Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-formazzjoni ta' kapital fiss gross f'Għawdex kull sena mill-1999 'l hawn fi prezzijiet kurrenti tas-suq u fi prezzijiet kostanti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-valur tal-formazzjoni ta’ kapital fiss gross jiġi kkalkulat fi prezzijiet kurrent u kostanti fuq skala nazzjonali u mhux fuq skala reġjonali u għalhekk din l-informazzjoni ma teżżistix għal Għawdex waħdu.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6943 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti tagħrif dwar kemm ġew importati karozzi f'pajjiżna mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u minn liema pajjiżi ġew sena b'sena mill-2005 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi fl-aħħar ħames snin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid kemm ġew importati karozzi minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7147.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6666 u jgħid kemm kien il-valur tal-formazzjoni ta' kapital fiss gross f'Għawdex kull sena mill-1999 'l hawn fi prezzijiet kurrenti tas-suq u fi prezzijiet kostanti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6666.
Air Malta — fuel surcharge mħallas mill-passiġġiera
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jiġi stabilit il-fuel surcharge li jintalab jitħallas mill-passiġġiera li jużaw l-Air Malta? Meta ġie ntrodott l-ewwel darba dan il-fuel surcharge? Kif inbidlet matul iż-żmien li ilu jiġi mitlub? Meta nbidel l-aħħar darba?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Membru hija ta' natura kummercjali u sensittiva ferm ghax tolqot id-dhul ta' l-Air Malta. Ghaldaqstant m'huwiex prudenti li tinghata l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7287 u 7048 u cioè: Fid-dawl ta’ dak li rriżulta mil-laqgħa riċenti tal-House Social Affairs Committee dwar il-gambling outlets illegali li qed jinbtu madwar Malta kollha, jista' jieħu azzjoni flimkien mal-Ministru għall-Intern sabiex jigi żgurat li tittieħed azzjoni konkreta kontra dan l-operat illegali?
Meta se jiddeċiedi l-Gvern jekk ħwienet simili humiex legali jew le, jew għandhomx jibqgħu illegali jew le?
Għaliex qed iħallihom joperaw meta sal-lum għad m'hemm l-ebda leġislazzjoni jew regolamenti li jikkontrollaw l-operat tagħhom?
Iħoss li l-ispjega tal-Agent Chief Executive Officer tal-Lotteries and Gaming Authority li l-awtorità għandha d-dmir li toħroġ il-liċenzji meħtieġa iżda ma tistax tagħmel dan qabel ma jkun hemm legal notice biex tirregola dan in-negozju, jindika li l-Gvern jidher li jinsab miexi lejn l-aċċettazzjoni ta’dawn il-gambling outlets kollha?
X’tifhem il-Lotteries and Gaming Authority meta qed tistqarr li l-intenzjoni tagħha hi li il pożizzjoni tiġi regolarizzata kmieni kemm jista jkun? Li dawn se jibdew jitħallew joperaw f’pajjiżna bil-liċenzji li għad jridu joħorġu?
Billi intqal li l-Lotteries and Gaming Authority qed tippjana anki pjanijiet fit-tul dwar passi dwar bans fuq gaming f’internet cafes b’liema kriterju qed jigi indikat li il-Gvern jista' jimxi b’kejl differenti fejn jiffavorixxi dawn il-gambling outlets u ma jieħux l-istess passi li jistgħu jiġu kkontemplati vis-a-vis l-gaming fl-internet cafes?
Jista' jara flimkien mal-Ministru tal-Intern kemm minn dawn l-outlets qegħdin irażżnu żgħażagħ ta’ taħt il-25 sena milli jiffrekwentawhom? Huwa minnu li spiss qed ikun hemm tfal ġo fihom? Filwaqt li wieħed jifhem ir-rakkmandazzjoni tal-Kumitat li għandha tispiċċa d-distinzjoni bejn gambling outlets u amusement machines jaħseb li l-gaming outlets jirrikjedu attenzjoni aktar prijoritarjà?
Il-Gvern għandu jieħu in kunsiderazzjoni wkoll il-location ta’ dawn l-outlets li skond ma ġie żvelat f’ċerti każi jinsabu qrib ħafna ta' ċerti knejjes u skejjel?
Filwaqt li wieħed japprezza il-proposta tal-kumitat li għandu jkun hemm moniteraġġ ta’ dawn l-attivitajiet, jaħseb li flimkien mal-Ministru tal-Intern hija responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali biex jieħu passi mmedjati kontra din l-illegalità?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' każijiet ta' esproprazzjonijiet ta' art jew bini li d-Dipartiment tal-Artijiet għandu pendenti għal dak li jirrigwardja l-pagamenti lis-sidien in kwistjoni? Kemm ilha pendenti l-aħħar talba/pagament? Jista' fil-fatt jagħti breakdown sena sena ta' dawn il-pendenzi ta' pagamenti lid-Dipartiment tal-Artijiet għandu jħallas?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet mhux f’pożizzjoni jgħid kemm huwa n-numru ta’ każijiet ta’ esproprijazzjoni ta’ art li għandu pendenti għal dak li jirrigwardja l-pagamenti lis-sidien billi f’diversi każi l-art esproprijata tinqasam f’diversi porzjonijiet b’sidien differenti. Din l-informazzjoni tkun magħrufa biss meta jsir ix-xogħol neċessarju biex jiġi stabbilit it-titolu ta’ l-art in kwistjoni.
It-talbiet imorru lura sas-snin ħamsin, pero’ in-numru ta’ dawn huwa limitat.
Id-Dipartiment ma jżommx ir
-records
neċessarji li jindikaw sena b’sena kemm għad hemm esproprijazzjonijiet li għadu ma sarx pagament għalihom.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — bordijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma il-bordijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-bordijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħi li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu huma kif ġejjien:
Il-Bord tal-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta
Il-Bord tal-Malta Industrial Parks
Il-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Att tal-Kumpanniji Kontrollati (Proċedura ta’ Stralċ)
Il-Bord tal-Accountancy
Il-Bord ta’ l-Appelli tal-Kuntratti
Il-Bord Nazzjonali ta’ l-Akkreditament
Il-Bord tal-MIMCOL
Il-Bord tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)
Il-Bordijiet ta’ l-Appell tal-VAT (l-ewwel u t-tielet)
Il-Bord dwar drittijiet ta’ l-Awtur
Il-Bord dwar is-Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat
Il-Bord ta’ l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji
Il-Bord ta’ l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob
Il-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Istatistika
Il-Bordijiet msemmija hawn taħt huma dawk li ma ltaqgħux matul ix-xhur msemmija:
Il-Bord ta’ l-Appell għall-Appelli tal-Konsumatur
Il-Bord dwar ir-Reviżjonijiet Notarili
Il-Bord dwar l-Eżamijiet ta’ l-Irkantaturi
Il-Bord ta’ l-Appell dwar il-Liċenzji tan-Negozji
Kumpanniji ta' l-assigurazzjoni — Health insurance
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn kumpanniji ta' l-assigurazzjoni li joffru health insurance reġistrati mal-Malta Financial Service Authority? Kemm kienet tħaddem kull kumpannija matul l-2007 u matul l-2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellat illi sad-data ta’ din il-mistoqsija,
(a) Hawn tlett kumpannija ta’ l-assigurazzjoni li huma awtorizzati taħt l-Att biex jirregola l-kummerċ ta’ l-assigurazzjoni (Kap. 403) biex joffru “health insurance”.
(b) Hawn żewġ aġenti fl-assigurazzjoni li huma iskritti taħt l-Att dwar l-Intermedjarji fl-assigurazzjoni (Kap. 487) li huma maħtura minn żewġ impriżi ta’ l-assigurazzjoni Ewropej li għandhom l-uffiċċju prinċipali tagħhom fi Stat Membru biex bħala aġenti fl-assigurazjoni joffru “health insurance” għan-nom ta’ dawn l-impriżi ta’ l-assigurazzjoni.
(c) It-tlett kumpanniji mmsemmija taħt (a) huma awtorizzati biex jiktbu klassijiet oħra ta’ l-assigurazzjoni u mhux biss “health insurance”, u l-informazzjoni li jkollha l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta ma tkunx maqsuma biex turi kemm minn dawn l-impjegati huwa jaħdmu specifkament fis-settur tal-“health insurance” biss. Għaldqstant, din l-informazzjoni mhix disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-persuni kollha li daħlu jaħdmu mal-Korpi tal-Gvern qabel l-1979, imma li mbagħad f'data li tiġi wara l-1979 ġew assorbiti mal-Gvern bħala ħaddiema tiegħu jieħdux pensjoni inqas vantaġġjuża mill-bqija tal-ħaddiema li ġew impjegati mal-Gvern wara l-1979? Għaliex?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond Art. 21 tal-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet, il-pensjoni tat-Tezor huma eliġibli għaliha biss dawk il-persuni impjegati mas-servizz pubbliku ta’ Malta qabel il-15 ta’ Jannar, 1979.
Għalhekk dawk il-persuni li daħlu jaħdmu mal-Korpi tal-Gvern qabel il-15 ta’ Jannar 1979 u ġew assorbiti mal-Gvern wara il-15 ta’ Jannar 1979 u dawk il-ħaddiema li ġew impjegati wara il-15 ta’ Jannar 1979 mhumiex eliġibli għal-pensjoni tat-Teżor.
Korporazzjoni Enemalta — Bini ta' sub-station fil-Fawwara
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kien il-promotur wara l-ħruġ ta' expropriation order fuq art magħrufa bħala ta' Żini, limiti tal-Fawwara, Siġġiewi biex tinbena sub-station mill-Korporazzjoni Enemalta biex taqdi l-ħteġijiet ta' kumpannija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Jista' jgħid għaliex din is-sub-station ma nbnietx fuq l-art tal-persuna li huwa stess talab li tinbena fuq ħwejġu biex huwa wkoll ikollu dritt għas-servizz tal-elettriku 3 phase?
Jaħseb il-Ministru li dan huwa każ ta' abbuż u li għandha ssir inkjesta biex wieħed jistabbilixxi l-fatti eżatt wara din l-esproprjazzjoni u aktar meta issa l-istess Korporazzjoni Enemalta fuq ordnijiet ta' xi ħadd qed jinsistu li tinbena proprju wara l-gate tal-persuna vittma ta' din l-esproprjazzjoni, qisu b'vendikazzjoni, kif murija fir-ritratti li qed jintbagħtu separatament, inkluż ritratt li juri arblu tad-dawl imressaq iżjed lejn letter box tal-fond milqut ta' dan l-allegat abbuż imsemmi?
Jaħseb il-Ministru li għandu jwaqqaf il-proġett ta' din is-sub-station fil-Fawwara, Siġġiewi u tinbena fil-fond tal-persuna li hu stess qed jitlob li ssir fi ħwejġu?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Artijiet kellu talba mingħand l-Enemalta Corporation biex din tingħata biċċa art li kienet indikata fuq pjanta, f’area magħrufa bħala “ta’ Żiri” jew “ta’ San Dawdar” fi Triq tal-Fawwara, Siġġiewi biex fuqha tinbena substation. Billi l-art kienet proprjetà tal-Gvern, amministrata mill-Uffiċċju Konġunt, ma kienx hemm ħtieġa ta’ esproprju kif isir is-soltu. Saret it-terminazzjoni ta’ dik il-parti tal-kirja agrikola fejn kienet mitluba s-substation.
Ma jirriżultax li d-Dipartiment tal-Artijiet kellu xi talba oħra għal bini ta’ din is-
substation
x’imkien ieħor.
Dwar it-tielet u l-aħħar paragrafu ta’ din id-domanda, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5768, filwaqt li napprezza l-kontenut tar-risposta kif mogħtija, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi tkun il-pożizzjoni ta' dawk il-persuni li għandhom proprjetà tal-gvern jew imqabbla jew b'ċens validu mingħand il-Gvern, li javżaw lid-Dipartiment ta' l-Artijiet b'dak li jkunu se japplikaw għalih għand l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u d-dipartiment jibqa' ma jagħtix risposta lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant, li sakemm l-applikant ikun qed jiddikjara fl-applikazzjoni tiegħu li qed japplika għall-żvilupp fuq art tal-Gvern, it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern ma tieħu l-ebda pożizzjoni fil-konfront ta’ dawn l-applikazzjonijiet f’dan l-istant. Dan għaliex Paragrafu 2 taċ-Ċirkulari Nru PA 2/97 maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u Ippjanar, ineħħi kull obbligu ta’ konsultazzjoni mit-Taqsima Proprjetà tal-Gvern f’dawn il-każijiet. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-Ċirkulari Nru PA 2/97 għall-attenzjoni tal-Onor Interpellant.
offerti għall-provvista u stallazzjoni ta' xogħlijiet tal-aluminju
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefgħu offerti għall-provvista u stallazzjoni ta' xogħlijiet tal-aluminju fil-fabbrika li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġewwa Ħal Far kif ukoll fuq xogħlijiet ta' bini fuq ġewwa u fuq barra fil-fabbriki f'diversi oqsma industrijali u dan skont avviż maħuġ fil-Gazzetta tal-Gvern? Min applika u kemm kienet kull offerta? Jista' jgħid ukoll min intagħżel biex jagħmel dan ix-xogħol?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 6867, jista' l-Ministru jgħid min kienu s-sidien li l-Ministeru għażel li jżomm kuntatt kontinwu magħhom u kif ġew magħżula? Jista' jgħid ukoll min kien preżenti fil-laqgħat tas-6 ta' Jannar u tas-6 ta' Frar 2009 u x'kien diskuss b'mod ġenerali? Min kienu l-uffiċjali tal-Gvern li kienu preżenti matul dawn il-laqgħat?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kienu s-sidien stess li identifikaw rwieħhom bħala rappreżentanti f’isem sħabhom, u li talbu sabiex jiltaqgħu miegħi; u min-naħa tiegħi aċċettajt li niltaqa’ magħhom mingħajr diffikulta.
Fuq deċiżjoni libera tas-sidien infushom, għaż-żewġ laqgħat ma attendewx bl-istess numru u l-istess individwi, iżda fiż-żewġ każi sejħu lilhom infushom rappreżentanti għas-sidien l-oħra, u li kienu qed jiltaqgħu miegħi bil-kunsens ta’ l-istess sħabhom.
Għan-naħa tal-Gvern, kienu preżenti wkoll, is-Segretarju Permanenti, il-Policy Coordinator responsabbli minn dan is-settur, u Chairman tal-Malta Enterprise.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6919 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm inġibdu films f'Malta sena b'sena mill-1999 sal-lum? Kemm hu prospettat li jinġibdu films fil-bqija tas-sena? X'se jkun il-budget tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ammont ta’ films, flimkien ma’ xi xogħol ieħor ta’ produzzjoni li nġibdu f’Malta mill-1999 sas-sena 2008 huwa kif ġej:
Sena
Ammont ta’ produzzjonijiet li nġibdu f’Malta
1999
2
2000
18
2001
13
2002
16
2003
7
2004
7
2005
9
2006
10
2007
12
2008
8
Ta’ min iżid jgħid li r-riċessjoni dinjija wkoll qed tħalli impatt fuq din l-industrija u fis-sena 2009 għadu ma sar l-ebda xogħol ta’ produzzjoni f’Malta. Madankollu huwa proġettat li jkun hemm tliet xogħolijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ produzzjoni u li ċ-ċifra ta’ infiq f’Malta għall-ewwel żewġ produzzjonijiet ser tkun ta’ madwar €2.25m. Il-
budget
għat-tielet produzzjoni għad irid jiġi stabbilit.
Għawdex — produzzjoni tal-films - open air studios
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tiġi żviluppata faċilità ta’ open air studio għall-produzzjoni tal-films f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x’sar s’issa fuq dan il-proġett?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern talab lil Malta Film Commission biex iwettqu studju dwar x’tip ta’ faċilitajiet jistgħu jiġu kunsidrati f’Għawdex u li jistgħu jużaw biex Għawdex ukoll jibbenifika minn din l-industrija.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 6363 u 6061 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jara jekk hux minnu li sinjur li d-dettajli tiegħu qed jintbagħtu separatament, għandu post li jrid ibiegħu u ġie infurmat li jekk jixtri ċ-ċens ikollu jistenna għoxrin sena biex ibiegħ id-dar? Jista' jsir xi ħaġa jew dan is-sinjur hemm bżonn li jkollu laqgħa mad-Dipartiment ta' l-Artijiet? Il-kunsens tal-persuna qed jidher separatament.
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7241 u cioè: Peress li l-figura ta’ €417 miljun għall-ewwel 9 xhur tas-sena li għaddiet issemmiet mill-Prim Ministru f’diskors pubbliku li huwa għamel, jista’ l-Ministru jgħid minn fejn ġiet din il-figura u ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 6589 dwar investiment barrani?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7242 u jgħid x’ċifri għandu l-Bank Ċentrali ta’ Malta għas-sena 2008 fejn jidħol l-investiment barrani u jagħti wkoll id-dettalji ta’ fiex jikkonsisti dan l-investiment?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7242.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7280 u 6919 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm inġibdu films f'Malta sena b'sena mill-1999 sal-lum? Kemm hu prospettat li jinġibdu films fil-bqija tas-sena? X'se jkun il-budget tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7280.