Legislature:
Category:
Reset
Active:

Valletta Green Festival 2025 — Pjazza San Ġorġ - Ġnien temporanju - Dokument maħruġ għas-sejħa għall-offerti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument maħruġ għas-sejħa għall-offerti għall-ġnien temporanju fi Pjazza San Ġorġ bħala parti mill-Valletta Green Festival 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Laqgħa pubblika — EIA TTF

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fil-laqgħa pubblika fejn saret preżentazzjoni tal-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) dwar il-kostruzzjoni ta’ faċilità ġdida fejn jiġi inċenerat l-iskart (TTF) f’sit li jifforma parti mill-Kumpless Ambjentali tal-Magħtab, biex jitwieġbu mistoqsijiet tekniċi dwar il-VIA u mistoqsijiet ġenerali pertinenti għall-proġett, kien hemm preżenti konsulent li minħabba li ma kellux il-kompetenzi tekniċi meħtieġa, ma setax jagħti risposti tekniċi u xjentifiċi meta kien mistoqsi dwar is-sejbiet, il-metodoloġija, il-validità u l-preċiżjoni tal-informazzjoni preżentata fil-VIA, li wara kollox kien il-ħsieb ewlieni wara l-istess laqgħa pubblika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika l-istatements li qed tagħmel.

Kwalità tal-arja – TTF

Question

Peress li fil-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (VIA) kien hemm indikat li waħda mir-raġunijiet ewlenin għall-kostruzzjoni ta’ faċilità ġdida fejn jiġi inċenerat l-iskart (TTF) hija t-titjib fil-kapaċità li issa se jkun kapaċi li jipproċessa aktar tunnellati ta’ skart kuljum bil-possibbiltà ta’ espansjoni futura fl-operazzjonijiet, tista’ l-Ministru tgħid għalfejn fl-istudju kumulattiv dwar l-effetti tal-emissjonijiet fuq il-kwalità tal-arja, flimkien mal-faċilità tal-Waste-to-Energy (WtE) intużat bħala referenza l-faċilità TTF eżistenti fil-Marsa - li għandha kapaċità inqas minn dik tal-impjant propost - u barra minn hekk ma jidhirx li ttieħdet in konsiderazzjoni l-possibbiltà taż-żieda fl-emissjonijiet li ġġib magħha espansjoni operattiva tal-impjant il-ġdid fil-Magħtab? Tista’ tgħid ukoll jekk għall-istudju kumulattiv intużax dispersion model biex permezz ta’ simulazzjonijiet li jikkunsidraw kundizzjonijiet atmosferiċi u temporali jerġgħu jinħadmu l-figuri kumulattivi ta’ depożizzjoni tal-materji f’sura ta’ partiċelli?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li mhux minnu li fl-istudji li saru dwar il-kwalitá tal-arja ma kienx ikkunsidrat l-impatt kumulattiv fuq il-kwalitá tal-arja. Nikkonferma li l-istudju fil-fatt ħa inkunsiderazzjoni kemm l-effett tal-proġett Waste to Energy kif ukoll l-impatt mill-impjant il-ġdid tat-Thermal Treatment Facility fl-espansjoni operattiva tiegħu kif propost li se jkun fil-Magħtab. Dan kollu joħroġ ċar diversi drabi fir-rapport. Infurmata wkoll li l-istudju kumulattiv sar permezz ta’ simulazzjonjiet li kkunsidraw il-kundizzjonijiet atmosferiċi. Dan huwa spjegat fil-metodoloġija tar-rapport f’Sezzjoni 2.9. Ir-riżultati tad-depożizzjoni tal-materji f’sura ta’ partiċelli huma murija f’Tabelli 23 sa 25, Kolonna 4.

Trattament tal-ilma urban mormi

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti u l-informazzjoni li Malta, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tkun issottomettiet lill-Kummissjoni skont l-obbligi ta’ monitoraġġ li jirriżultaw mid-Direttiva 91/271/KEE dwar it-trattament tal-ilma urban mormi, jiġifieri data u rapporti hekk kif deskritti fl-Artikolu 15(1)-15(4) u l-Artikolu 16 tad-Direttiva msemmija, li jkopru s-sena 2024 u s-sena 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jiġifieri: 1) rapporti tas-sitwazzjoni dwar id-disponiment tal-ilma urban mormi u l-ħama fiż-żoni tagħhom. 2) a) Sorveljar tal-iskariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma urban mormi. b) Sorveljar tal-ammonti u l-kompożizzjoni tal-ħama li tintrema fl-ilmijiet tas-superfiċi. ċ) Sorveljar tal-ilmijiet fejn iseħħu skariki minn impjanti ta’ trattament ta’ ilma mormi urban u skariki diretti, f’każijiet fejn huwa mistenni li l-ambjent riċeventi se jkun affettwat b’mod sinifikanti. d) Studji biex jiġi vverifikat li l-emissjoni jew id-disponiment ma jkunx jaffettwa lill-ambjent b’mod negattiv fil-każ ta’ skarika suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 u fil-każ ta’ disponiment ta’ ħama fl-ilmijiet tas-superfiċi.

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont l-obbligi ta’ rappurtaġġ li joħorġu mid-Direttiva msemmija, l-informazzjoni mitluba tkun disponibbli f’Ġunju tal-2026.

Drenaġġ – Persentaġġ

Question

Fid-dawl li Malta nstabet li kisret ir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea dwar it-trattament tad-drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid kemm hu l-persentaġġ tad-drenaġġ ittrattat b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26994.

WSC — Servizz ta’ trasport pubbliku alternattiv waqt xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn kien meħtieġ li jiġi pprovdut servizz ta’ trasport pubbliku alternattiv, bejn Settembru 2024 u s-7 ta’ Mejju 2025, minħabba xogħlijiet li kienu jew għadhom qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Tista’ tgħid ukoll għal kemm żmien kien ipprovdut dan is-servizz, f’kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tali servizz ta’ trasport alternattiv bħalissa qed jiġi provdut f’Birżebbuġa minħabba xogħlijiet li għaddejjin mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tul Triq il-Bajja s-Sabiħa. Servizz simili kien provdut ukoll għal 26 ġurnata f’San Pawl il-Baħar waqt l-andament tax-xogħlijiet fi Triq San Pawl u għal 10 ijiem fil-każ ta’ Triq Buġibba. F’kull każ, l-arranġamenti biex jiġi provdut trasport alternattiv isiru f’kordinazzjoni mal-awtoritajiet konċernati kif ukoll mal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Enemalta — Servizz ta’ trasport pubbliku alternattiv waqt xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn kien meħtieġ li jiġi pprovdut servizz ta’ trasport pubbliku alternattiv, bejn Settembru 2024 u s-7 ta’ Mejju 2025, minħabba xogħlijiet li kienu jew għadhom qed isiru mill-Enemalta? Tista’ tgħid ukoll għal kemm żmien kien ipprovdut dan is-servizz, f’kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fil-perjodu indikat, kien hemm tliet okkażjonijiet fejn ġie provdut tali servizz ta’ trasport alternattiv minħabba xogħlijiet tal-Enemalta. Dan sar f’Ħal Qormi bejn Settembru 2024 u Jannar 2025, f’San Pawl il-Baħar bejn Frar u April ta’ din is-sena, u minn dan ix-xahar fiż-żona tal-Balluta, San Ġiljan liema servizz għadu għaddej sakemm jitlestew ix-xogħlijiet. F’kull każ, l-arranġamenti biex jiġi provdut trasport alternattiv isiru f’kordinazzjoni mal-awtoritajiet konċernati kif ukoll mal-Kunsilli Lokali rispettivi.

Il-Magħtab — Thermal Treatment Facility - PA/06096/23 (EA/00020/22)

Question

B’referenza għat-Thermal Treatment Facility (TTF) fil-Magħtab (PA/06096/23 (EA/00020/22), tista’ l-Ministru tgħid jekk id-dokument ‘Coordinated Assessment’ ippreżentat mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jgħidx li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet fiż-żona ta’ 113 kilometru kwadru (within the 6km radius around the TTF), u li dawn il-lokalitajiet jinkludu: in-Naxxar, San Pawl il-Baħar, il-Mosta, Ħal Għargħur, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħal Balzan, l-Iklin, B’Kara, San Ġwann, l-Imsida, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, ir-Rabat u l-Imġarr? Tista’ tgħid ukoll ma’ kemm minn dawn il-lokalitajiet saret konsultazzjoni pubblika u/jew mal-Kunsilli Lokali u/jew mas-Sindki li jirrappreżentaw dawn il-lokalitajiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Il-Magħtab — EcoHive - Proġett tal-iskart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għalfejn il-proġett tal-iskart fil-Magħtab, magħruf bħala EcoHive, qed jiġi ppreżentat għall-konsultazzjoni pubblika biċċa biċċa u mhux fl-intier tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk sarx impact assessment ħolistiku fuq l-impjanti u l-inċineraturi kollha f’daqqa, u mhux wieħed wieħed u jekk iva, jista’ jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Il-Munxar u x-Xlendi — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika fl-irħula tal-Munxar u tax-Xlendi fiż-żmien li ġej? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk it-triq kollha hix ser tinbena u tingħata l-asfalt jekk kemm-il darba din tintmess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u Enemalta s'issa m'għandhomx ippjanat li jsiru xogħlijiet fiż-żona indikata.

Ġonna riġenerati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew riġenerati ġonna f’dawn l-aħħar għaxar snin? Tista’ tgħid ukoll liema huma dawn il-ġonna u meta ġew riġenerati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fir-rigward ta’ ġonna u siti oħrajn li ġew riġenerati fil-perjodu indikat mill-entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.

Il-Marsa — Autoclave

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-autoclave li ġie inawgurat fl-2016 fil-Marsa għadux jopera sal-lum? Tista’ tindika kemm-il darba esperjenza waqfien mill-operat jew ħsarat tekniċi mill-2016 ’l hawn, u f’kull każ tagħti rendikont taż-żmien li dam barra mill-operat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kemmuna — Permessi tal-ippjanar

Question

Tista’ l-Ministru telenka lista bil-permessi tal-ippjanar maħruġa f’Kemmuna li għalihom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irrakkomandat approvazzjoni bħala konsulent?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista tal-permessi hija kif ġej: PA 4777/20, PA 9167/19, PA 04833/20, DN 502/22, PA 4570/22, PA 4571/22, PA 2212/23 u PA 3917/23.

Skart domestiku — Kontravenzjonijiet - Kuntrattur privat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25561, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il kontravenzjoni nstabu mill-kuntrattur privat waqt is-servizz ta’ monitoraġġ u infurzar relatat mal-ġbir tal-iskart domestiku, matul l-istess perjodu, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tirrifletti n-numru ta’ rapporti rigward kontravenzjonijiet li ġew iġġenerati mill-uffiċjali tal-kuntrattur privat waqt is-servizz ta’ monitoreġġ u nfurzar relatat mal-ġbir tal-iskart domestiku matul il-perjodu indikat.

Kemmuna — Terms of Reference - Carrying capacity

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1827, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-terms of reference li saru mill-Kumitat li taħt il-mansjoni tiegħu jaqa’ l-proċess biex tiġi stabbilita l-carrying capacity ta’ Kemmuna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Kemmuna — Kompożizzjoni tal-Kumitat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26625, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-kompożizzjoni tal-Kumitat bħalissa u tispeċifika d-data meta kien maħtur kull membru fuq il-Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Charging pillars fis-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27667 u 27843 u tagħti tagħrif dwar in-numru ta’ charging pillars li hemm f’kull waħda mil-lokalitajiet tas-Seba’, l-Għaxar u t-Tnax-il Distrett Elettorali, separatament għal kull lokalità? Tista’ tgħid ukoll: i. kemm hu mistenni li jiżdiedu ċ-charging pillars għal kull waħda minn dawn il-lokalitajiet; ii. meta hu mistenni li jiżdiedu dawn iċ-charging pillars; iii. meta hu mistenni li jibdew jaħdmu; iv. f’kull każ, kemm minn dawn iċ-charging pillars huma fast charging, u kemm huma normali (medium) charging; u v. liema rata ta’ ħlas ser tkun qed titħallas minn min ikun qed juża dawn iċ-charging points?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’kollox hawn 408 charging points għall-użu pubbliku mxerrdin madwar Malta u Għawdex, filwaqt li għaddej proġett ieħor biex jiżdiedu 1,200 charging point ieħor madwar il-gżejjer. Dawn jnkludu 324 charging point (162 charging pillar) li se jsiru fil-lokalitajiet tat-tliet Distretti Elettorali indikati u li l-informazzjoni mitluba dwarhom tinsab fid-dokument li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Qabel ma jitwaħħlu c-charging pillars irid isir xogħol infrastrutturali u ta’ preparamenti elettriċi li diġà qed isir fil-każ ta’ numru ta’ siti f’uħud mil-lokalitajiet. It-tender għat-twaħħil tal-ewwel 180 charging pillar qiegħed fi stadju ta’ evalwazzjoni, u fix-xhur li ġejjien se jinħarġu tenders oħrajn biex sal-aħħar tas-sena jiġu kuntrattati s-600 charging pillar ġdid kollha. Kull charging pillar ikollu żewġ charging points.

Ir-Rabat Malta — Rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kienx hemm xi żvilupp dwar ir-rimi ta’ skart tal-kostruzzjoni fil-barriera li tinsab fil-limiti ta’ Santa Katerina fir-Rabat, Malta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 20464.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati — Nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus mill-baġit tal-Ministeru tagħha fi sponsors, reklami, programmi tat-televiżjoni u prodotti/servizzi minn stazzjonijiet, production houses u producers privati minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni kif mitluba taqbeż l-advisory cost limit.

Sajf — Provvista tad-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri qed jieħu l-Gvern biex il-provvista tad-dawl tibqa’ stabbli fil-heatwaves tas-sajf 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Bħala parti mill-impenn biex inkomplu ntejbu s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, Enemalta qed tissokta bl-investiment f’dak li huwa tqegħid ta’ aktar cables ġodda taħt l-art, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, biex ittejjeb il-kapaċità u l-affidabbiltà tal-provvista fuq skala nazzjonali. Dan l-isforz huwa parti minn viżjoni usa’ biex il-pajjiż ikun imħejji aħjar għal sfidi futuri u jagħmel parti mill-pjan ta’ investiment li nbeda fl-2022 mifrux fuq sitt snin li qed jitwettaq għar-rinfurzar fis-sistema. Is-sena li għaddiet dan il-pjan ta’ tisħiħ fin-network tad-distribuzzjoni aċċellerajnih fejn b’investiment ta’ €55 miljun, f’sitt xhur tpoġġew 82 kilometru ta’ cables ġodda taħt l-art fuq livell ta’ vultaġġ medju. Dawn ix-xogħlijiet saru b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta. B’investiment apparti ta’ €35 miljun oħra, bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’21 lokalità madwar Malta u Għawdex biex jitpoġġew 60 kilometru ta’ cables oħrajn ġodda u li fl-ewwel xhur ta’ din is-sena diġà tqiegħdu aktar minn nofshom. Dan it-tisħiħ se jkompli jżid ir-reżiljenza fl-infrastruttura elettrika tagħna. Fuq livell ta’ vultaġġ baxx b’kollox inxtegħlu 166 low voltage feeders ġodda li jwasslu l-provvista tal-elettriku mis-substations għal għand il-konsumaturi kif ukoll inbidlu madwar 47 kilometru ta’ linji tal-elettriku fit-toroq. Dan il-pjan aċċellerat ma kienx biss jinvolvi t-tqegħid ta’ cables ġodda. Enemalta matul is-sena li għaddiet ikkumissjonat 54 substation ġdida f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, waqt li din is-sena diġà ġew ikkummissjonati 23 substation oħra ġdida. In-network tas-substations qiegħed jiġi msaħħaħ ukoll permezz ta’ modernizzar tat-tagħmir f’substations eżistenti. Enemalta għamlet xogħlijiet ta’ tkabbir ta’ transformers f’47 substation eżistenti u biddlet 29 switchgear fejn ġie installat apparat iktar modern, li f’każ ta’ diffikultajiet ikun jista’ jiġi operat mill-kamra tal-kontroll fil-Marsa u tnaqqas il-ħin biex tingħata lura l-provvista. Fl-2024 Enemalta ħadmet ukoll fuq ċentri ta’ distribuzzjoni ġodda kif ukoll oħrajn li tkabbret il-kapaċità tagħhom. Sar tkabbir taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni ta’ Buġibba fejn żdied transformer ta’ 30MVA u tkabbar l-iswitchgear biex issaħħet id-distribuzzjoni fiż-żona ta’ San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra. Din is-sena nbeda x-xogħol biex tiġi rduppjata l-kapaċità taċ-ċentru ta’ distribuzzjoni f’St. Andrews u l-Imsida, kif ukoll biex jiżdiedu żewġ ċentri ta’ distribuzzjoni oħra, wieħed fin-Naxxar u ieħor fis-Siġġiewi fejn bħalissa għaddej l-iskavar biex jibda l-bini ta’ dawn iċ-ċentri. Għaddej ukoll ix-xogħol b’rabta mal-link ġdid ta’ 132 kilovolt li se jsir bejn it-Terminal fil-Magħtab u ċ-ċentru ta’ distribuzzjoni fil-Mosta bi preparazzjoni għat-tieni interconnector ippjanat jiġi kkummissjonat fl-2026.