Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema huma l-proġetti li huma maħsuba li jinbeda x-xogħol fuqhom matul din is-sena ġewwa Għawdex u Kemmuna u jekk hux ser jiġu użati fondi Ewropej biex isiru? Jista’ jgħid ukoll liema minn dawn il-proġetti ser jitlestew kompletament sal-aħħar ta’ din is-sena u kemm ser jintużaw fondi Ewropej u fondi Maltin għal kull proġett?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitloib lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Uffiċjali pubbliċi – Policy dwar attivitajiet politiċi
Question
Jista’ l-Prim Ministru jiċċara x’inhi l-policy dwar uffiċjali pubbliċi li jkunu jixtiequ jieħdu sehem f’attività politika; sehem attiv fi strutturi ta’ partiti politiċi jew iridu jieħdu sehem f’dibattiti politiċi anke fuq il-midja? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma r-restrizzjonijiet?
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklami fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fl-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-2024? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ippjanat li jintefqu flus f’reklami fl-2025, maqsuma entità b’entità?
Uffiċċju tal-Prim Ministru - Gazzetta tal-Gvern — Avviżi pendenti
Question
Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Prim Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?
Response (ABELA, ROBERT)
L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26776 u jgħid liema huma l-proġetti li tlestew kompletament permezz ta’ Fondi Ewropej matul is-sena 2024 u l-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm intużaw Fondi Ewropej u Fondi Maltin għal kull proġett?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala kjarifika, l-mistoqsija kif ġiet sottomessa ma tirriflettix b'mod preċiż kif jaħdmu l-fondi tal-Unjoni Ewropea.
Madankollu, sabiex tingħata risposta bl-iktar mod komprensiv possibbli, qed tiġi ppreżentata lista ta’proġetti li tlestew kompletament (min-naħa amministrattiva u finanzjarja) fis-snin 2024 u 2025.Din qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba kien barra l-pajjiż u meta, kemm fuq żjarat uffiċjali kif ukoll fuq żjarat personali, u f'kull istanza min assuma r-responsabbiltà ta' Prim Ministru fl-assenza tiegħu, minn Frar 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ABELA, ROBERT)
Bejn Jannar 2020 u Marzu 2025, il-Prim Ministru siefer barra mill-pajjiż 79 darba. Erba’ minn dawn is-safriet biss kienu għal skop mhux uffiċjali. Id-Deputat Prim Ministru jassumi r-responsabbiltà ta’ Prim Ministru fl-assenza tiegħu u sakemm dan ma jkunx imsiefer huwa wkoll.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk waqt vjaġġi uffiċjali barra l-pajjiż qattx kien akkumpanjat minn familjari tiegħu jew ta’ xi membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid:
(a) F'liema vjaġġi l-Prim Ministru u/jew il-kontinġent tiegħu kienu akkumpanjati minn familjari tagħhom?
(b) Min kienu dawn il-familjari għal kull vjaġġ?
(ċ) Kemm sewa kull vjaġġ f'termini ta' fondi pubbliċi għall-biljett tal-ajru, akkomodazzjoni, trasport, ikel, xorb u spejjeż oħra, separatament, għal kull membru tal-kontinġent f'kull vjaġġ li fih kien hemm ukoll membru/i tal-familja tal-Prim Ministru u/jew tal-kontinġent uffiċjali tiegħu?
(d) Jekk l-ispejjeż ta' kull membru tal-familja tal-Prim Ministru u/jew tal-membru tal-kontinġent uffiċjali tiegħu tħallsux minn fondi pubbliċi jew minn fondi personali, u jekk dawn tħallsu minn fondi personali jippreżenta l-irċevuti uffiċjali ta' dawn l-ispejjeż?
Response (ABELA, ROBERT)
Infakkar fl-ewwel lok lill-Onor. Interpellant li sal-lum għadu ma rrifondiex il-mijiet ta’ eluf ta’ Ewro li abbużivament u illegalment ħataf mit-taxxi tal-ħaddiema onesti Maltin u Għawdxin, konsistenti f’salarji għal xogħol fantażma li ma ħadimx, meta għal snin twal m’attendiex fuq il-post tax-xogħol u baqa jitħallas u jieħu l-fuel għall-użu personali tiegħu minn fondi pubbliċi.
Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi għal dak li jirrigwarda vjaġġi uffiċjali, dawn dejjem kienu in konformità mal-Manwal ta' Proċedura tal-Kabinett, li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24882, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-"Manual on Work-Life Balance Measures" minn dak li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fl-istess tweġiba? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja aġġornata fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid x'kien it-tibdil li sar?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li apparti l-verżjoni tal-1 ta’ Jannar 2025, il-‘Manual on Work-Life Balance Measures’ ġie aġġornat darba fil-25 ta’ Frar 2025. L-aġġornament li sar kien fit-Taqsima ‘General Conditions’ fejn permezz ta’ din l-emenda impjegati pubbliċi jistgħu jibbenefikaw minn Parental Leave, Career Break jew Responsibility Leave anke jekk ikunu laħqu l-massimu ta’ tmien (8) snin leave mingħajr ħlas li hemm skont il-kundizzjonijiet preżenti. Kopja ta dan qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-energy management methodology li tiġi osservata f’binjiet pubbliċi?
Response (ABELA, ROBERT)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għaċ-ċirkulari maħruġa fid-19 ta’Lulju 2024 fejn ġew stabbiliti numru ta’ miżuri sabiex iservu bħala linja gwida dwar l-użu effiċjenti tal-enerġija f’binjiet pubbliċi kif ukoll għat tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22256 fejn ġew elenkati numru ta’ inizjattivi ewlenin li l-Gvern qiegħed jieħu f’dan ir rigward..Qed inpoġġi l-imsemmija ċirkulari fuq il-Mejda tal-Kamra.
Traffikar ta' Bnedmin — Restituzzjoni u Kumpens lill-vittmi
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21055 li saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol u l-mistoqsija parlamentari 22349 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u issa ġew riferuti lilu u ċjoè: F’Lulju 2024, waqt it-tnedija tal-istrateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin, il-Gvern ħabbar li “fl-aħħar ħames snin, ġew identifikati mal-50 vittma ta’ traffikar uman f’pajjiżna”. Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-vittmi ngħataw restituzzjoni u kumpens mill-Gvern? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-ammont tar-restituzzjoni u kemm kien il-kumpens f’kull każ?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Strateġija Nazzjonali kontra t-Traffikar tal-Bnedmin 2024-2030
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22254 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, u l-mistoqsija parlamentari 21050 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa ġew riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li f’Lulju 2024, il-Gvern ħabbar strateġija nazzjonali kontra t-traffikar tal-bnedmin 2024-2030, kofinanzjata minn fondi Ewropej, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm flus allokati għal din l-istrateġija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kif se jintefqu l-flus skont il-ħames prioritajiet li hija mibnija fuqhom din l-istrateġija?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li kif indikat fid-dokument tal-Istrateġija u l-Pjan ta’ Azzjoni, il-Ministeri mmarkati bħala ‘Lead’ huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-miżuri rispettivi kif elenkati b’mod ċar fil-pjan ta’ azzjoni. Il pjan ta’ azzjoni jservi bħala mezz sabiex id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem jkun jista’ jsegwi l-progress tal-implimentazzjoni tal-miżuri msemmija, kif ukoll jiżgura li r-riżultati mistennija jiġu milħuqa.
Id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem, li qed jikkordina din il-ħidma, għamel użu ta’ fondi Ewropej għat-tfassil tal-istrateġija u l-implimentazzjoni inizjali tal-Pjan ta’ Azzjoni, liema baġit kien jammonta għal €400,000. Il-baġit għas-sena 2024 kien ta’ €170,000, filwaqt li għal 2025 huwa ta’ €210,000. Id-Direttorat, flimkien ma’ msieħba oħra, qed jaħdmu sabiex jintużaw ukoll fondi Ewropej kif hemm indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fir-rigward ta’ kull entità pubblika, (irrespettivament tal-mod kif deskritta) li taqa’ taħt id-dekastru tiegħu:
i. kemm hemm avukati full-time u/jew part-time impjegati mal-entità konċernata u f’kull każ x’inhu l-grad tagħhom; u
ii. kemm attwalment hemm avukati jew ditti ta’ avukati mhux impjegati li qegħdin fuq bażi ta’ retainer?
Ħaddiema temporanji — Pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol
Question
Jista' l-Prim Minsitru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26633 u 26859 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26456, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hux il-ħaddiema temporanji kollha mal-Gvern, qed jingħataw l-istess pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluż opportunitajiet ta’ vakanza tal-impjieg bħall-ħaddiema li qed jaħdmu fl-istess xogħol jew simili?
Response (ABELA, ROBERT)
Il-ħaddiema temporanji ta’ aġenziji tal-impjiegi huma koperti mid-Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenziji. L-impenn tal-Gvern ċar anke bl-introduzzjoni tal-Avviż Legali 128 tal-2024 fuq l-Equal Pay for Work of Equal Value li llum ġiet estiża wkoll għas-settur privat.
DIER — Ilmenti minn ħaddiema f’Aġenziji tal-Impjiegi
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 26860 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26634, jista’ l-Prim Ministru jagħti n-numru ta’ ilmenti ppreżentati lid-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) minn ħaddiema fl-aġenziji tal-impjiegi fis-settur pubbliku u ċivili, kif ukoll il-post fejn saru?
Response (ABELA, ROBERT)
Id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg, permezz tas-sezzjoni tal-Customer Support, jirċievi diversi mistoqsijiet mill-pubbliku dwar drittijiet u kundizzjonijiet tax-xogħol fuq il-Freephones, tant li matul is-sena 2024 daħlet 'il fuq minn 25,000 telefonata; possibbilment wkoll dwar is-suġġett in kwistjoni. Madankollu, ma tinżammx data dwar il-provenjenza ta’ min ikun qed jagħmel il-mistoqsijiet u minn fejn.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm hemm Principals u kemm hemm jaħdmu f’kull Ministeru? Meta se jiġu msejħa għal 'colloquium' u min ser ikun qiegħed jintervista lil dawn il-Principals? Jista’ jgħid ukoll kemm-il Principal irid jintgħażel biex isir Senior Principal u x’inhuma l-kriterji tal-assessjar li fuqhom se jkunu assessjati l-kandidati?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li b' kollox hemm 546 Principals mal-Gvern f’ Ministeri differenti.
Il-grad ta’ Senior Principal regolat bil-ftehim settorjali tal-‘General Service Grades’ ma jimtelix b’ colloquiums iżda b’sejħa t’ applikazzjoni li għaliha jkunu eliġibbli dawk li jkunu fil-grad ta’ Principal fi skala mhux anqas minn skala 9. Tali sejħa toħroġ ċentralment meta jkun hemm il-ħtieġa.
Uffiċċju tal-Prim Ministru – Direct orders ta' inqas minn €5,000
Question
Jista’ l-Prim Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2025?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26121 u 26628 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u lill-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni rispettivament u jgħid għalfejn persuna li għandha ċertifikat ta' koabitazzjoni mhix inkluża fil-lista tal-artiklu 4(1)(g) tal-Kapitlu 217 tal-Liġijiet ta' Malta?
Response (ABELA, ROBERT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.