Legislature:
Category:
Reset
Active:

Magni tad-depożitu tal-fliexken riċiklabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu aktar postijiet fejn ikun hemm il-magni tad-depożitu tal-fliexken riċiklabbli tal-BCRS? U jekk iva, fejn u meta se jsiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-operatur tal-iskema, BCRS Malta Ltd, huwa operatur privat. Bħala Gvern qegħdin naraw li issues li jinqalgħu jiġu indirizzati malajr kemm jista’ jkun, inkluż ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu magni addizzjonali. Ninsab infurmata li se jkunu installati magni f'Cospicua, Mosta, Ta’ Xbiex, Birkirkara (Ta’ Paris), Naxxar, Marsa, Valletta, Sta. Luċija, Xagħra, Senglea u l-Armier. L-installazzjoni ta’ dawn il-magni flimkien mal-permessi neċessarji mill-entitajiet ikkonċernati mistennija jitlestew fl-ewwel kwart ta’ din is-sena.

Proġett tal-Ġnien Romeo Romano

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont tal-ispejjeż kollha li saru fil-Ġnien Romeo Romano fil-proġett li sar fis-sena 2022?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-ewwel fażi tar-riabilitazzjoni ta’ Ġnien Romeo Romano se jkunu swew mat-tmien mija u sitta u sebgħin elf ewro. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, ir-restawr, pavimentar ġdid, servizzi, irrigazzjoni, dawl, siġar u arbuxelli, għamara tal-ġnien u strutturi oħra, u tagħmir tal-logħob. Tlestew ukoll xogħlijiet oħra relatati mal-provvista tal-elettriku, is-sistema tad-drenaġġ għat-tieni fażi u alterazzjonijiet fi struttura perikoluża. Dawn ix-xogħlijiet swew madwar tlieta u erbgħin elf ewro.

Belt Valletta — skeda tal-ġbir tal-iskart

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn skont l-iskeda tal-ġbir tal-iskart passati, fil-Belt Valletta kien isir ġbir fil-ħinijiet tas-7 a.m., tas-1 p.m. jew tat-3 p.m., skont it-tip ta' ġbir, iżda skont l-iskeda l-ġdida li bdiet mit-2 ta' Jannar 2023, dan il-ġbir se jibda jsir kollu fis-2.30 p.m.? Ma' min saru konsultazzjonijiet għal tali tibdil u x'inhi r-raġuni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Bormla – rampa quddiem il-ġibjun ta’ Santa Liena

Question

Tista’ l-Ministru tikkonsidra li r-rampa li hemm quddiem il-ġibjun ta’ Santa Liena, Bormla ssir xi hanging garden sabiex ma jibqax jikber ħaxix selvaġġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-art indikata ma taqax taħt ir-responsabiltà tal-Ministeru, madanakollu ser isiru l-investigazzjonijiet meħtieġa biex jiġi stabbilit l-potenzjal u l-limitazzjonijiet ta’ dan is-sit.

Ġnien Kottonera — riabilitazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk għandhiex pjanijiet sabiex Ġnien Kottonera jiġi rijabilitat sabiex ikun jista’ jitgawda mill-familji? Jekk fl-affermattiv, meta taħseb li jista’ jibda dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru x- xogħlijiet preparatorji li kienu jinkludu tneħħija ta' bandli u strutturi mkissrin, qtugħ ta' ħaxix kif ukoll tneħħija ta' siġar u arbuxelli aljeni u invażivi. Dan ix-xogħol preparatorju tlesta sat-tielet kwart ta` sena 2022 u tkompla jkun mantenut. Peress li dan il-proġett se jkun imqassam f’diversi fażijiet, fl-aħħar kwart tas-sena l-oħra ġiet sottomessa l-ewwel applikazzjoni lil Awtorità tal-Ippjanar biex jinħarġu l-permessi meħtieġa biex il-post isir aktar sigur. Sadanittant qiegħdin ukoll ikunu ppreparati l-abbozzi preliminari tas-sejħiet għall-offerti meħtieġa. Il-mira tagħna hija li x-xogħlijiet fuq dan il-proġett jitlestew qabel l-aħħar tas-sena d-dieħla.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – tqegħid ta’ main ġdid tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hux se jitqiegħed xi main ġdid tad-drenaġġ fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar jew qrib l-istess triq? Jekk iva, fiex se jkun jikkonsisti dan ix-xogħol? Meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta ta' minn fejn se jkun qiegħed jgħaddi dan il-main?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ser isir mejn ġdid tad-drenaġġ biex jissostitwixxi il-mejn li ġarrab ħsarat fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl. Filwaqt li għaddejja inkjesta fuq is-sit fejn iġġarrfet it-triq, l-Infrastructure Malta bħalissa għaddejja b’xogħlijiet biex jistabilizzaw it-triq qabel ma jissoktaw aktar interventi, fosthom il-bdil tal-mejn. Fl-istess waqt Il-WSC qed jikkonkludi d-disinn tal-mejn li tinkludi r-rotta li dan se jkun qed jieħu.

San Pawl il-Baħar – Dawret in-Nawfraġju — bozoz

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 1418, 4807 u 4808 dwar bozoz f'Dawret in-Nawfraġju, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni għar-residenti biex ikun hemm iktar dawl f'din iż-żona, hekk kif jidher li l-Kunsill Lokali ma jistax isib soluzzjoni għal din il-problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 4808. In oltre l-Enemalta tkun tista’ żżid il-bozoz f’din żona jekk il-Kunsill Lokali japplika biex jżid iktar bozoz u jindika fuq pjanta fejn hemm l-ħtieġa li jiġu installati, u wara li tkun saret evalwazzjoni teknika tal-possibilità li jitwaħħal id-dawl indikat.

Ix-Xewkija – Triq Ħamet, Triq ir-Rabat u Triq Ta’ Xħajma – resurfacing ta’ trinek

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu maħsub li ser isir resurfacing tat-trinek kollha tal-Junction tat-Triq ta Ħamet fix-Xewkija, ta' Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma fin-Nadur, u dan wara li saru trinek f'din it-triq diversi xhur ilu u sal-lum għadhom bil-wiċċ tal-konkos? Ma taħsibx li triq arterjali li jkollha parti minnha bil-konkos hija ta' periklu serju għas-sewwieqa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fl-imsemmija toroq għadhom għaddejjin skont kif skedat.

Karozzi tal-elettriku — chargers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm chargers għall-karozzi tal-elettriku f'Malta li huma b'xejn, fejn min jużahom ma jħallasx, u fejn jinsabu? Tista' tgħid kemm hemm minn dawn l-istess chargers f'Għawdex, fejn min jużahom ma jħallasx, u fejn jinsabu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hawn tliet ‘Solar Battery Charging Carports’ li jikkonsistu f’żewġ charging pillars, b'żewġ charging points il-wieħed. Dan jammonta għal total ta' 12-il punt ta' ċċarġjar b'xejn, flimkien ma’ sistema ta’ ġenerazzjoni u ħażna ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn is-‘Solar Battery Charging Carports’ li jistgħu jintużaw mingħajr ħlas jinsabu f’Ta’ Xbiex, il-Marsa u ċ-Ċirkewwa.

Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4168, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid meta se jibda x-xogħol ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi li tħabbar f’Ġunju tas-sena l-oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Siġġiewi – xogħol ta’ restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 4169, li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid kemm hemm fondi allokati għall-proġett ta’ riġenerazzjoni u restawr taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali tas-Siġġiewi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 5022.

REWS – Għażla ta’ persuna bħala membru tal-bord

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4058, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex il-Ministru stess li tiddetermina li persuna, meta tiġi magħżula bħala membru tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), tissodisfa pjenament il-kriterji kollha elenkati skont il-published criteria magħmula skont l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dak mitlub mill-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma dwar il-proċedura qed ikun segwit.

Ħal far – Multi-Material Recovery Facility

Question

Tista' l-Ministru telenka r-raġunijiet għaliex il-Multi-Material Recovery Facility f'Ħal Far ma bdietx topera matul ir-raba' kwart tal-2022 kif kien intqal fil-mistoqsija parlamentari 2910?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm dewmien mhux mistenni. Minkejja dan, f’żoni u sistemi li mhumiex affettwati, qed isir l-ittestjar u l-kummissjonar sabiex ladarba kollox jiġi implimentat, il-faċilità tkun tista' topera mill-aktar fis.

Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan ta' azzjoni li se jkun qed jitwettaq matul l-2023 sabiex tiġi upgraded is-sistema tad-drenaġġ f'Birżebbuġa u x'se tkun il-kapaċità tas-sistema wara l-upgrade u kif din tikkompara mas-sistema preżenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li ser isir tkabbir ta’ mejnijiet tad-drenaġġ ta’ madwar 1200 metru li ser iwasslu għal żieda fil-kapaċità ta’ madwar erbgħin fil-mija fuq dik eżistenti. Fl-istess waqt ser tkun qed tiġi indirizzata infiltrazzjoni ta’ ilma baħar fl-istess sistema. Ix-xogħlijiet ser jitnedew fl-ewwel xhur ta’ din is-sena mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Ix-xogħlijiet mistennija jitlestew madwar tlettax-il xahar mid-data tal-iffirmar tal-kuntratt għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet.

Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3365, tista’ l-Ministru tgħid x’passi jew programmi ttieħdu jew se jittieħdu tul din is-sena dwar il-Buskett u ċjoè x’manutenzjoni u ammeljoramenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħala parti mill-ħidma l-ġdida għal din is-sena fil-Buskett, se tkun qed issir ħidma biex tiżdied is-sigurtà u dan permezz tal-installazzjoni ta’ numru ta’ kameras tas-sigurtà. Se jitkompla x-xogħol fuq il-kamra agrarja, li se tkun qed tiġi konvertita f’ċentru għal edukazzjoni ambjentali dwar il-Buskett. Infakkar lill-Onor. Interpellant illi barra minn hekk, hemm il-ħidma ta’ kuljum biex il-Buskett jinżamm nadif. Fost oħrajn, dan ix-xogħol jinkludi tindif, iż-żbir tas-siġar, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, l-immaniġġar tas-sistemi ta’ irrigazzjoni u xogħlijiet fuq ħitan tas-sejjieħ u ġibjuni skont il-ħtieġa.

Ġonna f’Malta li l-amministrazzjoni tagħhom taqa’ taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3365, tista’ l-Ministru tgħid x’passi jew programmi ttieħdu jew se jittieħdu tul din is-sena dwar il-Park ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar u ċjoè x’manutenzjoni u ammeljoramenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ser ikunu qed nestendu dan il-Park u nżidu aktar siġar u arbuxxeli. Ix-xogħol ta’ manutenzjoni isir b’mod regolari f’dan il-Park.

Santa Luċija – Ġnien is-Serenità

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3488, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-evalwazzjoni indikata għal Ġnien is-Serenità (magħruf bħala l-Ġnien taċ-Ċiniżi) f’Santa Luċija hijiex lesta jew le? Jekk iva, tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Evalwazzjoni tal-offerti relatati mal-proġett ġewwa Ġnien is-Serenità huwa konkluż. Il-proċess bħalissa wasal fl-istadju fejn qed jitfassal il-kuntratt sabiex jiġi ffirmat bejn l-Awtorità Kontraenti u l-operatur ekonomiku.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — karozzi elettriċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il karozza tal-elettriku hemm leased fil-Ministeru tagħha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li n-numru ta’ karozzi elettriċi li ġew leased mill-Ministeru, inkluż mill-entitajiet u d-dipartimenti, huwa ta’ 66, filwaqt li ġew mixtrija 18-il vettura elettrika. Fil-fatt, b'37 vettura, bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tħaddan l-akbar flotta ta' vetturi li jaħdmu bl-elettriku. Infakkar ukoll lill-Onor. Interpellant li ġie ppubblikat tender mis-Servizz Pubbliku għal provvista ta' 250 vettura elettrika. Dan l-investiment huwa mistenni li jħalli impatt pożittiv biex il-flotta ta' EVs fis-Servizz Pubbliku titla’ minn 7% fl-2021 għal kważi 40%.

Għawdex – upgrade fin-netwerk ta’ distribuzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ippjanat upgrade fin-network ta’ distribuzzjoni ġewwa Għawdex biex isir matul is-sena 2023 u jekk iva f’liema lokalitajiet u x'tip ta' upgrades ser isiru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan għat-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni f’Għawdex fl-2023 jinkludi feeder ġdid miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tax-Xewkija lejn il-Victoria Kerċem Road Substation. Dan ir-rinfurzar jinkludi tqegħid ta’ cable fi Triq Qasam San Ġorġ, Triq Mons. Lwiġi Vella u Pjazza Savina fir-Rabat. B’dan il-proġett tkun qed tissaħħaħ ukoll il-provvista tal-elettriku fl-irħula fin-naħa tal-Punent tal-gżira Għawdxija. Xogħlijiet oħra fil-pjan tal-Enemalta jinkludu tliet substations ġodda.