ta’ tlett mija u tlieta u tletin (333) road check li saru fl-istess xahar madwar dawn il-gżejjer, fejn fihom ġew spezzjonati mijiet ta’ vetturi.

L.S. 460.41

Question

B’referenza għal Leġiżlazzjoni Sussidjarja 460.41, jista’ l-Ministru jispjega għalfejn bħala awtoritajiet kompetenti hemm imsemmija biss l-Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni (MCA) u l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA), dan tenut kont li bħala setturi ta’ kritikalità għolja hemm setturi oħra fosthom l-enerġija, trasport bl-arju u saħħa li wkoll għandhom regolaturi dedikati?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li li t-traspożizzjoni Maltija ssemmi dawk l-awtoritajiet l-aktar involuti f’din il-leġiżlazzjoni, iżda li dan ma jeskludi bl-ebda mod il-parteċipazzjoni ta’ awtoritajiet oħrajn hekk kif indikat fil-mistoqsija. Dan minħabba l-fatt li Artikolu 7 jistabbilixxi li d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika jista’ jinvolvi awtoritajiet oħra hekk kif inhu meħtieġ, u li dan id-Dipartiment jaġixxi bħala koordinatur ewlieni.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Żgħażagħ b’correctional order

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26725, jista’ l-Ministru jgħid għal xiex iż-żgħażagħ imsemmija fl-istess tweġiba ddaħlu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Persuni li tneħħielhom l-istatus ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna tneħħielha l-istatus ta’ refuġjat matul is-sena 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li kellhom il-Protezzjoni ta’ Refuġjat u li din ġiet irtirata matul l-2024 jammontaw għal ħdax (11) -il persuna.

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fis-16 ta’ April 2025 l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament marx fl-uffiċċju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u intimida lill-ħaddiema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-persuna inkwistjoni m'għadux qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu fl-uffiċċju li għalih għamlet referenza l-Onor. Interpellant.