Legislature:
Category:
Reset
Active:

Livelli post-sekondarju u terzjarju — Suġġetti ġodda bħal xjenza forensika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħlu suġġetti ġodda bħal xjenza forensika fil-livelli post-sekondarju u terzjarju?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li preżentement, fl-Istitut għax-Xjenzi Applikati fi ħdan l-MCAST hemm programmi ġeneriċi li jistgħu iwasslu gradwati biex jaħdmu fil-laboratorji f’xogħol relatat max-xjenza forensika. Dawn huma l-Advanced Diploma in Applied Sciences u Bachelor of Science (Hons) in Chemical Technology. Infurmat ukoll li fl-Istitut tal-Informatika u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni fi ħdan l-MCAST ukoll hemm programm ta’ taħriġ li jkopri l-Forensika Diġitali - Irkupru u analiżi ta' data minn apparat elettroniku bħala parti mill- B.Sc. in Cyber Security.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Servizzi ta’ Speech Therapy u Occupational Therapy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li s-servizzi ta’ Speech Therapy u Occupational Therapy huma limitati jew ineżistenti fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena skolastika is-sapport ta’ Occupational Therapy kien qed jingħata darba fil-ġimgħa. Filwaqt li s-servizz ta’ Speech Therapy beda jingħata minn Jannar u li dan kien qed isir darba f’ġimgħa wkoll.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Behavioural Therapist

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex iċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel m’għandu l-ebda behavioural therapist minkejja li dan huwa servizz kruċjali għal dan il-post? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi pjanijiet imminenti biex jiġi reklutat imqar behavioural therapist wieħed?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — Servizzi terapewtiċi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma l-istatus tas-servizzi terapewtiċi u ta’ żvilupp fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, inkluż: i. Sensory Room; ii. Swimming Therapy; iii. Kamra u għalliem tal-Music Therapy; u iv. Hippotherapy u Pet Therapy? Jista’ jgħid ukoll għaliex dawn is-servizzi bħalissa huma irregolari, imnaqqsa, jew mhux disponibbli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din is-sena skolastika kienu offruti sessjonijiet regolari fil-multi sensory room. Infurmat ukoll li għas-sena skolastika li jmiss saru l-arranġamenti neċessarji sabiex jingħata servizz regolari ta’ dance therapy. Għaddejjin ukoll id-diskussjonijiet neċessajri sabiex jingħata s-servizz ta’ equine therapy u music therapy wkoll.

Skema BM40

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-iskema BM40, u jgħid għal xiex tapplika u kif titħaddem?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’din il-miżura tingħata għotja b’medja ta’ €10,000 fis-sena lil kull kap ta’ skola tal-Istat minn Kinder sa Sekondarja b’nefqa ta’ €1 miljun, u jekk hemm bżonn din tiżdied biex jaraw li t-tfal taħt is-superviżjoni tagħhom ma jkunux neqsin minn affarijiet bħall-ikel jew riżorsi bażiċi.

Skola Primarja Ħal Tarxien – Skema BM40

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-fondi tal-iskema BM40 kienu allokati lill-Iskola Primarja ta’ Ħal Tarxien tul dawn l-aħħar sentejn u kemm attwalment intefqu fondi? Jista’ jgħid ukoll għal liema raġunijiet dawn ġew approvati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemmija fl-2024 ma nefqet xejn u il-fondi ġew ritornati lura lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Skola Sekondarja tal-Verdala – Skema BM40

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-fondi tal-iskema BM40 ġew allokati lill-Iskola Sekondarja ta’ Verdala, f’Bormla tul dawn l-aħħar sentejn u kemm attwalment intefqu fondi? Jista’ jgħid ukoll għal liema raġunijiet dawn ġew approvati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemmija fl-2024 nefqu €81 għal student fil-bżonn. Infurmat li fl-2025 l-iskola msemmija għadha ma nefqitx fondi minn din l-iskema.

Skola Sekondarja Santa Luċija – Skema BM40

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-fondi tal-iskema BM40 ġew allokati lill-Iskola Sekondarja ta’ Santa Luċija tul dawn l-aħħar sentejn u kemm attwalment intefqu fondi? Jista’ jgħid ukoll għal liema raġunijiet dawn ġew approvati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemmija fl-2024 nefqu €280 biex isir kors għall-istudenti fil-bżonn. Infurmat li fl-2025 l-iskola msemmija għadha ma’ nefqitx fondi minn din l-iskema.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Ħatriet ta’ Heads/Diretturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx appuntati diretturi jew heads ġodda mill-Ministeru tiegħu matul din is-sena? Jekk iva, jista’ jgħid min huma u f’liema pożizzjoni ġew appuntati? Jista’ jgħid ukoll fuq liema kriterji ntgħażlu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru tliet ħatriet ġodda fil-livell ta’ Direttur. Il-kriterji li ntużaw sabiex jiġu magħżula dawn id-diretturi ġew stabbiliti b’mod ċentrali u jaqgħu taħt il-linji gwida tas-SAAC.

Tal-Ħandaq — Kulleġġ ta' San Injazju - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet biex l-iskola medja u l-iskola sekondarja tal-Ħandaq li jagħmlu parti mill-Kulleġġ ta' San Injazju jkunu mgħammra bl-apparat tal-arja kkundizzjonata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala parti mill-Edu Infrastructure Programme, numru ta' Framework Agreements ġew ippublikati u bħalissa qed jiġu evalwati.

Tal-Ħandaq — Kulleġġ San Injazju - Arja kkondizzjonata

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet biex l-iskola medja u l-iskola sekondarja tal-Ħandaq li jagħmlu parti mill-Kulleġġ San Injazju jkunu mgħammra bl-apparat tal-arja kkondizzjonata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13651.

Tagħlim ta’ lezzjonijiet privati — Regolamentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed iħejji politika li tirregola t-tagħlim tal-lezzjonijiet privati mhux fil-ħin tal-iskola biex ikunu restritti għall-għalliema kwalifikati u liċenzjati biss?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba hi fin-negattiv.

Campus tal-Università – Stabbilimenti tal-kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif fil-campus tal-Università hemm kull tip ta’ ħanut iżda l-ebda wieħed minnhom ma hu ħanut tal-kotba? Jista’ jgħid ukoll jekk jikkunsidrax il-pjan li jiżviluppa Cafe’ mal-librerija ta’ Beltissebħ, jirrepetih fl-Università ħalli ninkoraġixxu lill-istudenti jaqraw iktar? Jista' jgħid ukoll jekk jikkunsidrax xi tip ta’ inċentiv biex ikun hemm għallinqas stabbiliment tal-kotba fl-inħawi tal-Università?

Response (GRIMA, CLIFTON)

L-Onor. Interpellanta tifhem li ħwienet huma intrapriżi privati. Inoltre fid-dominju pubbliku huma magħrufa d-diversi inizjattivi li saru mill-Aġenzija tal-Litteriżmu.

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’wassal biex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kellu kuntratt ta’ 20 siegħa fil-ġimgħa u ma reġax ġie imġedded b’tali mod li ser ikollu jitlaq minn Malta u għaldaqstant Malta ser titlef awtur ta’ stima fost il-komunità artistika/kittieba?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din hija deċiżjoni tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Strateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni bejn il-Core Team u l-MUT

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux laqgħat ta' konsultazzjoni dwar l-Istrateġija Nazzjonali tal-Edukazzjoni bejn il-Core Team u l-MUT? Jista' jispeċifika meta kienu u min kienu l-membri preżenti min-naħa tal-Core Team?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni saret ma' diversi stakeholders.

Learning Support Assistants – talbiet biex jirrapportaw fi skejjel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kap ta' skola għandux id-dritt li jitlob Learning Support Assistant (LSA) biex jirrapporta fi skola oħra dakinhar stess li l-istudent jew l-istudenti ma jattendux fl-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li jekk student li jiġi assistit minn LSE ma jattendix skola, il-Kap tal-Iskola jista jikkordina li l-LSE tingħata student ieħor fl-istess skola sabiex jiġi assistit matul dik il-ġurnata. Jekk l-LSE tkun reliever, din tkun assenjata mal-kulleġġ u f'dak il-kas tista tingħata li tassisti student fi skola li taqa' taħt dak l-istess kulleġġ.

Skola Primarja tal-Imġarr – Studenti tal-Year 6

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-istudenti tal-Year 6 li matul din is-sena skolastika (2023-2024) qed jattendu fl-Iskola Primarja tal-Imġarr u huma minn Burmarrad, humiex se jkunu qed ikomplu l-Year 7 fil-Middle School tar-Rabat jew jekk hux se jkomplu f'kulleġġ ieħor? Jekk mhux se jkomplu fl-istess Kulleġġ ta' San Nikola, jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-istudenti hux se jkollhom it-trasport provdut f'kull każ?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li l-lokalità ta' Burmarrad tagħmel parti mill-Kulleġġ Marija Reġina u mhux parti mill-Kulleġġ San Nikola, l-istudenti li attendew l-iskola medja matul is-sena skolastika 2024/2025, attendew fil-kulleġġ rispettiv tagħhom. Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li kull student li jattendi l-iskola fil-kulleġġ rispettiv tiegħu jew tagħha, ikun ipprovdut bis-servizz tat-trasport.

Il-Korsa taż-Żwiemel — Xogħlijiet ippjanati

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra skeda ta' dati ta' xogħlijiet ippjanati biex isiru fil-proġett tal-Korsa taż-Żwiemel b'investiment ta' aktar minn €18-il miljun mill-privat, kif imwiegħed mill-Gvern fl-2019?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet isiru skont il-kuntratt ta' konċessjoni li għadda mill-parlament u huwa pubbliku.

Tal-Ħandaq — Skola medja u sekondarja – Tender għal Arja kkundizzjonata

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19651, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-ħruġ ta’ tender u meta ser ikun qed jinbeda x-xogħol sabiex il-klassijiet kollha fl-Iskola Medja u fl-Iskola Sekondarja tal-Ħandaq ikunu mgħammra bl-arja kkundizzjonata bħalma kien imwiegħed?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 13651.

MCAST — Bachelors of Science Honours in Nursing Studies - Ħlasijiet għall-placements

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-payslip għall-ħlasijiet għall-placements li saru mill-perjodu bejn it-22 ta' April 2024 u l-31 ta' Lulju 2024 mill-istudenti tal-MCAST li qed isegwu Bachelors of Science Honours in Nursing Studies ingħatatx? Jekk le, għaliex ma ngħatatx u meta ser tkun qed tingħata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Infurmat li billi s-Summer placement huwa parti integrali mill-kors li qed isegwu dawn l-istudenti, tant li jekk ma jagħmlux il-placements ma jkunux jistgħu jiggradwaw, il-ħlas tas-Summer placement jitħallas f'forma ta' grant permezz tas-SEPA. Il-ħlas tal-grant jiġi affettwat direttament mill-Bank Ċentrali ta' Malta u sussegwenti ma tinħareġ l-ebda payslip għax ma jaqax fil-kategorija ta' ħlas ta' salarju.