Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Bini ta’ appartamenti tal-Gvern

Question

B’referenza għall-bini ġdid ta’ appartamenti tal-Gvern f’Bormla li għadu qed jinbena, jista’ l-Ministru jgħid: a. Dawn l-appartamenti diġà ġew allokati? b. Meta ġew allokati? c. Meta kienu mwegħdin l-inkwilini l-ġodda li se jkollhom iċ-ċwievet tal-appartamenti? d. Peress li l-bini għadu mhux lest, meta huwa mistenni li dan il-proġett jintemm u l-inkwilini l-ġodda jingħataw iċ-ċwievet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellanta li l-Bord tal-Allokazzjoni fi ħdan l-Awtorità tad-Djar alloka appartamenti f’diversi blokok f’Bormla matul is-sena 2022. Iċ-ċwievet u l-kuntratt finali huma taħt ir-responsabbiltà tal-Malita Investments.

Bormla – Bini ta’ Garaxxijiet tal-Gvern

Question

B’referenza għall-proġett ta’ djar li qed jinbena ġewwa Bormla, jista’ l-Ministru jgħid jekk parti minn dan il-proġett tikkonsistix f’numru ta’ garaxxijiet? Kemm hemm garaxxijiet? Kif ser ikunu allokati dawn il-garaxxijiet u meta? L-inkwilini li ngħataw appartament fl-istess blokka se jkollhom xi forma ta’ right of first refusal jew xi privileġġ ieħor?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett tad-Djar li qed jinbena ġewwa Bormla jikkonsisti minn 30 garaxx. Dawn il-garaxxijiet ser ikunu qed jiġu mqassma mill-uffiċjali tal-kumpanija Malita Investments.

Awtorità tad-Djar – blokok tal-housing

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ kemm huwa n-numru ta’ blokok tal-housing f’Malta u Għawdex fil-preżent? Jista’ jgħid kemm-il unit hemm f’kull blokka u f’liema sena nbnew?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 20248 (Leġiżlatura XIII), inżid li minn dak iż-żmien żdiedu wkoll 8 blokok ġodda fis-segwenti lokalitajiet - Birkirkara, Ħ’Attard u Ħaż-Żebbuġ.

Awtorità tad-Djar – applikazzjonijiet li ma setgħux jiġu pproċessati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għal housing soċjali ma setgħetx tiġi pproċessata matul is-sena 2022 u x’kienu r-raġunijiet?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi 590 applikazzjoni ma setgħux jiġu pproċessati matul is-sena 2022, prinċiparjament minħabba li l-applikanti naqsu milli jissottomettu d-dokumenti meħtieġa jew inkella ma kienux jissodisfaw il-kriterji tat-test tal-mezzi.

Awtorità tad-Djar – lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali fil-mument? Kemm-il applikant hemm li huwa persuna b’diżabilità, lone parent jew persuna b’każijiet soċjali marbuta ma’ vjolenza domestika jew anzjani li jgħixu waħedhom sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 1450 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni alternativa fuq il-lista ta’ stennija li minnhom 778 huma familji b’ġenitur wieħed, 256 huma anzjani li jgħixu waħidhom u 19 isofru minn xi diżabilità.

Awtorità tad-Djar –Deposit Payment Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’jiġri jekk is-sid ma jasalx li jonora l-pagament lill-Awtorità tad-Djar fl-iskemi tad-Deposit Payment Scheme u Garanzija New Hope fost skemi oħra li għandha l-Awtorità?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull skema tinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet li jindikaw x’għandu jiġri f’dawn il-każijiet. L-Awtorità tad-Djar tqis ukoll iċ-ċirkustanzi tal-każ u tieħu kwalunkwe kunsiderazzjoni umanitarja xierqa qabel ma tipproċedi kif stipulat fil-kundizzjonijet tal-iskemi rispettivi.

Kuntratti biex jidħlu f'units tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx timeframe għal dawk li ffirmaw il-kuntratt biex jidħlu f’unit, qabel l-elezzjoni u li s’issa għadhom jistennew minkejja li qalulhom li ser jidħlu f’Ottubru 2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-allokazzjonijiet ġew imwettqa skont pjan tal-Awtorità tad-Djar imfassal fuq numru ta’ snin. L-inkwilini prospettivi ġew infurmati bl-allokazzjoni bosta xhur qabel ma tlesta x-xogħol fuq il-binja sabiex ikunu jistgħu jippjanaw il-futur tagħhom.

Mosta – postijiet li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni mill-Mosta li għadhom qed jistennew akkomodazzjoni soċjali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar għandha 50 applikazzjoni għall-akkomodazzjoni soċjali minn persuni li jgħixu l-Mosta.

Ċwievet ta’ postijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikant ta ċ-ċwievet tal-post tiegħu, liema skema nirreferu għaliha bħala “Inċentivi għal Ritorn ta’ ċwievet ta’ post” matul is-sena 2021 u 2022?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant sabiex jinnota t-tabella hawn taħt indikata:- Sena Numru ta’ Inkwilini 2021 8 2022 5

Social Workers — ingaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jiġu ingaġġati aktar social workers man-numru żgħir ta’ erbgħa li diġà hemm?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li t-tim ta’ ‘social workers’ hu magħmul minn ħames professjonisti fil-qasam soċjali. Se jiġi ngaġġat professjonist ieħor fil-futur qrib.

Awtorità tad-Djar – rapport marbuta ma’ Condominium

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’impenn qiegħda tieħu l-Awtorità tad-Djar meta jkun hemm rapporti marbuta mal-Condominium u li anke saħansitra jkun hemm rapporti għand il-pulizija minħabba mġiba li tkun qed iddejjaq lill-kumplament tal-familji li jgħixu fl-istess blokka?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-funzjoni tal-Awtorità tad-Djar ma tinkludix rwol ta’ intermedjarju fi kwistjonijiet bejn il-ġirien. F’każijiet ta’ mġieba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali l-Awtorità tieħu passi xierqa sabiex jitnaqqas l-inkonvenjent skont iċ-ċirkostanzi tal-każ. Rapport f’għassa jrid jiġi ppruvat permezz ta’ sentenza tal-qorti biex ikun jista’ jintuża bħala prova waqt azzjoni legali.

Awtorità tad-Djar – familji li jgħixu fi djar overcrowded jew substandard

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar tikkunsidrax familji li jgħixu fi djar overcrowded jew fi djar substandard? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm familji f’units overcrowded u/jew substandards?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant li fuq il-lista ta’ stennija għal akkomodazzjoni soċjali hemm 274 applikant li jgħixu fi proprjetà overcrowded u 27 applikant li jgħixu fi proprjetà substandard.

Applikazzjonijiet għall-Exchange

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx applikazzjonijiet li jridu jagħmlu exchange? Jekk iva, kemm-il talba hemm? Dawn l-exchanges huma parti mil-lista ta’ stennija, kif kien isir qabel l-2013?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sal-lum il-ġurnata hemm 487 li qegħdin joqogħdu f’akkomodazzjoni soċjali tal-Gvern u jixtiequ jbiddlu l-proprjetà li bħalissa jinsabu fiha.

Każijiet ta’ żgumbrament

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ żgumbrament quddiem il-Bord li Jirregola l-Kera? Jista’ jgħid kemm intlaqgħu talbiet minn dawn il-każijiet u ġie ordnat l-iżgumbrament tal-inkwilin minn wara l-elezzjoni ġenerali tal-2022 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Bord li Jirregola l-Kera huwa parti mill-Qrati tal-Ġustizzja. Minn Ġunju 2021 sa issa* 12-il inkwilin li jgħixu f’kirja protetta u kellhom kawża ta’ żgumbrament quddiem il-Bord imsemmi talbu li jiġu assistiti minn avukat imqabbad mill-Awtorità tad-Djar. *23 ta’ Jannar 2023

Ir-Rabat Għawdex – Taċ-Ċawla – proġett ta’ bini ta’ housing

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar il-proġett ta’ bini għal skop ta' housing ġewwa Taċ-Ċawla r-Rabat, Għawdex li kien issemma fl-2019 u jekk dawn jaqgħux taħt l-Awtorità tad-Djar jew jekk hux taħt il-Ministeru f’Għawdex?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar tikseb ir-residenzi meħtieġa sabiex tkun tista’ taqdi t-talbiet għal akkomodazzjoni soċjali minn diversi sorsi. Preżentement id-domanda qed tiġi akkomodata mingħajr il-ħtieġa li jinbnew residenzi ġodda permezz ta’ inizjattivi bħal kiri ta’ residenzi ġodda, għajnuna finanzjarja għal restawr ta’ djar battala u azzjoni ta’ infurzar f’residenzi mikrija.