Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — remunerazzjonijiet ta' chairpersons

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu remunerazzjonijiet ta' chairpersons u membri ta' bordijiet f'din l-aħħar sena (mil-2011 sal-lum) kull bord separatament u jgħid min huma dawn iċ-chairpersons u membri?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz ta' home help

Question

Jista' l-Ministru jara li każ ta' anzjan li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li għandu s-servizz ta il-home help u kemm-il darba għamel t-talba biex jiżdiedu s-sigħat mogħtija lilu? Jista' jara l-każ fuq it-talbiet li saru peress li kull darba jħallas €30 bix jagħmlu ċertifikat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-aħħar talba minn għand l-anzjani li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant biex jiżdiedu s-siegħat tas-servizz ta' għajnuna fid-dar saret fis-7 ta' Jannar 2010. Dak inhar il-Bord tal-Allokazzjoni ma approvax din iż-żieda għax fil-familja kien għad hemm membri li joqgħodu fl-istess dar u li setgħu jgħatu daqqa t' id fil-bżonnijiet ta' kuljum. Madanakollu, l-anzjani għandhom kull dritt li jerġgħu japplikaw għal żieda fil-ħin tas-servizz u l-Bord ta' allokazzjoni jikkunsidra din it-talba fiċ-ċirkustanzi preżenti.

appliazzjoni bejn anzjan jidħol f'residenza

Question

Jista' l-Ministru jara fejn wasal il-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jixtieq jara fejn waslet l-applikazzjoni tiegħu biex jidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-imsemmija applikazzjoni ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni. B’hekk din l-applikazzjoni ġiet imqiegħedha fil-lista ta’ stennija ta’ prijorità Għolja ta’ San Vinċenz de Paul.

applikazzjoni għar-residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li applikat biex tidħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul imma s'issa għadhom ma bagħtux għaliha?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-anzjana msemmija ġiet approvata mill-Bord tal-Ammissjoni għal Dar tal-Anzjani tal-Gvern. B’hekk l-applikazzjoni ġiet imqiegħeda fil-lista għad-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — car allowances

Question

Fid-dawl tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jista' l-Ministru jikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li jikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandu karozza leased mill-Ministeru tiegħu jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tiegħu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010, il-car allowance ġie ddikjarat bħala dħul, li jammonta għal €7,000.00. Nikkonferma li ma hemm l-ebda karozza leased mill-Ministeru jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispożizzjoni privata tiegħi.

Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — Xogħlijiet lill-Kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2004 sal-lum kemm ingħataw xogħlijiet lill-kumpaniji li isimhom qed jintbgħat separatament? Jista’ jagħti d-data u l-ammonti u jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet ingħatawx b’tender jew direct order ?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità qatt ma uża is-servizzi tal-kumpaniji li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant.

Meter Display u Blood Glucose Test Strips

Question

Peress li fl-aħħar diskors tal-budget tal-Ministru ġie mħabbar li se jerġgħu jibdew jingħataw meter display u blood glucose test strips lill-persuni kollha li għandhom id-dijabete li għandhom 'l fuq minn 36 sena u dan sabiex jiġu evitati kumplikazzjonijiet minħabba din il-marda, jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew jingħataw dawn it-test strips u l-meter display lil dawn il-persuni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-‘meter display’ u l-‘blood glucose sticks’ ser jibdew jingħataw lill-pazjenti dijabetiċi tat-Tip I mingħajr limitu fuq l-eta’ mis-27 ta’ Marzu 2012. Din ser issir bħala parti mir-riforma li fiha d-dijabete hija waħda mill-kundizzjonijiet li ser tiżdied fil-lista ġdida ta’ kundizzjonijiet kroniċi ta’ Skeda V.

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi — karozza mħallsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li huma impjegati mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi? Jista' jgħid kemm minnhom għandhom karozza mħallsa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi u kemm hemm karozzi għall-użu tal-istess fondazzjoni? Kemm kienet l-ispiża fis-sena 2010 u 2011 għal dawn il-karozzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għandha fuq il-kotba tagħha 363 impjegat. Dawn huma mqassmin madwar numru ta’ entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita’. Persuni fil-gradi ta’ senior management jingħataw jew użu ta’ karozza, jew transport allowance. Dawn skont il-proviżjonijiet tal-kuntratt tax-xogħol tagħhom mal-Fondazzjoni.

Vastarel mhux mogħtija mill-isptar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex pazjenti fl-Isptar Mater Dei qed jintalbu biex jieħdu magħhom il-pilloli Vastarel?

Response (CASSAR, JOSEPH)

M’hix il-prassi tad-Dipartiment li pazjenti rikoverati l-isptar jintalbu jġibu magħhom pilloli li jingħataw b’xejn bħalma huma l-pilloli Trimetazidine (Vastarel).

Breast Screening Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Breast Screening Programme se jkun miftuħ għan-nisa kollha? Jista' jgħid hux matul din is-sena kif ġie imwiegħed? Jekk le għaliex u allura għal min hu aċċessibbli?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Programm Nazzjonali għall-Breast Screening hu bbażat fuq il-Linji Gwida Ewropej dwar l-iScreening ghall-Kanċer tas-Sider. Dawn ma jirrakkomandawx screening lin-nisa’ kollha ta’ kull eta.’ L-eta’ rakkomandata għal screening b’mammografija hi dik bejn il-50 u d-69 sena. Screening ta’ nisa’ ta’ taħt is-47 sena mhuwiex ikkunsidrat effiċjenti u allura lanqas hu rakkomandat. Bħalissa l-Programm joffri screening lin-nisa’ kollha ta’ bejn il-50 u s-60 sena. Din is-sena għandu jitlesta l-ewwel ċiklu fuq bażi ta’ tliet snin (2010-2012) li qed jistieden nisa’ li twieldu bejn l-1950 u l-1960. Il-Pjan Nazzjonali dwar il-Kanċer 2011-2015 jgħid li fi tmiem l-ewwel ċiklu għandu jsir eżerċizzju ta’evalwazzjoni tal-programm. Wara dan l-eżerċizzju l-etajiet ta’ nisa’ li jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-programm jistgħu jiżdiedu.

talba għal home tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li talbet transfer mid-dar għal xi home jew day centre , minħabba mard?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qed jirreferi għalilha l-Onor. Interpellant għamlet it-talba tagħha fil-25 ta’ Jannar 2012 fejn id-Dipartiment offrilha l-possibilita li taħdem b’siegħat mnaqqsa minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Bħalissa m’hemmx postijiet vakanti fid-Day Centres fl-area fejn toqgħod din il-persuna. Peress li hija ma tiflaħx, din il-persuna għandha l-possibilta li tapplika għall-proċeduri sabiex tidher quddiem Bord Mediku.

talba għal sussidju tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jara jekk l-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għandux id-dritt li jieħu sussidju tal-mard u dak supplimentari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

MCAST — Mechanical  Engineering Institute - spezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga jekk kienx hemm inspection ta’ Block I tal-Mechanical Engineering Institute fl-MCAST il-Kordin? Meta saret din l-ispezzjoni u kienx hemm xi rapport dwar dan?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li Uffiċjali tal-Awtorita’ għas-Saħħa u Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) żaru l-MCAST Kordin fit-8 t’ Awissu wara lment anonimu li rċeviet l-Awtorita’ dwar perikli li allegatament kien hemm għall-istudenti. Barra l-miżuri li kienu diġa ttieħdu biex jissegregaw ix-xogħol ta’ demolizzjoni mill-istudenti u terzi, u li l-Uffiċjali ddeterminaw li kienu adekwati peress li kienu jikkonsistu f’ħajt ta’ sebgħa filati, l-istess Uffiċjali taw struzzjonijiet biex jittieħdu iktar miżuri f’dak li għandhom x’jaqsmu d-dħul fis-sit, u l-ħruġ minnu. Saret laqgħa mad-direzzjoni tal-iskola, u dan biex ikunu spjegati l-obbligi tal-klient waqt proġetti ta’ kostruzzjoni, inkluż l-appuntar ta’ supervisor tal-proġett. Saret spezzjoni għal skop ta’ follow-up fl-10 t’Awissu, u ma ġew innotati l-ebda irregolaritajiet.

serq minn numru ta' djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32418 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 32225, jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mis-sena 2008 'l hawn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Sptar San Luqa — Helipad

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li l-helipad li kien hemm fl-Isptar San Luqa, ġiex żarmat? Jekk iva, jista' jagħti lista tal-affarijiet u l-faċilitajiet, anke dawk li jintużaw għas-sigurtà li żżarmaw minn dan il-helipad? Jista' jgħid mil-liema entità ġie żarmat, jekk hux id-Dipartiment tas-Saħħa jew il-Malta Enterprise jew xi entità oħra? Jista' jgħid jekk hemmx pjanijiet li dan il-helipad jerġa' jintuża flok dak li hemm fl-Isptar Mater Dei, minħabba l-bini taċ-Ċentru tal-Onkoloġija? Jekk iva, dan ifisser li l-helipad ta' l-Isptar San Luqa se jerġa' jiġi armat? Jekk iva, x'se tkun l-ispiża biex dan jerga' jintrama? Jekk il-helipad tal-Isptar San Luqa se jerġa' jintuża, jista' jghid jekk il-Malta Enterprise għandhiex aċċess għal din l-area u jekk iva min se jkun responsabbli għas-sigurtà tal-helipad? F'każ li l-helipad tal-Isptar San Luqa se jerġa' jintuża, x'se jiġri mill-parking area li hemm madwaru u li qed tintuża mill-Malta Enterprise? Din se tibqa' hemm?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli nterpellanta għar-risposta tiegħi għad-Domanda Parlamentari 32938 fejn diġa spjegajt l-arranġamenti li qegħdin isiru sabiex il-helipad li tinsab ġewwa l-bini tal-ex Sptar San Luqa terġa tiġi reinstated minħabba li fil-madwar tal-Isptar Mater Dei qegħdin isiru numru ta’ proġetti nazzjonali fosthom dak taċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija; kif ukoll dak tal-Life Sciences Park. Tajjeb li nerġa nfakkar li l- helipad ġewwa l-Isptar San Luqa ser tkun qed tintuża b’mod temporanju sakemm il- helipad il-ġdida ġewwa l-Isptar Mater Dei tkun lesta. Kif kelli l-okkażjoni li ntenni f’diversi okkażżjonijiet oħra, nerġa nfakkar li ser tinbena helipad ġdida fuq Block D1 fl-Isptar Mater Dei - u dan minħabba l-proġetti hawn fuq imsemmija; u minħabba bini għoli ieħor li jinsab fil-viċinanzi tal-Isptar Mater Dei. It- tender għall-proġett tal-bini tal- helipad il-ġdida ġewwa l-Isptar Mater Dei jinsab fi stadju avvanzat ta’ aġġudikazzjoni. Il- helipad ġewwa l-bini tal-ex-Sptar San Luqa ma ġietx żarmata. Il- helipad innifisha hija fi stat tajjeb ħafna u kull ma hemm bżonn huwa li terġa tinżebaħ bil- markings oriġinali tagħha. Li ġiet imneħħija hija kamra żgħira li ġewwa fiha kien hemm cables tal-elettriku u switches tad-dwal. Ġewwa din il-kamra kien jinżamm ukoll apparat ta’ kominikazzjoni; u apparat użat għat-tifi tan-nar. Din il-kamra ma ġietx imneħħija mid-Dipartiment tas-Saħħa. Mhux ser tinbena kamra oħra sabiex tkun tista tintuża l- helipad b’ mod temporanju iżda ser tintuża mobile cabin apposta. L-ispiża sabiex tiġi reinstated il- helipad ġewwa l-bini tal-Isptar San Luqa mhux mistennija tkun aktar minn €4,500. Nassigura lill-Onorevoli nterpellanta li minħabba n-natura stess tal-użu tal- helipad din tal-aħħar trid tkun bilfors mgħammra b’mod xieraq. Huwa flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta li ttieħdet id-deċiżjoni li terġa tintuża l- helipad ġewwa l-bini tal-Isptar San Luqa. Kull arranġament, għalhekk, qed isir flimkien mal-Forzi Armati ta’ Malta; u ser jitħaddmu proċeduri sabiex l-aċċess għall- helipad jingħata li min huwa awtoriżżat; b’ mod kontrollat; u f’ kull ħin tal-ġurnata.

Djar tal-Anzjani — serq fuq l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' serq mid-Djar tal-Anzjani matul il-perjodu 2008 sa' Frar 2012, xahar b'xahar u home b'home? Kemm kien hemm anzjani effettwati? X'investigazzjonijiet saru dwar ir-rapporti ta' serq? X'riżultati inkisbu mill-investigazzjonijiet li saru? Kien hemm implikazzjonijiet fuq staff tal-homes in kwestjoni jew implikazzjonijiet oħra? X'miżuri ittieħdu biex jiġu evitati aktar serqiet mingħand l-anzjani f'dawn il-homes? Id-Dipartiment għandu policy dwar dan l-abbuż? Jekk iva jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' din il-policy? Jekk le għaliex m'għandux policy?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Servizz ta' delivery tal-ħrieqi lill-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li inbeda servizz ta' delivery ta' ħrieqi lill-anzjani fi djarhom? Jekk dan is-servizz inbeda, minn meta? Fejn jistgħu japplikaw l-anzjani? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment ħariġtx tender għal dan is-servizz? Jekk ħarġet tender ġiet allokkata u lil min? Jista' jgħid x'inhi s-sistema, bħal per eżempju jekk hux jintalab ħlas għad-delivery? Kemm huwa l-ħlas? Min jitħallas? Tingħata irċevuta għall-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa — anzjani li tefgħu applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm talbiet minn anzjani (u mhux anzjani) li talbu biex imorru fid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa, matul l-aħħar 12-il xahar li wara li ġiet evalwata t-talba tagħhom kienu infurmati li t-talba tagħhom ma setgħetx tintlaqa'? Minn liema lokalitajiet kienu dawk li t-talba tagħhom ma ġietx aċċettata? Fl-istess perjodu kemm kien hemm talbiet li ġew aċċettati u minn fejn kienu ġejjin dawk involuti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’dawn l-aħħar tnax il-xahar applikaw 104 persuni għad-Dar tal-Mellieħa. 21 minnhom irrifjutaw l-applikazzjoni meta marret is-Social Worker tagħmel l-assessment u jgħidulha li ma jixtiequx jidħlu ġo dar tal-Anzjani għalissa; 14-il applikazzjoni huma pendenti u applikant wieħed ġie nieqes. 10 applikazzjonijiet ma ġewx approvati mill-Bord tal-Ammissjoni li huma minn dawn il-lokalitajiet: 1 mill-Mosta 1 mill-Mellieħa 1 minn Ħad-Dingli 2 mill-Għargħur 1 minn Ħ’Attard 1 mill-Imsida 2 minn-Naxxar 1 mill-Kalkara 27 applikazzjoni ġew approvati għal Nursing Care Setting (Mtarfa, Mellieħa, Residenza San Vincenz de Paule (SVPR)) 18-il applikazzjoni ġew approvati għal dar fil-komunita’; 13-il applikazzjoni ġew approvati għal SVPR Dawn huma minn dawn il-lokalitajiet: 3 San Pawl il-Baħar 2 Ibraġġ 1 St. Venera 16 Mellieħa 1 Balzan 1 Fgura 1 Birżebbuġa 1 Rabat 1 Valletta 2 Qawra 1 Baħrija 6 Birkirkara 1 Floriana 2 Mġarr 1 Żabbar 4 Ħamrun 1 Paola 1 Iklin 4 Mosta 1 Victoria, Għawdex 1 Naxxar 1 Tarxien 1 San Ġwann 1 Swieqi 1 Attard 2 San Ġiljan

Residenza San Vinċenz de Paul — pazjenti li marru jivvotaw

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33160, fejn issemma li kien hemm 33 persuna li ħarġu biex jivvutaw, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet inġarru biex jivvutaw dawn il-persuna aktar u aktar meta t-trasport kien ipprovdut minn servizz ta' trasport tar-Residenza San Vinċenz de Paul? X'inhi l-proċedura li trid/għandha tintuża biex persuni intitolati għall-voti iżda għalkemm residenti f'dan l-istess sptar ikollhom jivvutaw fil-lokalità oħra, jiġu pprovduti bit-trasport mir-Residenza għall-post tal-votazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li disa’ u għoxrin (29) persuna ġew meħuda sal-post tal-votazzjoni fil-lokalita’ tagħhom bit-trasport pprovdut minn San Vinċenz, filwaqt li erba’ (4) persuni kienu meħuda sabiex jivvotaw mill-qraba tagħhom bi trasport privat. Il-lokalitajiet u n-numru ta’ residenti li ttieħdu sabiex jivvutaw huwa indikat fit-tabella hawn taħt: Residenti ta’ San Vincenz de Paule li vvutaw fil-Lokalita’ Lokalita’ Votanti ATTARD 2 B'BUGIA 2 BIRGU 3 FLORIANA 1 GZIRA 2 HAMRUN 3 ISLA 1 KIRKOP 1 PAOLA 5 QORMI 2 SAN GILJAN 2 SIGGIEWI 1 ST PAUL'S BAY 1 ZEBBUG 2 ZURRIEQ 1 29 Assistiti mill-Qraba Lokalita’ Votanti HAMRUN 1 LUQA 1 ZEBBUG 1 ZURRIEQ 1 4 TOTAL TA’ VOTANTI 33 Il-proċedura użata hija li meta persuna jinħarġilha l-vot mill-Kummissjoni Elettorali, fejn ikun indikat kemm il-lokalita’ kif ukoll il-post tal-votazzjoni, dawn il-persuni jiġu mistoqsija jekk jixtiequx jivvutaw. Jekk it-tweġiba tkun fl-affermattiv, allura l-persuna tiġi meħuda sal-lokalita’ tagħha akkumpanjata minn rappreżentant ta’ kull partit.