Legislature:
Category:
Reset
Active:

Country Report on Terrorism

Question

X'inhi r-reazzjoni uffiċjali tal-Gvern Malti dwar il-Country Report on Terrorism dwar Malta 2007 li d-Dipartiment ta' l-Istat Amerikan ippubblika dwar pajjiżna fuq il-website tiegħu, flimkien ma' dak ta' għadd kbir ta' pajjiżi oħra, speċjalment fir-rigward ta' dak li ntqal dwar ir-rabta li tista' teżisti llum jew 'l quddiem bejn terroriżmu u numru żgħir ta' immigranti irregolari fid-dawl tal-qagħda ġeografika ta' pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Ir-reazzjoni tal-Gvern hija li r-rapport msemmi huwa bilanċjat u fattwali u bir-raġun jenfasiżża l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi u l-isforzi li saru minn naħa ta' Malta f'dan il-qasam. Fir-rigward ta' xi rabta li jista' jkun hemm fil-futur bejn organiżżazzjonijiet terroristiċi u l-immigranti rregolari, l-awtoritajiet konċernati jibqgħu dejjem viġilanti għal tendenzi ġodda li jistgħu jinbtu minn żmien għal żmien.

Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Ħaddiema part-time

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm ħaddiema part-timers ingaġġati mad-dipartiment, entitajiet, azjendi parastatali, korporazzjonijiet u anke ministeri li kienu jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu sat-8 ta' Marzu, 2008 li lkoll kienu qegħdin jitħaddmu fuq bażi ta' ħaddiema part-time iżda li kienu reġistrati bħala self employed? Kif inhuwa mifhum li ġara saħansitra anke fl-ETC li suppost tirregola fost oħrajn il-qasam ta' l-impjiegi. Jista' jagħti l-istess informazzjoni mit-8 ta' Marzu, 2008 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kemm qabel kif ukoll wara t-8 ta' Marzu 2008, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin kellu disa' (9) persuni impjegati bħala self-employed. Fl-Ambaxxati Maltin hemm impjegati 11 -il persuna ingaġġati lokalment fuq bażi part-time.

Applikazzjoni għal sticker — Vjaġġar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il talba għandu l-Gvern għall-applikazzjoni ta' l-isticker għal persuni barranin residenti f"Malta u li għall-fini ta' l-ivjaġġar tagħhom fl-Unjoni Ewropea jeħtieġu dan il-permess għall-fatt li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex stati fl-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Nassumi li l-Onorevoli Interpellant meta jsemmi 'sticker' qed jirreferi għal 'Uniform Residence Permit' maħruġ mill-awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni f'Malta lil persuni minn pajjiżi terzi biex jirresjedu f'Malta. Ninsab infurmat li bħalissa d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-Expatriates qed jipproċessa madwar 3000 talba biex jinħareġ tali 'residence permit'. Inżid ngħid li meta ċittadin minn pajjiż terz jagħmel applikazzjoni għal dan il-permess, jingħata riċevuta li għandha finijiet ta' permess temporanju sakemm jinħareġ il-permess proprju. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll li persuni li jinħarġilhom 'Uniform Residence Permit' ikunu jistgħu jivvjaġġaw b'dan il-permess f'pajjiżi tax-Schengen mingħajr il-ħtieġa ta' visa.

Ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta sejra tiġi konkluża l-proċedura dwar iċ-ċittadinanza Maltija tal-persuna, li isimha qed jidher separatament, liema applikazzjoni ilha issa mid-9 ta' April 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li m'hemm ebda applikazzjoni pendenti għaċ-ċittadinanza Maltija dwar il-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant.

Affarijiet Barranin — Membri/Diretturi tal-Bord

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid mill-elezzjoni ġenerali 2008 'l hawn min huma l-membri/diretturi tal-bord/entitajiet kollha li nħatru taħt il-ministeru tiegħu? Kif saret l-għażla? Min minnhom huwa jew kien xi darba kandidat għal xi elezzjoni ġenerali? Min minnhom huwa jew kien xi darba kandidat għal elezzjoni ta' xi kunsill lokali? Min minnhom kien u fil-preżent huwa Membru Parlamentari u min minnhom huwa kunsillier?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Għaqda Mediterranja — Twaqqif

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti u x'sar, jekk saret xi ħaġa, fuq il-proposta tal-Gvern Franċiż dwar it-twaqqif ta' Għaqda Mediterranja?

Response (BORG, TONIO)

Fl-isfond tal-pożizzjoni ġeo-strateġika u l-vokazzjoni naturali tagħha fir-reġjun Mediterranju, Malta - sa mill-ewwel proposti ta' l-inizjattiva Franċiża - fittxet li tagħti l-appoġġ kollu meħtieġ. F'dan ir-rigward, ġew mgħarrfa l-oqsma konċernati li Malta lesta li tospita s-segretarjat ta' din l-Unjoni, kemm-il darba jkun hemm il-bżonn li Malta toffri s-servizzi tagħha. Il-Gvern jinsab impenjat ukoll li jfittex parteċipazzjoni xierqa fi proġetti immirati lejn it-tisħiħ tal-koperazzjoni fir-reġjun.

Missjonijiet diplomatiċi

Question

Jista' l-Viċi Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin jgħid fhiex waslu l-pjani tal-Gvern li jiftaħ missjonijiet diplomatiċi f'Tel Aviv u Ramallah? Huwa minnu li fil-każ ta' l-aħħar jista' jkun hemm facility sharing ma' gvernijiet oħrajn ta' l-UE? Jekk iva, ma' liema pajjiżi mistenni jsir dan?

Response (BORG, TONIO)

Tħejjijiet għall-ftuħ taż-żewġ missjonijiet diplomatiċi msemmija għadu għaddej. Il-ħsieb tal-Gvern huwa li dawn iż-żewġ missjonijiet jibdew joperaw mill-aktar fis possibbli. Iva. Hemm il-ħsieb li jkun hemm "facility sharing" u ser isiru taħdidiet f'dan is-sens mal-Gvern Ċiprijott.

Approvazzjoni ta' ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġew approvati/mogħtija ċittadinanza Maltija matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Liema ċittadinanza irrinunzjaw? Kemm minnhom kienu ġuvintur u xebbiet u kemm minnhom kienu miżżewġa?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f'xi seduta oħra.