Ix-Xagħra Għawdex – Triq Marga u Triq Għajn Damma – Periklu minn toroq li qed iċedu
Question
Peress li hija responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex, jista' l-Ministru jgħid fl-immedjat x'azzjoni ttieħdet u qed jieħu l-Ministeru għal Għawdex rigward Triq Marga u Triq Għajn Damma, fix-Xagħra Għawdex, peress li partijiet minnhom ċedew u oħrajn qed iċedu u hemm periklu għan-nies, sewwieqa u għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi fl-inħawi u saħansitra f'dawn l-aħħar xhur kien hemm inċidenti fejn weġġgħu xi nies?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol qed jiġi kkordinat mal-Kunsill Lokali tax-Xagħra. Fil-fatt ġie miftiehem li l-Ministeru għal Għawdex se jkun qed joħrog parti mill-ispiża, filwaqt li l-kunsill lokali se jkun qed jibda l-manutenzjoni fuq il-partijiet li qed iċedu.
In-Nadur Għawdex – Ground tal-Futbol — faċilitajiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikunu lesti l-faċilitajiet tal-ground tal-futbol fin-Nadur? Jista' jgħid ukoll jekk il-faċilitajiet li kien hemm ħdejn l-istess ground hux ser isiru kif kienu qabel jew hux ser isiru oħrajn ġodda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-fencing tal-ground tan-Nadur ser ikun lest fil-ġimgħat li ġejjin.
Għajnsielem Għawdex — Dar tal-Anzjani San Ġużepp - inawgurazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jagħti data ta’ meta d-Dar tal-Anzjani Ta' San Ġużepp, fi Triq l-Imġarr f'Għajnsielem, għandha tiġi inawgurata u tilqa' fiha l-ewwel anzjani, peress li x-xogħol fuq din id-dar issa ilu li nbeda aktar minn tmien snin imma għadha fi stat ta’ ġebel u saqaf? Jista' jgħid kemm-il parkeġġ ser ikollha din id-dar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Bħalma żgur jaf l-Onor. Interpellant, proġett bħal dan jeħtieġ proċess u ppjanar rigorużi, kif jixraq, li lkoll jieħdu ż-żmien tagħhom, dan eskluż kull intopp li jista’ jinqala’. Minkejja dan, ninfurmah li l-proċess tal-evalwazzjoni għas-sejħa għall-offerti CT2281/2019 (Tender to Finish, Furnish, Equip, Operate, Manage, Maintain and Transfer Back Dar San Gużepp, Għajnsielem, Gozo as a Long-Term Care Facility for Elderly with Environmental Friendly items) tlesta. F’dan il-każ il-proċess kellu jieqaf darbtejn, l-ewwel minħabba appell quddiem il-PCRB u sussegwentement issa fil-Qorti tal-Appell.
Inserraħlu rasu li meta l-proġett jitlesta, l-anzjani Għawdxin se jkunu jistgħu jgawdu minn faċilità tal-ogħla livell.
Din il-ħtieġa kienet ilha tinħass u Gvernijiet passati Nazzjonalisti injorawha għal diversi snin.
Ministeru għal Għawdex – Advisors fuq kuntratti/direct orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista minn kull entità li taqa’ taħtu ta’ kemm ġew impjegati advisors fuq kuntratti/direct orders u kemm hu l-valur tal-kuntratt mill-2018 sal-2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fis-seduta ta’ għada.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex il-Ġnien it-Tliet Għoljiet f’Marsalforn, Għawdex, jitranġa minħabba l-fatt illi l-playingfield li hemm fih jinsab fi stat ħażin ħafna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru se jieħu nota tas-suġġeriment tiegħu.
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan li titranġa Triq il-Gidi, fix-Xewkija Għawdex, peress li f'ċerti postijiet mit-triq hemm waqgħa ta’ żewġ sulari u m’hemmx ċint jew ħajt? Jekk hemm pjan li titranġa, meta se tinbeda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-obbligu tas-sid privat li jibni ċ-ċint meħtieġ skont il-liġi.
Peress li l-bdiewa Għawdxin qed jaħlu ħafna ħin jistennew il-Pitkalija biex jieħdu l-kaxxi tal-Pitkalija lura magħhom Għawdex, jista’ l-Ministru jara li jsir depot apposta għall-kaxxi tal-Pitkalija f’Għawdex stess u l-bdiewa Għawdxin jibdew jiġbru dawn il-kaxxi minn Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li se nikkunsidra s-suġġeriment.
Għawdex: Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq – Chairman u membri
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu ċ-Chairman u l-Membri tal-Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq f'Għawdex? Jista' jgħid min kienu ċ-Chairman u l-membri sal-Elezzjoni Ġenerali 2022? Jista' jgħid kemm hi r-remunerazzjoni taċ-Chairman u tal-membri ta' dan il-kumitat?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 2293 Għawdex Kumitat għall-Ismijiet tat-Toroq – Chairman u membri.pdf
Jista' l-Ministru jgħid fejn saru l-ħitan tas-sejjiegħ fi Triq ta' Xħajma, (it-triq minn Nadur lejn ir-Rabat) u jgħid meta ser isir it-tindif tal-għelieqi mill-ġebel u terrapin li tħalla wara li saru dawn il-ħitan? Jista' jgħid ukoll jekk hux ser isir tindif tal-konok tas-siġar mill-istess ġebel u terrapin li tħalla wara li saru dawn il-ħitan?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tindif tal-għelieqi mill-ġebel u mit-terrapien, u kif ukoll it-tindif tal-konok tas-siġar, huwa kważi konkluż.
Peress li l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, Xjenza u l-Kultura (UNESCO) wissiet lil Malta li hemm ċans mija fil-mija li tsunami jolqot xtutha fi żmien 30 sena, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed isiru l-istudji neċessarji biex il-breakwater li qed jiġi propost li jsir f’Marsalforn ikun tsunami-proof?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt li avvenimenti naturali impossibbli jiġu mbassrin b’ċertezza jekk iseħħux illum, wisq inqas 30 sena oħra, l-impenn tal-Gvern li jiġġieled il-fenomenu tat-tibdil fil-klima hu kontinwu, kif riflessa anke f’politika li tħares għal għexieren ta’ snin fil-futur. Il-kontribut ta’ pajjiżna, anke jekk żgħir, se jkun rifless fis-sentejn li ġejjin fejn se jkun rappreżentat fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, waqt li l-Prim Ministru nnifsu enfasizza fuq dan il-punt direttament fl-indirizz tiegħu fl-Assemblea Ġenerali tal-istess organizzazzjoni s-sena l-oħra u mill-ġdid f’Settembru li għadda.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 335 u jagħti rendikont tal-ammont ta’ konsulenzi li tħallsu mill-Ministeru bejn l-2017 u l-2022? Lil min ingħataw u f’liema ammonti ngħataw? Jista’ jgħid min huma l-konsulenti u b’liema proċess ġew maħtura konsulenti? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizz taw u x’tip ta’ kuntratti kienu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar servizzi ta’ konsulenza mitluba tiġi ppubblikata kull sitt 6 xhur fuq il-gazzetta tal-Gvern.
Ministeru għal Għawdex – Entitajiet u Awtoritajiet – Kwalifiki akkedemiċi ta’ Chairpersons ta’ bordijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki akkademiċi għandhom is-CEOs u ċ-Chairpersons tal-Bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu skont l-entità/awtorità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kwalifiċi akkademiċi tal-persuni indikati fid-domanda.
Attachments:PQ 1770 - Ministeru għal Għawdex Entitajiet u Awtoritajiet Kwalifiki akkedemiċi ta Chairpersons ta bordijiet.pdf
Għawdex: Nadur – Triq ir-Rabat – retaining wall tal-konkos
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar spezzjoni fuq ir-retaining wall tal-konkos li hemm fi Triq ir-Rabat, fin-Nadur, liema ħajt jidher li jista' jċedi? Jista' jgħid ukoll jekk min għamel din l-ispezzjoni, ikkonfermax li m’hemm l-ebda periklu? Jekk iva, jista' jqiegħed kopja tar-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjonijiet li saru min uffiċjali pubbliċi ġie deċiż li l-każ jiġi riferut lill-esperti fis-settur.
Jista' l-Ministru jgħid liema xogħol jonqos fi Triq Daħlet Qorrot fin-Nadur biex ix-xogħol ikun lest kollu? Jista' jgħid meta hu maħsub li jkun lest dan ix-xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għad jonqos isir huwa relatat mas-sistema ġdida tad-drenaġġ u l-wearing course. Dan ix-xogħol hu maħsub li jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.
Ministeru għal Għawdex – kumitati, bordijiet u kummissjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-kumitati, bordijiet, kummissjonijiet, eċċ. li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Għal kull każ, jista' jgħid min hu ċ-Chairperson u min huma l-membri ta' kull entità li taqa' taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista' jgħid min kien iċ-Chairperson u l-membri tal-istess entitajiet sa qabel l-Elezzjoni Ġenerali tal-2022?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 2292 Ministeru għal Għawdex – kumitati, bordijiet u kummissjonijiet.pdf
Ministeru għal Għawdex — infiq f’reklamar fuq media
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ma ħallas l-ebda flus f’reklamar fuq media fil-perjodu msemmi lil Media link, NET TV, NET FM u anqas lill-Partit Nazzjonalista.
Ministeru għal Għawdex – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemmx persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali fuq overtime f’kull diviżjoni, dipartiment, direttorat, awtorità jew fil-ministeru stess mill-1 ta' Jannar, 2021 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din id-domanda, maqsuma xahar xahar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 2181 Ministeru għal Għawdex – Infiq fuq sahra-updated.pdf
Għawdex: Nadur – Triq l-Imġarr – road safety barriers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x' inhuma r-raġunijiet u għala iktar minn tliet xhur ilu bdew jitwaħħlu r-Road Safety Barriers fi Triq l-Imġarr fin-Nadur u wara ftit ġranet ma tkomplewx jiġu mwaħħlin u minflok għad baqa’ l-blokki tal-konkos? Jista’ jgħid meta se jitlesta x-xogħol kollu relatat mar-Road Safety Barriers f'din l-imsemmija triq?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-istainless railing mistenni jkun lest fil-jiem li ġejjin, filwaqt li x-xogħol fuq il-crash barriers qiegħed jitkompla u mistenni jkun lest fil-ġimgħat li ġejjin.