Legislature:
Category:
Reset
Active:

Magni tal-logħob fil-casinos

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7294, 6957 u 6692 u jgħid għal kemm tammonta ċ-ċifra totali li l-Gvern idaħħal kull sena mill-magni tal-logħob li hemm allokati fl-erba' casinos li hawn f'Malta, jiġifieri gaming tax, income tax fuq il-kumpanniji, taxxi fuq il-qligħ, kontribuzzjonijiet soċjali ta' l-impjegati eċċ.? Kemm-il persuna jimpjegaw l-erba' casinos f'pajjiżna? Jikkonferma li hawn madwar 12,000 magna tal-logħob simili għal dawk li hemm fil-casinos imxerrdin fi ħwienet tal-logħob li qegħdin jinbtu f'kull belt u raħal ta' Malta? Il-kondizzjonijiet għall-permessi għall-ftuħ ta' casinos f'pajjiżna jinkludu sbarrament ta' l-età, biex wieħed jidħol u jilgħab irid ikun għalaq 25 sena, self barring li jorbot għall-casinos kollha, skrutinju dettaljat tal-flejjes li jidħlu u joħorġu kif ukoll preżenza ta' uffiċjali responsabbli għas-setturi tal-gambling, taxxa, eċċ. Jista' jispjega jekk l-operaturi ta' dawn il-magni tal-logħob (mhux casinos) għandhomx l-istess regolamenti?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Fondi Strutturali / ta' Koeżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) għal kemm fondi strutturali / ta' koeżjoni Malta, kienet tapplika għas-snin 2007 u 2008? b) kemm fil-fatt ġew utilizzati fondi strutturali/ ta' koeżjoni fis-snin 2007 u 2008? Kif intnefqu dawn il-fondi? Jista' jagħti iktar informazzjoni dwar is-€46 miljun li ġew depożitati fil-Bank Ċentrali Malti? Meta ġew depożitati? F'liema dati? Kif se jintużaw?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Kontijiet tal-dawl u l-ilma — dħul tal-VAT

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6599, jista' l-Ministru jipprovdi d-dħul tal-VAT li jaqgħu taħt il-faxxa in kwistjoni għall-fini tad-dipartiment tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa mitlub jispjega aħjar u fid-dettal x’informazzjoni qed jistaqsi dwarha.

diesel, petrol u żjut — dħul tal-VAT

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6600, jista' l-Ministru jiprovdi d-dħul tal-VAT li jaqgħu taħt il-faxxa in kwistjoni għall-fini tad-dipartiment tal-VAT?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi mhux possibli li jingħata d-dettal kif mitlub kif diġa spjegat fir-risposta għad-domanda Parlamentari numru 6600.

Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards — spezzjonijiet ta' lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra kemm qed isiru spezzjonijiet ta' lifts residenzjali mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Avviż Legali 231 tal-2007 jiddistingwi bejn liftsinstallati qabel l-1 ta’ Lulju 2002 u dawk li ġew installati wara din id-data. Għal dawk li ġew installati qabel l-1 ta’ Lulju 2002, kien biss fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena li daħal l-obligu tar-reġistrazzjoni tagħhom ma’ l-MSA; fil-każ ta’ dawk installati wara din id-data, l-obligu tar-reġistrazzjoni daħal fl-1 ta’ Jannar 2008. Din id-distinzjoni hija importanti li tkun innotata minħabba li huwa biss permezz ta’ reġistrazzjoni bħal din (li fi ħmistax–il xhar mit-tnedija tagħha tlaħħaq diġa qrib 1,200 lift) li l-Awtorita’ qed issir taf is-siti fejn jinstabu lifts residenzjali (u dawk li jinstabu fuq post tax-xogħol u li għalhekk jaqgħu fir-responsabbilta’ tal-OHSA) f’Malta w’Għawdex u b’hekk ikunu jistgħu isiru spezzjonijiet mill-istess Awtorita’ meta u fejn meħtieġ. Mingħajr ma nidħol f’dettalji tekniċi, hemm diversi tipi ta’ spezzjonijiet li jistgħu isiru fuq lifts, mhux biss mill-MSA iżda wkoll, f’isimha, minn dawk li fl-Avviż Legali jissejħu bħala “Authorised Conformity Assessment Bodies”: dawn qegħdin jagħmlu ċertu tip ta’ spezzjonijiet ta’ rutina skond frekwenzi stabbiliti fl-istess Avviż Legali. Is-sistema kollha għada qed tinbena u l-MSA qiegħda tara mill-qrib, permezz tad-Direttorat għall-Affarijiet Regolatorji u dak responsabbli mis-Sorveljanza tas-Suq, li l-provvedimenti tal-Avviż Legali 231 tal-2007 qed jiġu implimentati skond iż-żmienijiet stipulati fl-istess Avviż Legali. F’dan il-kuntest kollu u sa mill-1 ta’Frar 2008, minn meta d-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq sar jifforma parti mill-MSA, l-Awtorita’ rrispondiet għal sitt ilmenti fuq lifts residenzjali li waslu għandha permezz ta’ din is-sistema, filwaqt li għad hemm żewġ każijiiet quddiema pendenti.

Fondi għall-kawżi ġusti

Question

B'referenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 7590, jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibilità li d-diversi għaqdiet sportivi li għandna f'pajjiżna jissottomettu, wara talba għal ta' l-apposta min-naħa tal-Ministeru, t-talbiet tagħhom għall-ħlas ta' dawn il-kontijiet li l-għaqdiet għandhom mal-Korporazzjoni Enemalta u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Road Tax

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6573 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu, cioè: Billi minn din is-sena nbidlu l-kriterji li abbażi tagħhom wieħed iħallas il-liċenzja (road tax) annwali tiegħu, jista' l-Ministru jgħid jekk fil-fatt bniedem li jbiddel il-magna tal-vettura tiegħu, mingħajr ma jbiddel il-vettura hux ser ikun jista' jitlob għar-reviżjoni tal-ħlas dovut, abbażi ta' l-emissjonijiet li l-magna mqiegħda ġdida fil-fatt tipproduċi?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Esportazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-volum tal-esportazzjoni minn pajjiżna lejn kull wieħed mill-pajjiżi tal-G20, tan-NAFTA, tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar quarter ta' 2008 u fl-ewwel quarter ta' 2009? Fejn jirrizulta tnaqqis minn quarter għal ieħor, tista' tgħid jekk kienx hemm żieda f'tariffi u dazju, każ b'każ? Jew kien hemm xi tibdil fil-kundizzjonijiet ta' tiġdid ta' liċenzji ta' importazzjon f'xi każ? Kien hemm divjett/twaqqif ta' importazzjoni f'xi każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu kmieni biex inkunu nistgħu nagħtu din l-informazzjoni li tinkludi jekk kienx hemm tnaqqis jew le tal-volum tal-esportazzjoni minn Malta għal diversi pajjiżi li jkopru l-G20, tan-NAFTA, u tal-Unjoni Ewropea bejn l-aħħar kwart ta’ 2008 u l-ewwel kwart ta’ 2009. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi n-news release tal-Unit tagħna li jkopri Frar 2009 ġie ppublikat nhar il-Ħamis disgħa t’April 2009.

films miġbudin Malta — budget

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7484, 7280 u jgħid kemm inġibdu films f'Malta sena b'sena mill-1999 sal-lum? Kemm hu prospettat li jinġibdu films fil-bqija tas-sena? X'se jkun il-budget tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7280.

Pembroke — Triq Medjez

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-art li fuqha huma mibnijin d-djar u appartamenti mikrija mill-Gvern li qegħdin fi Triq Medjez, Pembroke, hiex akkwistata mill-Gvern u għaldaqstant jista' ibiegħ l-proprjetà li għandu mikrija?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Art fil-Qawra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhu jagħmel biex jirkupra mingħand T-Com Investments l-art fil-Qawra b’valur approssimattiv ta’ €23 miljun, liema art kienet tagħmel parti mill-Maltacom u li tant kien hemm kontroversja dwarha?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

The Eden and Razzett Foundation — iffirmar ta' ftehim

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iffirmax xi ftehim finanzjarju mal-Fondazzjoni l-ġdida The Eden and Razzett Foundation? Jekk fl-affermattiv, jista' jagħti dettalji? Jekk fin-negattiv, xi ftehim hemm bejn il-Ministru u dawn iż-żewġ fondazzjonijiet separatament?

Response (FENECH, TONIO)

L-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

każ fuq ċens ta' art ta' garaxx

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament dwar it-talba li huwa ressaq biex jifdi ċ-ċens ta' l-art ta' garaxx li huwa jokkupa? Din l-applikazzjoni saret madwar tliet snin ilu.

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub.

Fidi ta' ċnus — Dewmien

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-kawza tad-dewmien għall-fidi taċ-ċens tal-persuna li dettalji dwarha qed jitbagħtu separatament? Jista' jgħid kemm ġew mifdija ċnus f'dawn l-aħħar 12-il xahar, xahar b'xahar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata meta l-persuna li dwarha qed tintalab l-informazzjoni tagħti il-kunsens tagħha bil-miktub. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija l-informazzjoni hi kif ġej: Minn Janar 2008, iċ-ċnus mifdija kienu 251 maqsuma hekk: Jan. Frar Mar. Apr. Mej. Gun. Lul. Aww. Set. Ott. Nov. Dic. Jan/09 20 46 30 2 44 22 27 12 19 20 0 5 4

Bank Ċentrali ta' Malta — investiment barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ċifri għandu l-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2008 fejn jidħol l-investiment barrani u jagħti wkoll id-dettalji ta’ fiex jikkonsisti dan l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba, miġbura mill-NSO.

Fond għall-Kawzi Ġusti — Flus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6714 u jgħid kemm kien hemm flus fil-Fond għall-Kawzi Ġusti fl-1 ta’Jannar 2008? Kemm daħlu flus fil-fond matul l-2008 u minn fejn?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6714.

Direttur Ġenerali  tad-Divizjoni għal-Konsumatur u Kompetizjoni — permess biex taħdem xogħol privat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7110 u cioè: Filwaqt li nirreferi għal risposta li ħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru lill-gazzetta "Illum" li dehret f’artiklu taħt it-titlu “il-Każ ta’ Veterinarja maċ-Ċivil” li ġie ppublikat il-Ħadd 22 ta’ Frar 2009, jista’ l-Ministru jikkonferma id-dati ta’ meta d-Direttur Ġenerali tad-Divizjoni għall-Konsumatur u Kompetizjoni (il-Veterinarja) ngħatat il-permessi biex taħdem xogħol privat? X’kundizzjonijiet kien hemm ma' dawn il-permessi u jekk kien hemm, kenux jippermettulha li tagħmel xogħol privat waqt il-ħin li suppost taħdem mal-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Direttur Ġenerali  tad-Divizjoni għal-Konsumatur u Kompetizjoni — xogħol privat - permessi validi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7111 u cioè: B’referenza għall-artiklu li deher fil-gazzetta "Illum" taħt it-titlu “Il-każ ta’ Veterinarja maċ-Ċivil” li ġie ppublikat il-Ħadd 22 ta’ Frar 2009, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-permessi li ħarġu lid-Direttur Ġenerali tad-Divizjoni għall-Konsumatur u Kompetizzjoni (il-Veterinarja) biex tagħmel xogħol privat għadhomx validi minħabba li skond l-Uffiċċju tal-Prim Ministru dawn il-permessi ngħataw taħt il-leġislatura l-oħra?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Kummissjoni Ewropea — tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7112 u cioè: Wara li l-Kummissjoni Ewropea riċentement (Jannar 2009) qalet li trid tara tisħiħ fl-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni ġewwa Malta, jista' l-Ministru jgħid x’inhuma l-passi li beħsiebu jieħu dwar dan anke minħabba li preżentament l-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jitmexxa minn veterinarja li tipprattika l-professjoni tagħha fl-istess ħin li tmexxi dan l-uffiċċju li hu meqjus tant importanti mill-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.

Lifts reġistrati mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil Kamra kemm hemm lifts reġistrati mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Istandards u jekk hemmx sistema biex wieħed isir jaf jekk lift ġiex reġistrat jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Nagħrraf lill-Onorevoli interpellant li sa llum hemm total ta’ elf, mija u tmienja u sittin (1,168) lift reġistrat ma’ l-istess Awtorita’. Ma’ dawn wieħed irid iżid madwar 50 applikazzjoni reċenti li għadhom ma ddaħħlux fis-sistema. Dawn il-lifts jinqasmu f’elf, mija u tnejn u għoxrin (1,122) lifts hekk imsejjħa “ġodda” (jiġifieri lifts li ġew installati mill-1 ta’ Lujlu 2002 ‘il quddiem) u sitta u erbgħin (46) lifts hekk imsejjħa “eżistenti” (jiġifieri dawk installati sat-30 ta’ Ġunju 2002). Ta min wieħed ifakkar illi r-registrazzjoni ta' lifts eżistenti bdiet mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena. L-MSA iżżomm database bl-informazzjoni segwenti fuq kull applikazzjoni li tirċievi:  Min installa l-lift;  Meta ġie nstallat il-lift;  Fejn ġie nstallat il-lift (indirizz);  “Serial number” tal-lift;  Tip ta’ bini fejn ġie nstallat il-lift (residenzjali jew post tax-xogħol). Għaldaqstant, huwa ferm faċli sabiex wieħed isir jaf jekk lift partikolari ġiex reġistrat ma’ l-Awtorita’ kkonċernata jew le.