Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karozzi li għandhom targa (number plate) ta' pajjiż Membru ta' l-Unjoni Ewropea li m'huwiex Malta jħallsux ukoll taħt l-iskema tas-CVA meta jidħlu fil-Belt Valletta? Minn mindu ġiet introdotta din l-iskema, kemm hu l-ammont ta' flus li nġabar mis-CVA mingħand sidien ta' karozzi li m'għandhomx targa (number plate) ta' Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sistema tas-CVA tirrikonoxxi l-pjanċa tar-reġistrazzjoni ta' Malta biss u ma tirrikonoxxix pjanċi ta' pajjiżi oħra inkluż dawk ta' pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropeja. B'hekk ma nġabrux flus mis-CVA fuq dawn il-vetturi.
Dan japplika għal dawk il-vetturi ta' turisti jew ta' sidien mhux residenti ġo Malta li għandhom permess temporanju biex ikomplu jużaw il-pjanċi barranin. Sidien ta' karozzi li huma residenti ġo Malta għandhom jirreġistraw il-vettura bi pjanċa Maltija
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 613 u jgħid meta l-Gvern beħsiebu jiddeċiedi dwar il-problema tat-tisħiħ ta' l-aċċessibilita' tat-transport bejn Malta u Għawdex ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku u jgħid għal liema tip ta' trasport qed jirreferi.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 632 li saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, u issa qed tiġi riferuta lilu, u jgħid x'policy se tkun qed tadotta l-ADT rigward l-għoti ta' materjal sabiex sqaqien u passaġġi f'raba' jkunu aktar aċċessibbli?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jara li l-karozzini ma jibqgħux jiġu misjuqa f'toroq arterjali fl-inħawi ta' Blata l-Bajda u l-Belt għax apparti għall-periklu għall-istess passiġġieri tal-karozzini, hemm ukoll riskju għall-vetturi f'dawn it-toroq?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 649 u jgħid kemm hu l-valur ta' kontijiet pendenti li għandhom jieħdu l-kuntratturi mid-Direttorat tat-Toroq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm ammont ta’ Eur309,650 f’kontijiet li qegħdin jiġu pproċessati biex jitħallsu. Flimkien ma dawn hemm madwar Eur750,000 f’xogħlijiet li tkejjlu jew jridu jiġu mkejjla biex eventwalment jitressqu għal pagament.
Hemm ukoll ammont li jeċċedi 'l Eur1.5m fuq xogħlijiet li saru u li għad trid tittieħed deċiżjoni fuqhom mid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Peress li tħabbar li l-Gvern beħsiebu jipprivatizza l-marinas kollha sa l-aħħar ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid jekk wara li jintemm dan il-proċess hux se jitħalla li jsir sajd minn dilettanti, kif qed isir illum, fuq il-moll bejn l-istabbilimenti Mamma Mia u Black Pearl?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra
Peress li fil-leġislatura li għaddiet il-Ministru responsabbli mit-toroq kemm-il darba stqarr li t-Triq f'Sur Santa Liena Bormla kienet daqt issir u f'mistoqsija parlamentari 28739 li kienet tgħid:
"B'referenza għal mistoqsija parlamentari 24760 fejn il-Ministru qal li x-xogħlijiet fl-area ta' Sur Santa Liena, Bormla kienu mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin fejn anke ħarġet tender, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li llum 5 xhur wara li saret din il-mistoqsija għadu ma sar xejn? Jista' jgħid meta se jibda dan ix-xogħol u kemm hu mistenni li jdum?"
U l-Ministru rrisponda:
"Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ADT tikkonferma li xogħlijiet f'din it-triq se jinbdew fil-ġranet li ġejjin peress li kien hemm id-diskussjonijiet bejn l-entitajiet li ħadu daqsxejn żmien aktar milli mistenni. Dawn id-diskussjonijiet waslu fil-final u kif ikunu ffinalizzati l-kuntrattur jkun jista' jibda x-xogħol."
Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu jsir dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħal kull triq oħra fil -lista 2006-2008, hemm impenn sħih mill-ADT li dawn jsiru fl-iqsar zmien possibli skond il-meżżi finanzjarji disponibli u skond il-prijoritajiet. Minħabba raġunijiet ta’ natura amministrattiva il-kuntattur kif wkoll l-appalt tax-xogħolijiet kellhom jinbidlu u x-xogħol fuq l-imsemmi triq hu fil-pjani kurrenti.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser isir x-xogħol fuq Triq Santa Liena, Bormla, triq li ilha xhur li beda x-xogħol fiha, u t-trabijiet kbar li hemm qed ikunu ta' inkonvenjent għar-residenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru. 1.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li ssir Triq ix-Xatt , Bormla (Bormla Wharf), liema triq tinstab fi stat diżastruż, triq li minnha jgħaddi kulmin irid imur lejn il-proġett tal-Cottonera Waterfront u lejn il-Birgu u l-Kalkara?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-obbligu legali għall-manutenzjoni ta' din it-triq hija tal-Kunsill Lokali konċernat.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk Triq tas-Sliema, Kappara, San Gwann hux qegħda f'xi programm ta' rranġar tat-toroq bħala triq prinċipali u iżjed issa bit-traffiku li jgħaddi għall-iSptar Mater Dei? In vista ta' l-istat ħażin li t-triq tinsab fiha, jista' jikkonsidra li jsiru xi xogħlijiet f'din it-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-ADT taf bis-sitwazzjoni ta' din it-triq u sa tagħmel minn kollox sabiex tiddaħħal fil-lista tax-xogħolijiet li għandhom jsiru.
Jista' l-Ministru jgħid jekk u fil-każ meta ser issir mill-ġdid Triq il-Labour f'Haz-Zabbar li tinsab fi stat ħażin ħafna speċjalment dik il-parti ta' Triq tal-Labour, minn Triq Bormla sa Triq il-Madonna Medjatrici?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li li xogħlijiet ta ‘temporary remedial works’ bil-‘cold asphalt’ saru f’Diċembru 2007 u f’Jannar 2008. Din il-parti ta’ Triq tal-Labour qiegħda tingħata priorita' fil-programm ta’ xogħolijiet bil-‘hot asphalt’ li għandna ppjanati.
Ix-xogħolijiet jkunu jistgħu jsiru meta tenders għal dawn ix-xogħlijiet jkunu approvati.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi neċessarji biex fit-triq prinċipali li mix-Xemxija twassal sal-Mellieħa (fuq il-bridge tal-Mistra) jiġi rranġat b'mod sew u permanenti, l-ħajt fuq naħa waħda ta' l-istess triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li quddiem parti minn dan il-ħajt li waqa' ttella' ħajt bil-blokki tal-konkos. Partijiet oħra li jinsabu fi stat li jistgħu jaqgħu ser jiġu rranġati matul is-sajf.
Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — Assigurazzjoni Privata
Question
Jista' l-Ministru jgħid fil-mument liema huma d-dekasteri, dipartimenti u entitajiet li għandhom xi forma ta' Assigurazzjoni Privata (Private Insurance) għall-vetturi, bini, apparat, pitturi, eċċ? Kemm huwa l-ħlas globali f'ċifra ta' flus li qed titħallas għal dawn l-assigurazzjonijiet?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'wassal biex f'Malta jkun hawn nuqqas serju ta' Avgas li jintuża għal skop ta' avjazzjoni? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dan ma jirrepetix ruħu fiż-żmien li ġej?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ Avgas li kellna għal ġimgħa u nofs ta’ qabel is-sbatax ta’ Mejju kienet dovuta għal domanda mhux normali għal dan it-tip ta’ fuel, liema domanda ġiet minn ajruplan wieħed. Sfortunatament l-Enemalta ma kienetx ġiet avżata minn qabel u għalhekk ma setatx tipprepara ruħha għalih. Tajjeb wieħed jgħid li dan it-tip ta’ fjuwil, li l-użu tiegħu qiegħed kull ma jmur jonqos drastikament, hawn Malta jintuża biss minn xi ajruplani ta’ l-AFM, kif ukoll minn numru żgħir ta’ ajruplani żgħar privati. L-ajruplan imsemmi aktar il-fuq żied il-konsum ta’ l-avgas minn ajruplani mhux ta’ l-AFM b’mitejn u tletin fil-mija għall- ġimgħa ta’ bejn it-12 u it-18 ta’ April, u b’erba’ mija u tmienja u ħamsin fil-mija għal-ġimgħa ta’ wara. Dan wassal biex ħażna li kienet ikkalkulata li kellha sservi għal madwar tlettax il-ġimgħa oħra, spiċċat biex ġiet mnaqqsa għal-madwar ħames ġimgħat. L-Enemalta ppruvat li tavvanza il-konsenja ġdida li kienet pprogrammat li tasal fit-tielet ġimgħa ta’ Mejju, pero minħabba raġunijiet loġistiċi dan ma setax isir. Għaldaqstant, minħabba li kien mistenni li l-attivitajiet ta’ l-AFM kellhom jiżdidu minħabba l-għassa għall-immagrazzjoni rregolari, kellha titieħed id-deċiżjoni sabiex il-provvista ta’ avgas fil-ħażna ta’ l-Enemalta tiġi riservata għall-bżonnijiet ta’ l-AFM biss. Fill-fatt sal-ġurnata tas-sbatax ta’ Mejju, meta sitwazzjoni reġgħet ġiet għan-normal, l-AFM qatt ma ġiet kostretta li tnaqqas l-attivitajiet tagħha minnħabba l-fjuwil.
Irid jingħad li dan it-tip ta’ fjuwil ma jistgħax jinħażen għal tul ta’ żmien għax jista’ faċilment jitlef il-kwalita’ tiegħu u b’hekk ma jkunx jista’ jibqa’ jiġi wżat aktar. Infatti l-istandards internazzjonli jitolbu li dan il-fjuwil jiġi iċċertifikat kull tlett xhur. Għaldaqstant ma huwiex rakkomandabbli li dan jinħażen fi kwantitajiet kbar sabiex jilqa għal sitwazzjonijiet simili għal dik deskritta hawn fuq. Irid jingħad ukoll li l-piloti ta’dawn it-tip ta’ ajruplani huma konxji miss-sitwazzjoni ta’ provvista ta’ dan il-fjuwil madwar id-dinja, fejn f’ħafna ajruporti internazzjonali dan it-tip ta’ fjuwil ma jeżistix, u għal daqstant dejjem jgħamlu l-indaġni tagħhom qabel ma jidħlu għal ċertu titjir.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk hemmx waiting list għal postijiet ta' jottijiet f'marinas f'Malta u Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm u kemm ilhom jistennew? Hemm intenzjoni li jsiru yachts marinas fil-ġejjin?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa mill-1993, l-Awtorita` Marittima bdiet żżomm waiting list għall-irmiġġi fil-marinas tagħha, ċioe l-Imsida, Ta’ Xbiex u l-Imġarr, Għawdex. Sal-lum, fuq din il-waiting list hemm 437 applikazzjoni għal irmiġġ ġewwa l-Imsida u Ta` Xbiex, u 111-il applikazzjoni għal irmiġġ ġewwa l-Imġarr. Dawn il-figuri ma jinkludux dettalji dwar applikazzjonijet għal irmiġġi f’marinas tal-privat.
Iva, hemm intenzjoni li jsiru yacht marinas fil-ġejjieni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand, xahar b'xahar, matul is-sena 2007 u ta' liema ditta kienu u ta' kemm iċ-ċilindraġġ? Kemm nġabru flus fl-istess perjodu bħal registration tax?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant li rigward importazzjoni ta' karozzi second hand, jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Ninsab infurmat li minn karozzi second hand matul is-sena 2007 inġabru €19, 226, 041 f'registration tax.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-ilma tax-xorb fin-Nadur Għawdex, qed ikun hemm fih konċentrazzjoni qawwija ta' chlorine jew sustanzi oħra? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-konċentrazzjonijiet humiex skond il-limiti approvati mill-EU u minn awtoritajiet kompetenti?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma żżomm kontroll tal-kwantita ta’ chlorine fl-ilma. Jirriżulta illi l-livell tal-chlorine fl-akwata tan-Nadur huwa miżmum bejn 0.3 u 0.4 mg/L. Dawn il-figuri huma aċċettabli skond il-WHO guidelines.
Minħabba diversi xogħolijiet ta’ bdil ta’ kanni tal-ilma fi triq il-knisja u triq Xandriku, kien hemm diversi għeluq u ftuħ tas-sistema. Għalhekk kien hemm diversi okkażjonijiet ta ilma bis-sadid. Saru diversi washouts sabiex dan l-inkonvinjent ikun minimu.
Jista' l-Ministru jagħti ordni biex tappiera tal-Maltacom li tinsab fil-post, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, tinbidel għal waħda tal-plastic għax din kif inhi qed tagħmel ħafna ħoss? Din it-talba ilha li saret xhur sħaħ mill-kunsill lokali iżda baqgħu bla risposta.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Maltacom kienet ġiet privatiżżata u m'hix taħt ir-responsabilita' tiegħi.