Legislature:
Category:
Reset
Active:

Diabetic Monitors

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Diabetic Monitors tad-Dexcom CGM jiġu mifruxa fuq iżjed faxxi ta' dijabetiċi bħad-Diabetic type 2?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li ġie introdott is-servizz ta’ continuous glucose monitoring bħala proġett pilota u wara li dan ġie iggudikat li kien suċċess, il-gvern qiegħed jara kif dan jista’ jiġi estiż ‘il quddiem.

Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fl-2017 intefqu € 15,983.69 għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew minn entiajiet/dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu, fl-2018 €31,219.85, fl-2019 € 130,900.57, fl-2020 €162,913.60 u minn Jannar sa Ġunju ta’ din is-sena €109,167.70. Dawn ir-reklami kienu parti minn diversi kampanji ta’ għarfien u informazzjoni fostom Anti Smoking Campaign, Healthy Children Campaign, Obesity, Sexual Health Campaign, Movember, u dwar il- vaċċin tal-Covid.

Victoria Għawdex – bini ta’ Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'xogħlijiet għaddejjin bħalissa fil-bini ta’ Ċentru tas-Saħħa ġdid ta' Victoria, Għawdex u meta hemm l-ħsieb illi dan iċ-ċentru jibda' jintuża mill-pubbliku.

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21668.

Ċentru Ċiviku tal-Mosta – żebgħa lill-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex bħala Ministeru jara li d-dipartiment kkonċernat iwettaq il-ħidma meħtieġa sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa fiċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta biex tingħata ż-żebgħa lill-faċċata tal-istess ċentru ċiviku fuq barra, u fis-sulari li huma wżati mill-istess dipartiment tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-manutenzjoni taċ-ċentru msemmi minnu ma jagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.

Ikliet barra mid-djar – ċertifikat tat-tilqim jew PCR test

Question

B’referenza għar-regoli dwar ikliet barra mid-djar, ninnota li jekk persuna tmur tiekol f’restaurant ma hemmx ħtieġa taċ-ċertifikat tat-tilqim jew PCR test, filwaqt li ikla organizzata minn NGOs, eż każini, bħala fund raising għall-festa hemm ħtieġa ta’ ċertifikat tat-tilqim jew PCR test. Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru jgħid x’inhi r-raġuni tad-diskrepanza?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tneħħija gradwali tal-miżuri ilha għaddejja minn April ta’ din is-sena, b’attivitajiet permessi skont l-iStandards, fejn il-miżuri ta ’mitigazzjoni ppermettew li l-postijiet u s-servizzi jerġgħu jinfetħu u tali attivitajiet iseħħu. Il-miżuri dejjem jiġu rilaxxati b'attenzjoni speċjalment fejn in-nies jiltaqgħu f'numri akbar bħal pereżempju f’attivitajiet imsemmijin minnu stess. Għalhekk sabiex ikunu possibbli avvenimenti aktar sikuri, dan ġie ristrett għal persuni kompletament imlaqqma f'ambjent ikkontrollat.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – twelid ta’ trabi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il twelid kien hemm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex kull sena mis-sena 2016 sas-sena 2021? Jista’ jgħid minn dawn it-twelid kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li t-tnejn kienu ċittadini Maltin? Kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li huma t-tnejn ta’ ċittadinanza barranija u kemm minnhom kienu ta’ ġenituri li wieħed jew waħda huma ċittadini Maltin u l-ġenitur l-ieħor huwa ċittadin barrani?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perjodu bejn Jannar 2016 u l-aħħar ta’ Diċembru 2020 ġew irreġistrati li twieldu 1,468 tarbija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Fl-2016 twieldu 314 tarbija, fl-2017 242, fl-2018 279, fl-2019 303 filwaqt li fl-2020 330. In-nazzjonalita’ ta’ kemm l-omm u l-missier bdiet tiġi rreġistrata fis-Sistema NOIS (Is-sistema Nazzjonali ta’ Informazzjoni dwar l-Obstetrija) fis-sena 2018. It-tabella t’hawn taħt turi d-dettali tan-nazzjonalita’ tal-ġenituri ta’ dawn it-trabi ġodda li twieldu fl-isptar Ġenerali t’Għawdex. Numru ta’ twelid fl-isptar Ġenerali t’Għawdex 2018 2019 2020 Ġenituri li t-tnejn kellhom nazzjonalita’ Maltija. 237 258 256 Ġenituri li huma t-tnejn ta’ nazzjonalita’ barranija. 18 26 36 Ġenituri li wieħed jew waħda huma ta’ nazzjonalita’ Maltija u l-ġenitur l-ieħor huwa ta’ nazzjonalita’ barranija. 20 15 32 Twelid fejn in-nazzjonalita’ tal-ġenitur ma ġietx irraportata 4 4 6

Servizz ta’ Family Therapy fil-qasam tas-saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-qasam tas-saħħa mentali hemmx is-servizz importanti tal-Family Therapy biex jiġu megħjuna persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u l-membri kollha tal-familja?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi interventi ta' Family Therapy jiġu offruti fi ħdan id-Dipartiment tal-Psikloġija fil-qasam tas-Saħħa Mentali lill-familji li jiġu referuti għal dan is-servizz.

Psychiatric Outpatients ġewwa l-kliniċi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm hemm psychiatric outpatients f’kull klinika imsemmija fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 26865 u li qed jgħixu d-dar waħedhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hafna drabi pazjenti li jgħixu waħedhom jiġu rreferuti f’Outreach Teams biex b’hekk ikunu segwiti iktar fil- kura tagħhom.

Ħlas lill-GPs meta jinvistaw pazjenti fil-komunità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm huwa n-numru ta’ tobba tal-familja li qed jinvistaw pazjenti b’nuqqas ta’ saħħa mentali skont l-iskema diskussa u kemm qegħdin jitħallsu għal dan is-servizz mill-Ministeru?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi din l-iskema qed tiġi riveduta fid-dawl ta’ servizzi ġodda fil-komunita’ u li se jitħabbru dalwaqt.

Servizz tas-CGMS

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21680, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti time-frame ta’ meta se titlesta l-evalwazzjoni biex tittieħed deċiżjoni daqshekk importanti fuq l-użu tas-CGMs għall-persuni kollha li huma insulin dependent?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-proċess huwa wieħed kompetittiv u għalhekk jimxi skont ir-regoli u l-proċess tal-public procurement.

Introduzzjoni ta’ krematorju f’Malta

Question

Minħabba li l-Abbozz 82 fuq l-introduzzjoni ta’ krematorju f’pajjiżna ġie diskuss f'April u Mejju 2019 u sar liġi fid-29 ta' Mejju 2019, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fiex wasal il-pjan għall-introduzzjoni ta’ krematorju u servizzi anċillari f’Malta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li titlesta, fix-xhur li ġejjin l-estenzjoni taċ-ċimiterju tal-Addolorata, il-gvern bi ħsiebu jvara l-proġett tal-krematorju.

Suwiċidji

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm suwiċidji f’pajjiżna maqsuma sena b’sena mill-2015 sal-2021?? Kemm minnhom kienu nisa u kemm irġiel?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont ir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet, in-numru ta' persuni residenti f’Malta u Għawdex li mietu b’suwiċidju mill-2015 sal-2020 skont is-sess tal-persuna huwa skont it-tabella t’hawn taħt. Sena Irġiel Nisa Total 2015 27 7 34 2016 19 5 24 2017 20 5 25 2018 20 2 22 2019 22 1 23 2020 14 9 23

Importazzoni ta’ Cannabidiol

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 21844, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jinforma lill-Kamra jekk humiex ser jitressqu emendi għall-Att dwar id-Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija) u meta dawn l-emendi sejrin jitressqu, sabiex il-liġi Maltija tiġi f’konformità mal-pożizzjoni li ħadet il-Kummissjoni Ewropea fejn f’Diċembru 2020 ħabbret li l-Cannabidiol la huwa sustanza narkotika u l-anqas droga fit-tifsira tal-Konvenzjoni Unika tan-Nazzjonijiet Uniti dwar Drogi Narkotiċi tal-1961, iżda għandu jitqies bħala ikel, dan f’konformità mad-Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tad-19 ta’ Novembru 2020 fil-każ C-663/18?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-liġi tal-Unjoni Ewropeja ma timponi l-ebda obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jippermettu importazzjonijiet ta’ sustanzi derivati mill-pjanta cannabis, bħal ma huwa l-Cannabidiol. Dan jibqa’ strettament fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri, hekk kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-663/18 B S & C A.

Ministeru għas-Saħħa — konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni - nefqa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm intefqu flus mill-Ministeru tiegħu u kull entità u dipartiment li jaqa’ taħtu, għal konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni, minn Marzu 2013 sal-jum li fih din l-interpellanza tkun imwieġba, maqsuma sena b’sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 12713 u in¿id illi fl-2020 kien hemm €4,000 li ntefqu f’servizzi ta’ konsulenza fuq public relations jew komunikazzjoni mill-Ministeru għas-Saħħa u l-entitajiet/ dipartimenti li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu.

Ir-Rabat Għawdex – proġett ta’ Polyclinic ġdid

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jaġġorna lill-Kamra dwar il-proġett ta' Polyclinic ġdida ġewwa r-Rabat Għawdex? Jista’ jgħid x'sar f’dawn l-aħħar xhur, x'qed issir bħalissa u x'fadal issir u meta hu ppjanat li tinfetaħ għal pubbliku?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li x-xogħol fl-istruttura esterna kif ukoll interna tal-binja tal-imsemmi ċentru tas-saħħa huwa lest, preżentament bdew isiru l-istallazzjonijiet tas-servizzi mekkaniċi u elettriċi u xogħlijiet ta’ finishings neċessarji ta’ din il-binja.

Persuni li jbatu mill-obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien hemm persuni li daħlu l-isptar minħabba l-problema tal-obeżità f’dawn l-aħħar tliet snin? Kemm kien hemm persuni li mietu kawża tal-obeżità f’dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl- 2018 kien hemm 62 persuna li daħlet l-isptar minħabba l-problema tal-obeżità, fl-2019 57 u fl-2020 31. Skont l-istimi li nħadmu mill-IHME (Institute for Health Metrics and Evaluation GBD Results Tool | GHDx (healthdata.org)) kien hemm 369 mwiet li jistgħu jiġu attribwiti għall-obe¿ità f’Malta fl-2019. Din il-figura, ras għal ras, hija inqas mill-medja Ewropea.

Abbużi fiżiċi u sesswali fuq it-tfal

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jindika kemm kien in-numru ta’ tfal taħt it-18-il sena li ddaħħlu fid-Dipartiment tal-Emerġenza jew f’xi Ċentru tas-Saħħa jsofru minn ġrieħi kkawżati minn abbuż fiżiku jew sesswali matul dawn l-aħħar tliet snin u sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2018 kien hemm 51 każ ta’ Non Accidental Injury u li dawn il-każijiet ġew referuti lill-Awtorijiet kkonċernati għal aktar investigazzjoni.

Aġenzija li toffri servizzi professjonali għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux sejra titwaqqaf aġenzija (simili ta’ Aġenzija Sapport) biex toffri servizzi professjonali għall-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u għal min jieħu ħsiebhom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi peress li s-servizzi msemmija minnu qed jiġu offruti mis-Servizzi tas-Saħħa Mentali fi ħdan il-Ministeru tas-Saħħa, m’ hemmx il-ħsieb li titwaqqaf xi tip ta’ aġenzija.

EHIC – assistenza medika relatata mal-Covid-19

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk l-insurance Ewropea l-European Health Insurance Card (EHIC) tkoprix assistenza medika relatata mal-COVID-19?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-European Health Insurance Card (EHIC) tkopri kura tas-saħħa neċessarja u mhux ippjanata u kura f’ każ ta' emerġenza waqt żjara temporanja f’ pajjiż tal-Unjoni Ewropeja. Għalhekk l-EHIC tkopri ukoll assistenza medika relatata mal-COVID-19.

Continuous Blood Glucose Monitors

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hux se jkompli jagħti l-continuous blood glucose monitors? Jekk iva meta u lil min?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern huwa kommess li jkompli bil-proġett attwali għad-dijabetiċi tat-tip 1 u li għandhom inqas minn 16-il sena.