Legislature:
Category:
Reset
Active:

Rotta tal-Linja miċ-Ċimiterju sal-Belt

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33675, peress li qabel kienet tgħaddi l-karozza 11 u issa anke inbidel l-istage u l-karozza tal-linja ma tgħaddiex minn hemm, jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bus stop imsemmi ta’ quddiem iċ-Ċimiterju tal-Addolorata tneħħa minn Transport Malta minħabba raġunijiet ta’ sigurtà. Jirriżulta li sabiex in-nies f’dawn l-akwati jużaw l-imsemmi bus stop, kienu qegħdin jaqsmu t-triq arterjali ta’ Vjal Santa Luċija b’konsegwenza li kienu qegħdin jikkawżaw periklu kemm għalihom infushom kif ukoll għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq. L-eqreb bus stop fid-direzzjoni tal-Belt huwa l- bus stop li jġib l-isem “ Xwieni”, li jinstab 350 metru 'l bogħod fi Triq il-Labour. L-eqreb bus stop fid-direzzjoni ta’ Raħal Ġdid iġib l-isem ta’ “ Addolorata”, li jinstab 300 metru 'l bogħod fi Vjal Sir Paul Boffa.

policies dwar garaxxijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34051, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-kunsilli lokali humiex marbuta li josservaw l-istandards indikati, kemm dawk tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kif ukoll dawk tad-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta, meta jiġu biex jagħmlu xogħol fuq bankini? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk Transport Malta ħaditx xi passi fil-konfront ta' kunsilli lokali li m'osservawx dawn l-istandards?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Belt — xogħol ta' pavimentar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol ta' pavimentar li qed isir preżentement fil-Belt hux monitored minn perit? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid fuq liema kriterji x-xogħol li sar fit-triq bi swit il-Qorti ġie aċċettat stante illi huwa 'l boghod minn dak mistenni u mixtieq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bħalma jiġri f'kull proġett ieħor ta’ natura simili, ix-xogħol imsemmi qed isir taħt is-superviżjoni ta’ perit minn Transport Malta. F’dan il-każ, ix-xogħol għadu ma ġiex aċċettat u l-kuntrattur li qiegħed jagħmel l-imsemmi xogħol, diġà ġie nnotifikat biex jirrimedja n-nuqqasijiet li rriżultaw.

Ministeru għall-Infrastruttra, Trasport u Komunikazzjoni — xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti u xogħlijiet, bil-valur ta' kull wieħed, li ngħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħtu, sena b' sena mill-2004, lil kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Għal kull każ, jista' l-Ministru jgħid jekk kien każ ta' tender jew direct order? Jista' jgħid ukoll kemm kien hemm każijiet fejn l-istess kumpanija ngħatat xogħol bħala sub-contracter ta' min ikun rebaħ xi kuntratt jew ingħata direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Ministeru u l-entitajiet fid-dekasteru tiegħi qatt ma taw kuntratti u xogħlijiet lil kumpanija msemmija mill-Onor. Interpellant.

Ħal Qormi — Triq il-Mitħna - impact assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, qabel ma bdew jinbnew il-bankini fi Triq il-Mitħna, Ħal Qormi, għamlitx impact assessments fuq: [a] il-mixja tal-ilma tax-xita f'din it-triq li tilqa' fiha ilma li jkun gej minn Birkirkara, Santa Venera u l-Imrieħel u li jibqa' sejjer għall-wied; [b] il-fatt li l-bankini jidhru li se jkunu maħruġin 'il barra u għaldaqstant jistgħu jaffettwaw lil dawk li bil-vetturi jkunu ġejjin minn Triq il-Kanun, Ħal Qormi għal ġo Triq il-Mitħna; [ċ] il-volum u l-konġestjoni tat-traffiku, partikolarment fil-ħinijiet tax-xogħol; u [d] l-operat tal-ħwienet tax-xogħol li hemm f'din it-triq? Jekk Transport Malta għamlet dawn l-assessments x'irriżulta? Transport Malta ma' liema dipartimenti u/jew entitatjiet governattivi ikkordinat qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni li jsiru dawn il-bankini kif qed isiru?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma saru l-ebda impact assessments fir-rigward tal-punti msemmija mill-Onorevoli Interpellanta. Madankollu, ix-xogħlijiet li saru fit-triq imsemmija jiffurmaw parti minn skema ta’ Traffic Management u ma kinux intiżi sabiex jindirizzaw jew itejbu s-sistema tal-ilma tax-xita. Ninsab infurmat ukoll li z- zebra crossings ġew disinjati skont l- istandards tad- Design Manual for Roads & Bridges (DMRB ), filwaqt li matul l-implimentazzjoni tax-xogħlijiet ġew ikkonsultati l- istakeholders konċernati fejn saru xi tibdiliet fid-disinn ta’ dan il-proġett. Kif ikkonfermat mill- istakeholders u mill-Onorevoli Interpellant, id-disinn jindirizza ħafna mill-problemi fit-triq eżistenti fir-rigward ta’ saħħa u sigurta` kif ukoll ta’ parkeġġ.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Farfett tal-Fejġel - xogħol fuq it-triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret Triq il-Farfett tal-Fejġel f'Ħaż-Żabbar? Jista' jgħid jekk qattx kellu kummenti u ilmenti minn residenti dwar xogħol ħażin meta saret din it-triq? Jekk fl-affermattiv, jista' jghid x'kienu dawn il-kummenti u ilmenti, u x'azzjoni ttieħdet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta m’għandhiex ilmenti rreġistrati minn residenti dwar xogħol ħażin li seta’ sar f’din it-triq.

Mosta — żona ta' Sriedaq - servizz tat-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34060 u jinvestiga jekk hux possibbli li f'Triq il-Kbira għall-komunità li tgħix f'żona magħrufa ta' Sriedaq fil-Mosta, ikollhom is-servizz ta' bus shelter li tagħti kenn lil dawk li jużaw it-trasport pubbliku li jgħaddu minn dawk l-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-waqfa li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant m'għadhiex tintuża.

kumpanija Arriva — sussidju mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34631 u jgħid kemm ta' sussidju jew għajnuna u fuq xiex ta susidju jew xi tip ta' għajnuna oħra lill-kumpanija tat-transport Arriva kemm ilha topera sal-aħħar ta April 2012 il-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li sas-17 ta' Mejju 2012, il-kumpanija Arriva Malta Ltd irċeviet sussidju ta’ €685,416 fix-xahar minn Lulju 2011 s’April 2012.

Arriva — żieda fit-tariffi tat-trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Transport Malta, diġà awtorizzatx, jew hemm quddiemha xi talba mill-kumpanija Arriva, sabiex ikun hemm żieda fit-tariffi tat-trasport pubbliku? Jista' jgħid jekk Transport Malta għandhiex xi informazzjoni li fi żmien qasir il-kumpanija Arriva se żżid it-tariffi tagħha? Jekk huwa l-każ, meta se tidħol fis-seħħ din iż-żieda u meta l-konsumaturi se jiġu infurmati dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Le.

ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux se jinbnew xi ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma mit-toroq arterjali li qed jinbnew bejn il-Mellieħa u ċ-Ċirkewwa? Jista' jagħti tagħrif dwar fejn se jinbnew dawn il-ġibjuni jekk se jinbnew? Min se jkun jista' juża dan l-ilma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-Mellieħa Bypass ser jinbnew żewġ ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma mit-triq. Dawna ser jinbnew wieħed fir-roundabout li tieħdok lejn il-Manikata u l-ieħor fil-junction li tieħdok lejn Triq il-Prajjiet (Anchor Bay). F'Marfa Road, Ċirkewwa ser jinbnew tlett ġibjuni għall-ilqugħ tal-ilma mit-triq. Dawna ser jinbnew wieħed viċin il-Paradise Bay Hotel, l-ieħor ftit il-ġewwa mir-roundabout li tieħdok lejn ir-Ramla tal-Bir u l-ieħor viċin it-triq bla isem li tagħti għal Wied Musa. Hu ppjanat li l-ELC jużaw l-ilma miġbur f'dawn il-ġibjuni għat-tisqija tas-siġar, pjanti u fjuri fit-triq.

Tenders għall-parkings u riforma tal-parkers

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se joħorġu t-tenders għall-parkings fil-kuntest tar-riformi tal-parkers? Jista' jgħid jekk fit-tender hux se tkun stabilita rata minima u massima li se jkollhom iħallsu s-sewwieqa? Jekk iva, x’se jkunu dawn ir-rati u kif se jiġu determinati?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-dettalji mitluba jkunu jistgħu jingħataw wara li jingħalqu d-diskussjonijiet dwar ir-riforma tal-parkeġġi skedati mar-rappreżentanti tal-car park attendants.

Għawdex — triq maġenb l-istadium

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tkun lesta t-triq maġġura ta' maġenb l-istadium f'Għawdex? Jista' jgħid għaliex infetħet għat-traffiku meta din it-triq għadha mhix lesta? Għaliex inżebgħat bis-sinjali tat-traffiku meta wiċċ it-triq għadu ma sarx?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Triq l-Imġarr li tinsab quddiem l-istadium f'Għawdex huwa pjanat li tkun lesta sal-aħħar ta' Lulju 2012 / bidu ta' Awwissu 2012. Din it-triq infetħet għat-traffiku fuq base course biex tintuża temporanjament bħala rotta alternattiva sakemm ikunu qed isiru ix-xogħlijiet f'partijiet oħra tal-istess proġett. Il-linji u s-sinjali tat-traffiku temporanji nżebgħu fuq dan il-wiċċ bħala miżura ta' sigurta għat-traffiku u sabiex jiġi llimitat l-lok għall-abbuż.

Sinjali tat-toroq u kaxxi tal-parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34448 u jgħid liema awtorità hija responsabbli biex tagħmel is-sinjali tat-toroq kif ukoll il-kaxxi l-bojod u s-sofor li fihom jipparkjaw il-karozzi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-linji kollha tal-karreġġjati u kaxxi ta’ parkeġġi fit-toroq, sewwa jekk bojod kif ukoll sofor, jiġu mplimentati għall-ewwel darba minn Transport Malta. Sussegwentament, il-manteniment tal-linji tal-karreġġjata u kaxxi ta’ parkeġġ fuq toroq arterjali u distributorji jsir mill-istess Transport Malta u l-manteniment ta’ tali linji u kaxxi fuq it-toroq l-oħrajn kollha jsir mill-kunsilli lokali rispettivi.

Paola — Triq il-Belt Valletta - pelican lights

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru pelican lights fi Triq il-Belt Valletta Paola quddiem l-għassa tal-pulizija biex ikunu evitati inċidenti bla bżonn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lill-Transport Malta.

Naxxar — Triq Manuel Magri - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilità għal għoti ta' tarmac f'Triq Manuel Magri S.J. fin-Naxxar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din it-triq tagħmel parti mill-programm ta' toroq li jridu jinbnew mill-ġdid minn Transport Malta fis-sena 2012. Is-sejħa għall-offerti għal din it-triq ħarġet fit-18 ta' Mejju 2012.

toroq ġodda — manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'programm ta' manutenzjoni qed isir fuq it-toroq il-ġodda li saru fl-aħħar snin, b'mod partikolari t-toroq li saru bil-fondi tal-Protokol Taljan li ilhom bejn seba' u tmien snin lesti? Jista' jgħid kemm hemm flus allokati fuq il-manutenzjoni tat-toroq u dawn kif qed jintnefqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta għandha programm kontinwu ta’ manutenzjoni ta’ toroq. Fil-fatt, il-budget allokat għall-manutenzjoni għal din is-sena jammonta għal madwar Eur3.8 miljun. It-toroq li rrefera għalihom l-Onorevoli Interpellant huma nklużi f’dan il-programm ta’ manutenzjoni.

Ħal Qormi — Triq il-Milied - water culverts

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-water culverts żgħar li hemm fi Triq is-Sebħ kantuniera ma' Triq il-Milied Ħal Qormi dejjem qed ikunu miżdudin bil-konsegwenza li l-ilma tax-xita qed jispiċċa fid-djar tan-nies? Jista' jara jekk jista' jsir water culvert tul Triq il-Milied (fejn dak ezistenti) u minn fejn Triq il-Masġar (fejn hemm il-ġibjun) biex jilqa' l-ilma tax-xita li jinżel mill-bypass u b'hekk ma jikkawżax ħsara lir-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-manutenzjoni tal-culverts fit-toroq arterjali u distributorji bħalma hi Triq is-Sebħ hi responsabbilita’ ta’ Transport Malta. L-Awtorita’, minn żmien għal żmien taċċerta li l-culverts f’dawn it-toroq ikunu nodfa. Sadattant, il-manutenzjoni tal-culverts fit-toroq residenzjali hi responsabilita’ tal-Kunsill Lokali. Rigward it-talba biex isir water culvert tul Triq il-Milied u minn fejn Triq il-Masġar, ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.