Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – każijiet ta’ inġustizzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ inġustizzja ġie ttrattat, solvut, investigat u deċiż minn xi entità li taqa’ taħtu minn Marzu 2013 sal-lum? F’kull każ, jista’ l-Ministru jgħid minn min kien magħmul il-Bord jew entità li trattat tali każijiet ta’ inġustizzja? Jista’ jelenka (mingħajr ismijiet) l-ammont ta’ flus ordnati li għandhom jitħallsu (jew li diġà tħallas) u/jew xi rimedju ieħor ordnat/mogħti fl-ewwel 12-il każ biss għal kull entità/Bord fil-Ministeru tiegħu li qed jinvestiga l-inġustizzji?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser tiġi ppubblikata s-sejħa pubblika biex jinħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ġdid tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi wara r-riżenja tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-mument opportun, u wiehed jispera li mhux fit-tul, se tiskata l-proċedura sabiex tkun tista’ tiġi maħruġa s-sejħa pubblika sabiex jinħatar Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni ġdid fi ħdan l-Awtorità.

Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi – operational permits tal-Freeport

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex jiġi aċċertat illi l-operational permits tal-Freeport jiġu osservati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru disa’ (9) spezzjonijiet fil-Freeport mil-Awtorità ghall-Ambjent u r-Riżorsi/mid-Direttorat għall-Protezzjoni tal-Ambjent (fi ħdan il-MEPA).

Birżebbuġa – Bajja s-Sabiħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu biex il-baħar tal-Bajja s-Sabiħa ta' Birżebbuġa ma jerġax ikun affettwat negattivament jekk ikun hemm ħruġ ta' żejt minn vapuri li jkunu fil-port?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Żurrieq Wied Fulija

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk il-WasteServe ħaditx passi mis-sena 2014 ‘l hinn fir-riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq fejn kien hemm il-miżbla u li sas-sena 2009 kien hemm rapport li kien qed jintrema materjal fih?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Wasteserv ħejjiet sejħa għas-servizzi sabiex tibda bl-ipjanar tar-rijabilitazzjoni ta din il-landfill. Dan il-kuntratt għadu kif ġie iffirmat u l-proċess tal-applikazzjoni għal-ogħtja tal-fondi, u permess tal-Planning Authority, beda. La darba ikun approvat il-permess u fondi mil-Unjoni Ewropea, tinħareg sejħa għax-xogħlijiet.

WasteServ — promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet lill-ħaddiema tal-kumpanija WasteServ Malta Limited xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta ħaddiema, li kienu impjegati mal-kumpanija WasteServ (Malta) Ltd u ingħataw promozzjoni fil-perjodu bejn 1 ta’ Jannar 2017 u 2 ta’ Ġunju 2017 kien ta’ 2 f’Jannar, 4 f’Marzu, 1 f’April u 1 f’Mejju.

WasteServ – transfers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers lill-ħaddiema tal-kumpanija WasteServ Malta Limited xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta ħaddiema, li kienu impjegati mal-kumpanija WasteServ (Malta) Ltd u ingħataw transfer fil-perjodu bejn 1 ta’ Jannar 2017 u 2 ta’ Ġunju 2017 kien ta’ 1 f’April.

WasteServ – impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-kumpanija WasteServ Malta Limited xahar b'xahar matul il-perjodu mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — sponsorships

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta' sponsorships li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Attwalment l-Onor. Interpellant mhux qed jispeċifika għal liema sponsorships qiegħed jirreferi però naħseb li jien qiegħed f’pożizzjoni li nagħti risposta. L-ERA – Awtorità Regolatorja fil-perjodu tal-1 ta’ Mejju sat-2 ta’ Ġunju tat sponsorship għat-taħriġ skont il-ftehim kollettiv tal-impejgati tal-ERA li kien jammonta għal €2,818, Ingħata sponsorship ieħor li jammonta għal €1,000 li nħareġ lill-Università ta’ Malta fit-28 ta’ April u ġie ppreżentat fil-5 ta’ Mejju, Fit-2 ta’ Mejju 2017 kien hemm it-training sponsorship ta’ €2,818 lil ċertu Alan Borg hemm ukoll dokumentazzjoni Fil-5 ta’ Mejju sar sponsorship ieħor ta’ €1,000 lil Università ta’ Malta Kien hemm sponsorship ieħor wsm li ngħata għal event partikolari tal-earth garden għall-perjodu bejn l-1 u sal-4 ta’ ġunju li kien jammonta għal €5,500.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — position of Trust

Question

Jista' l-Ministru jelenka u jgħid liema huma l-positions of trust li hemm fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu u l-entitajiet u d-Dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kuntratti kollha tax-xogħol tal-persons of trustu tal-positions of trust b’eċċezzjoni ta’ dawk li kienu nvoluti b’mod dirett mal-Presidenza Maltjia, ġew fi tmiemhom hekk kif ġiet fi tmiemha l-leġiżlatura li għaddiet u bħal issa għaddej il-proċess biex jigu stabbiliti kuntratti tax-xogħol ġodda.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – promozzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet lill-ħaddiema fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ promozzjonijiet fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, xahar b'xahar, matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017 kien ta 6 f’Jannar, 1 fi Frar u 2 f’Marzu.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi — transfers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw transfers lill-ħaddiema fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-2 ta’ Gunju 2017 ma saru l-ebda transfers esterni lill-ħaddiema fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 sat-2 ta’ Gunju 2017 ġew impjegati b’kollox 17-il persuna fl-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, 8 f’Jannar, 3 fi Frar, 1 f’Marzu, 2 f’April u 3 f’Mejju. Ta’ min wieħed jinnota li bħalissa għaddej proċess ta’ ristrutturar fi ħdan l-ERA.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq - tindif

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’passi għandha ppjanati l-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi, (ERA) biex is-sit ta’ importanza ambjentali magħruf bħala l-Magħluq ta’ Wied il-Għajn jitnaddaf darba għal dejjem mill-ħmieġ li reġa’ nġemgħa fih u li huwa ta’ dannu għall-ambjent naturali tiegħu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit tal-Magħluq ta’ Marsaskala qiegħed jiġi mnaddaf b’mod regolari mill-Cleansing Department, filwaqt li diversi xogħlijiet fuq it-tmexxija tas-sit huma ppjanati għal aktar tard fis-sena mill-Ministeru b’kollaborazzjoni mal-ERA u l-PARKs.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li l-Magħluq ta' Wied il-Għajn ikun imħares b'xi forma ta' organizzazzjoni dipartimentali permanenti li żżom il-post fl-aqwa stat possibbli tul is-sena kollha?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-sit diġà ingħata status partikolari minħabba l-importanza ġeoloġika u naturali tiegħu. Filfatt is-sit huwa parti min-Natura 2000 network u l-ftehim fuq it-tmexxija tas-sit tal-Magħluq ta’ Marsaskala diġà qiegħed jiġi applikat mill-ERA u l-Ministeru tal-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u tibdil fil-Klima, b’kollaborazzjoni diretta tal-PARKS.

Wied il-Għajn — Il-Magħluq

Question

Jikkunsidra l-Ministru li l-ħarsien taż-żona tal-Maqħluq ta’ Wied il-Għajn jingħata b'responsabbiltà lil xi NGO li b'fondi speċifiċi tal-Gvern iżżomm il-Magħluq fl-aqwa stat, fuq il-mudell ta' kif siti storiċi għaddew ukoll għand NGOs biex jieħdu ħsiebhom?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġeriment dwar it-tmexxija tas-sit tal-Magħluq ta’ Marsaskala diġà qiegħed jiġi kkunsidrat mill-ERA, kif ukoll mudelli oħra li wħud minnhom huma applikati f’siti oħrajn.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – investigazzjonijiet dwar każijiet ta’ rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u rawgħa f’Tas-Sliema u San Ġiljan

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar il-każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa f'Tas-Sliema u San Ġiljan matul Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin għalhekk l-ERA mhijiex f'pożizzjoni li tikkummenta aktar sakemm ma jkunux disponibbli riżultati konklussivi li jipprovdu aktar informazzjoni dwar din l-okkorrenza.

Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi – rapporti każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm irċeviet rapporti l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi dwar każijiet ta' rqajja’ kbar ta’ ħmieġ u ragħwa matul ix-xahar ta' Ġunju 2017?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul ix-xahar ta’ Ġunju, Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċeviet rapporti fuq każ wieħed relatat ma’ rqajja’ ta’ ħmieġ u ragħwa li oriġinaw mill-baħar u li kienu meqjusa bħala kbar hekk li damu iktar minn jum wara r-rapport. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi rċiviet ukoll rapporti fuq żewġ każijiet oħrajn ta’ rqajja’ li oriġinaw mill-baħar f’Ġunju, li madankollu ma kinux għadhom hemm meta saru l-ispezzjonijiet ftit wara li ntlaqgħu ir-rapporti.

Investigazzjonijiet dwar il-ħruq fl-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti dwar il-ħruq estensiv li seħħ nhar it-Tnejn 22 ta' Mejju 2017 fl-impjant ta' Sant'Antnin li huwa mmexxi mill-kumpanija WasteServ Malta Limited?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Awtoritajiet kompetenti li qed jireferi għalihom.