Tista' l-Ministru tgħid jekk issa li sar magħruf li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, assuma r-responsabiltà ta' Chief Executive Officer ta' Channel 22 hux se jkun qed jitħallas aktar milli huwa stipulat bil-pakkett finanzjarju li diġà għandu bħala CEO tal-Public Broadcasting Services? Jekk fl-affermattiv, tista' tindika x'se jkun dan il-pakkett addizzjonali għal dak li diġà għandu mal-Public Broadcasting Services?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Is-CEO tal-Public Broadcasting Services assuma r-rwol ta’ CEO ta’ Education 22 mingħajr l-ebda żieda finanzjarja jew xi benefiċċju ieħor.
Issa li Channel 22 għadda f'idejn il-Public Broadcasting Services u t-tmexxija tiegħu taqa' f'idejn is-Chief Executive Officer tal-Public Broadcasting Services, tista' l-Ministru tgħid x'se jkun ir-rwol tal-persuna li kienet ġiet ingaġġata biex tmexxi Channel 22?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-rwol ta’ din il-persuna jiddependi fuq id-deċiżjonijiet li se jieħu l-Gvern skont l-evalwazzjoni tal-istazzjon.
Tista' l-Ministru tgħid xi rwol għandha u se jkollha l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-istruttura amministrattiva l-ġdida ta' Channel 22?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-persuna indikata fl-interpellanza ta’ l-Onor Membru kien maħtur mill-Ministeru biex jieħu ħsieb id-direzzjoni ta’ E22 f’rabta stretta mal-Management. Dan kien jagħmlu bħala parti mis-servizz li joffri bħala Konsultent tal-Ministru u ma jingħata l-ebda remunerazzjoni extra għax-xogħol tiegħu f’E22.
Kif diġa ħabbart f’din il-Kamra, il-Gvern fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed jevalwa r-rwol u l-missjoni ta’ E22. Ir-rwol tal-persuna imsemmija (jekk ikollu rwol) jiddependi mir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni.
Ħal Qormi — Kulleġġ San Injazju fil-Ħandaq - football ground
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex meta jkun qed jintlagħab il-football fil-ground tal-Kulleġġ San Injazju fil-Ħandaq, Ħal Qormi, min ikun jixtieq jimxi fit-track ma jitħalliex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-Isport u il-Kulleġġ San Injazju ma jirriżultalu li min ried juża t-track għall-mixi jew għall-
jogging
ma tħalliex jagħmel dan waqt il-logħob tal-futbol jew ta’ xi sport ieħor.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni nqatgħu mir-reġistrar (Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ) mill-1 ta’ Jannar sal-1 ta’ Lulju 2011? Tista’ tghid kemm minn dawk li nqatgħu mir-reġistrar sabu xogħol? Tista’ tagħti dettalji ġenerali dwar fuq liema kriterju nqatgħu n-nies mir-reġistrar u tindika l-persentaġġ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
ETC — korsijiet għal persuni mhux Maltin li jirreġistraw għax-xogħol
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn nies li mhumiex ċittadini Maltin li qed jirreġistraw għax-xogħol? Tista’ tindika x’tip ta’ korsijiet qed jingħataw mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ? Tista’ tispjega jekk sarx xi studju biex jiġi determinat x’benefiċċju qed jieħdu minn dawn il-korsijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-aħħar ta’ Ġunju 2011 in-numru ta’ persuni li mhumiex cittadini Maltin li qed jirreġistraw għax-xogħol fuq l-ewwel u tieni parti tar-reġistru kien ta’ 80.
Il–programmi ta’ taħriġ organizzati mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ huma miftuħa għal dawk il-persuni li huma eliġibbli li jaħdmu ġewwa Malta, basta dawn jkunu jistgħu isegwu l-programm li jkunu applikaw għalih. Kull programm għandu oġġettiv partikulari li jvarja milli wieħed jakkwista ħiliet bażiċi għal oħrajn fejn persunsa takkwista ħiliet li jgħinuha tidħol f’impjieg. Il-benefiċċju li wieħed jieħu minn dawn il-programmi jvarja minn programm għal ieħor u jiddependi wkoll minn kemm il-persuna li tkun segwiet il-programm ħadet interess.
Tapprezza l-Ministru li peress li t-trasport għall-korsijiet tal-Korproazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ hu bla ħlas biss mill-Belt għal Ħal Far, in-nies li ma joqogħdux il-Belt qed jiġu preġudikati peress li qed ikollhom iħallsu €4.50 fil-ġimgħa spejjeż tat-trasport u dan naturalment inaqqsilhom l-introjtu mill-benefiċċju soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-policy tal-Korporazzjoni hija li toffri transport bla ħlas biss mill-Belt għal Hal Far. Meta tinħass il-ħtieġa u n-numru ta’ parteċipanti jkun sostenibbli, dan is-servizz jiġi estiz ukoll għal lokalitajiet oħra li fihom il-Korporazzjoni tkun qed torganizza taħriġ.
Taf il-Ministru li biex anzjan jinżamm fl-istitut tal-Little Sisters of the Poor, St. Paul’s Street, St. Paul’s Home, Ħamrun irid iħallas madwar €973 fix-xahar?
Taf il-Ministru li minħabba nuqqas ta’ spazju fl-istituzzjonijiet governattivi, ħafna anzjani qed ikollom jirrikorru għal istituzzjonijiet privati? Jidhrilha li fiċ-ċirkostanzi wasal iż-żmien li l-gvern jikkonsidra bis-serjetà dawn il-miżati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-postijiet proprjetà tal-gvern li jinsabu mikrija lil terzi fil-oqsma tal-gvern f'Wied il-Għajn humiex possibbli li jinxtraw mill-kerrejja stess bħalma jiġri f'housing estates governattivi oħra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-preżent l-iskema fejn inkwilini li qed jikru l-post tar-residenza tagħhom mingħand il-Gvern ikunu jistgħu japplikaw biex jixtru dan l-istess post tinsab magħluqa. Huwa mistenni li din l-iskema terġa’ tiftaħ fil-futur qrib.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-kundizzjoni fiżika Fibromyalgia hijiex ikkunsidrata bħala marda għad-Direttorat tas-Sigurtà Soċjali? Tista' tgħid kemm hemm applikazzjonijiet għall-għajnuna medika li jagħmlu referenza għal din il-kundizzjoni fiżika? Jekk it-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hija le, tista' tgħid x’qed tistenna biex din il-kundizzjoni tkun ikkunsidrata bħala marda għall-fini u l-effetti kollha tal-liġi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-kundizzjoni fiżika Fibromyalgia mhix waħda mill-kundizzjonijiet mediċi elenkati fil-Ħames Skeda Taqsima I tal-Att dwar is-Sigurta Soċjali (Kap 381) bħala waħda mill-mard u kundizzjonijiet li dwarhom titħallas Għajnuna Medika.
Mill-banda l-oħra jekk il-persuna li qed tbati minn din il-kundizzjoni medika tiġi kkunsidrata mill-bord mediku li ma tistax taħdem tista’ tingħata l-Għajnuna Soċjali jew Pensjoni għall-Invalidita’ skont kif ikun il-każ.
Ninforma wkoll lill-Onor Membru li ma tinżammx statistika bil-kundizzjoni medika tat-talbiet li jsiru għall-Għajnuna Medika.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex reġgħet ħarġet sejħa oħra għall-applikanti li jixtiequ jissieħbu fil-programm tal-ESTS tal-ITS għas-sena akkademika li jmiss, meta sejħa normalment tagħlaq fil-bidu ta’ Ġunju? Tista l-Ministru tgħid jekk saritx xi estensjoni oħra in konnessjoni ma’ sejħiet għall-programmi u/jew korsijiet oħrajn tal-ITS?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-tieni sejħa għall-applikanti li jixtiequ jissieħbu fil-programm tal-apprentistat fl-ospitalita’ fl-iskema ESTS saret peress li kien għad hemm xi postijiet disponibbli għal dawk interessati. Ma saret l-ebda estensjoni oħra għall-programmi oħrajn tal-ITS pubblikati fil-prospett għas-sena akkademika 2011/12.
Direttorat tal-Edukazzjoni — impjegati li ħadu paid study leave
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm impjegati fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni li ġew mogħtija paid study leave għal sena jew aktar f'dawn l-aħħar ħames snin? Tista' tgħid kemm minn dawn kienu edukaturi u fuq liema kriterji ġew mogħtija?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lil Onorevoli Interpellant li skont id-Direttorat għas-Servizzi Korporattivi kien hemm tmien
Trainee Educational Psychologists
impjegati fi ħdan id-Direttorat tal-Edukazzjoni li ġew mogħtija
paid study leave
.
Dawn l-impjegati ngħataw tali
paid study leave
fuq il-kriterju li l-ħiliet ta’
Educational Psychologist
huma ferm bżonnjużi fid-Direttorat u l-iżvilupp u t-taħriġ professjonali f’dan il-qasam hu essenzjali biex ikun żgurat il-kwalita’ tas-Servizzi li jingħataw lill-istudenti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu postijiet tal-kiri mill-Awtorità tad-Djar bejn Jannar 2011 u llum? F'liema lokalità jinsabu u mnejn kienu l-persuni li bbenefikaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Awtorita’ tad-Djar allokat
65
post mill-ewwel ta’ Jannar, 2011 s’issa. Il-lista tal-lokalitajiet li applikaw minnhom il-benefiċjarji u fejn ġew allokati qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid min huma l-prinċipali tal-kulleġġi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Prinċipali tal-Kulleġġi huma:
Sur Stephen Cachia - Kulleġġ Santa Margerita
Sinjorina Marilyn Sciortino - Kulleġġ San Benedittu
Sur James Camilleri - Kulleġġ San Ġorġ Preca
Sur Horace Caruana - Kulleġġ Sant’Injazju
Sinjorina Maria Ciappara - Kulleġġ Santa Klara
Sur Mario Testa - Kulleġġ Maria Reġina
Sur Anthony Sammut - Kulleġġ San Nikola
Dr Frank Fabri - Kulleġġ Santa Tereża
Sinjorina Josephine Mifsud - Kulleġġ San Tumas More
Chev. Frank Gatt - Kulleġġ ta’ Għawdex
Tista' l-Ministru tgħid jekk taħsibx li wasal iż-żmien li ssir bidla neċessarja fil-liġi sabiex ġuvintur/tfajliet ta' ċertu età li jgħixu mal-ġeneturi, u jkunu tilfu l-impjieg intortament jibdew igawdu minn xi benefiċċju finanzjarju? Il-Ministru hija konxja li hemm ammont ta' persuni f'din il-kategorija li wara ħafna snin bil-għaqal, jitilfu l-impjieg u ma jistgħu jieħdu ebda benefiċċju u allura wasal iż-żmien li jsir xi ħaġa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onor Interpellant li persuna tista’ l-ewwel tikkwalifika għal Benefiċċju Kontributorju għad-Disimpieg. Dan il-benefiċċju jitħallas kemm il-darba l-persuna tissodisfa t-test tal-kontribuzzjonijiet u l-perjodu massimu tal-benefiċċju huwa ta’ 156 jum.
Meta id-dritt tal-benefiċċju jintemm jew jekk il-persuna ma tkunx tikkwalifika għal Benefiċċju Kontributorju għad-Disimpieg, tista’ ssir talba għal Għajnuna għad-Diżimpieg. Id-dritt għal din l-Għajnuna pero’ jiddependi minn test tal-meżżi li jsir fuq id-dħul tal-familja (household) kollha. F’ħafna każijiet ta’ persuni li jgħixu mal-familjari, dawn ma jikkwalifikawx għal din l-għajnuna minħabba li d-dħul tal-familja jeċċedi dak stipulat bil-liġi biex persuna tikkwalifika.
Jiena infurmata li d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali diġa kkunsidra u identifika din is-sitwazzjoni fi studju preliminari li sar fuq is-sistema ta’ l-Għajnuna Soċjali. Jiena nfurmata wkoll li fil-preżent qed isiru riċerki u studji oħra biex jitressqu proposti ta’ kif is-sistema ta’ l-Għajnuna Soċjali tista’ tiġi aġġornata għal ħtigijiet tal-persuni vulnerabbli fis-soċjeta’ bl-iskop ewlieni li jiġi xprunat il-parteċipazzjoni fil-ħajja tax-xogħol u tikber l-inkluzjoni soċjali kif jippermettu ir-rizorsi ta’ pajjiżna.
Tista' l-Ministru tgħid x’wassal biex l-isquash courts fin-National Pool Area jinsabu fl-istat ħażin li jinsabu fih bħalissa u x’passi se jieħu l-gvern dwar dan in-nuqqas?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Kunsill Malti għall-iSport huwa konxju tas-sitwazzjoni preżenti ta’ l-isquash courts li jinsabu fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq u qed jaħdem bi sħiħ sabiex tinstab soluzzjoni permanenti. Fl-2009, inħasset il-ħtieġa li jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq l-imsemmija squash courts. Fil-fatt, l-Kunsill Malti għall-iSport ħareġ sejħa għall-offerti biex jingħatalhom wiċċ ġdid. Ix-xogħlijiet li saru ma tawx ir-riżultati mixtieqa. Minn dak inhar ġew avviċinati numru ta’ kumpaniji lokali iżda l-materjal offrut ma kienx skont dak mitlub.
Bħalissa qed jiġu esplorati metodi alternattivi biex finalment l-imsemmija
squash courts
jitranġaw b’mod professjonali. Fil-fatt bħalissa, il-Kunsill Malti għall-iSport qed jistenna li jagħmel kuntatt ma’ konsulent barrani sabiex jiġi jara l-imsemmija
squash courts
u eventwalment jagħti r-rakkomandazzjonijiet tiegħu.