Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Ippjanar – strutturi perikolużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-numru ta’ permessi mitluba minħabba strutturi perikolużi (dangerous structures) li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar approvat (kompletament jew parzjalment) elf ħames mija u ħamsa u erbgħin (1,545)-il applikazzjoni ta’ din it-tip f’dawn l-aħħar ħames snin.

Bajja ta' Lapsi — installazzjoni ta' lift fin-niżla

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra l-istallazzjoni ta' lift fin-niżla għall-bajja ta' Lapsi għall-persuna b'nuqqas ta' mobilità?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Il-bajja hija responsabbiltà tal-Kunsill Lokali u fil-każ li l-kunsill iressaq talba biex tali proġett jiġi esplorat, it-talba tiġi kkunsidrata mal-kunsill u l-entitajiet kollha involuti.

Inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol mill-1 ta’ Jannar, 2022 sal-aħħar ta’ Settembru, 2022? Kemm minn dawn l-inċidenti kienu fatali?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

F’Malta, l-istatistika dwar korrimenti fuq il-post tax-xogħol hija abbinata ma’ talbiet għal benefiċċji taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, liema statistika tinġabar mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, u tkun ippubblikata mill-NSO. L-aħħar statistika ippubblikata tirreferi għall-ewwel sitt xhur tas-sena, u skont din l-istatistika, weġġgħu 1,164 persuna fuq il-post tax-xogħol. Statistika miġbura mill-OHSA turi li fil-perjodu bejn Jannar u Settembru 2022, tilfu ħajjithom 13-il persuna waqt il-ħin tax-xogħol, inklużi 3 li mietu waqt sewqan.

Warrant ta’ inġinier

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista kompluta tal-persuni li ngħataw il-Warrant ta' Inġinier mill-Bord tal-Inġinerija fi ħdan il-Ministeru tiegħu mniżżla b'mod konsekuttiv minn numru wieħed 'il quddiem f'ordni axxendenti skont in-numru tal-warrant? Jista’ jagħti s-sena li fiha kull persuna ngħatat il-warrant?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li qed jitlob tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern kull sena u dan ai termini tal-Kap. 321 tal-Liġijiet ta’Malta.

Urban Improvement Fund u Development Planning Fund

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm daħlu flus fl-Urban Improvement Fund u fid-Development Planning Fund, fond b’fond u sena b’sena, mill-1 ta' Jannar 2013 sal-aħħar ta' Diċembru 2021, u liema kienu l-proġetti li ġew iffinanzjati minn dawn il-fondi? X'kien l-ammont ta' finazjament proġett proġett, fejn sar kull proġett u x'inhu l-istatus ta' kull proġett?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar — Proġetti appoġġjati mid-Development Planning Fund

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ proġetti appoġġjati sa mill-2017 mill-Awtorità tal-Ippjanar permezz tad-Development Planning Fund? X'kien il-finanzjament ġenerali allokat għal dawn il-proġetti?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – skemi favur il-konservazzjoni taż-żoni ċentrali urbani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-familji li bbenefikaw minn skemi ta’ għotjiet maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar favur il-konservazzjoni taż-żoni ċentrali urbani tagħna? X'kien il-finanzjament totali mogħti permezz ta' dawn l-iskemi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Awtorità tal-Ippjanar – infrastruttura ta’ spatial data nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel l-Awtorità tal-Ippjanar biex tiżgura li Malta jkollha infrastruttura ta' spatial data nazzjonali? X'għodod ta’ tixrid żviluppat l-Awtorità biex tqassam u tirrapporta d-data lill-pubbliku?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar għandha żewġ inizjattivi ewlenin biex tiġi disseminata informazzjoni spatial data nazzjonali. Dawn huma il-portal SintegraM, li huwa frott fondi Ewropej, illi ħoloq infrastruttura li biha entitajiet governattivi ikollhom repożitorju ta’ spatial data filwaqt illi tista’ tkun aċċessibbli għal entitajiet oħra. Il-pubbliku jista’ jaċċessa partijiet minn din l-informazzjoni. L-Awtorità għandha wkoll il-mapserver tagħha illi fih minjiera ta’ spatial data illi hija aċċessibbli għal kullħadd. Ta’ min isemmi illi l-Awtorità hija l-entità responsabbli mid-direttiva INSPIRE. L-Awtorità tieħu ħsieb illi tinġabar spatial data meħtieġa mid-direttiva u din tkun aċċessibbli fuq skala Ewropea.

Awtorità tal-Ippjanar – promozzjoni u appoġġ fil-qasam tat-teknoloġija ġeospazjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif l-Awtorità tal-Ippjanar qed tippromwovi u tappoġġja lill-persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku biex javvanzaw il-kompetenzi tagħhom fil-qasam tat-teknoloġija ġeospazjali (Ġeomatika)?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorità kisbet fondi Ewropej biex nediet proġett li jissejjaħ SpatialTrain li kellu l-iskop li jħarreġ uffiċjali tal-gvern fil-qasam tal-ġeomatika. Ta’ min jgħid li ħmistax-il student ġabu livell ta’ Masters, wieħed livell ta’ Baċellerat, tnejn u tletin livell ta’ Diploma u wieħed u tletin livell ta’ Ċertifikat. Dan il-proġett jintemm f’Diċembru li ġej permess ta’ konferenza. B’hekk l-għarfien tad-dixxiplina tal-ġeomatika infirex mal-gvern kollu.

Awtorità tal-Ippjanar – basemap ġdida ta’ Malta

Question

B’rabta mal-basemap il-ġdida għal Malta, li tnediet fl-2020, jista’ l-Ministru jgħid x’qed tagħmel l-Awtorità tal-Ippjanar biex tiżgura li din tibqa’ aġġornata u relevanti għall-ħtiġijiet tal-lum?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-Awtorità tal-Ippjanar nediet il-mappa bażi ġdida fl-2018. Il-proċess ta’ tiġdid beda fl-2020 billi qed jintużaw droni li bihom qed tinġabar informazzjoni aġġornata tal-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex. Sa issa tlesta Għawdex kollu u sittax il-lokalità f’Malta.

Awtorità tal-Ippjanar – permessi ta’ żvilupp – xogħlijiet ta’ restawr jew rijabilitazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar ħames snin, kemm kien in-numru ta’ permessi ta’ żvilupp (maqsuma skont kull lokalità) li ħarġet l-Awtorità tal-Ippjanar li kienu jinvolvu xogħlijiet ta’ restawr jew riabilitazzjoni?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3094, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ applikazzjonijiet approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-1 ta’ Ottubru 2017 sal-aħħar ta’ Settembru 2022, sena b’sena, maqsuma b’kull lokalità, fejn id-deskrizzjoni tal-proposta tinkludi kliem relatati ma’ restawr jew riabilitazzjoni.

Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol – Project Supervisors — Lista ta’ persuni

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta lista ta' ismijiet tal-persuni kompetenti fir-reġistru tal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol li jistgħu jiġu appuntati bħala Project Supervisors?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

M’hemm l-ebda obbligu legali li project supervisor ikun reġistrat mal-OHSA. Min-naħa l-oħra, ir-Reġistru ta’ Persuni Kompetenti miżmum mill-OHSA jinkludi elenku ta’ persuni li jissodisfaw l-kriterji minimi ta’ reġistrazzjoni biex jagħtu pariri b’mod ġenerali fis-saħħa u s-sigurtà u mhux limitat għal, iżda jinkludi wkoll lil dawk li jridu jaġixxu ta’ Project Supervisor, u li b’mod volontarju riedu li isimhom jidher fir-reġistru. Din il-lista qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Project Supervisors — lista

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta lista ta' ismijiet ta' persuni li qegħdin responsabbli bħala Project Supervisors mal-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il Post tax Xogħol f'dan il-mument, u fl-istess ħin jindika kemm-il sit għandhom assenjat li huma responsabbli minnu fil-preżent?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

L-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-OHSA jeżisti biss għal dawk il-proġetti ta’ kostruzzjoni li jkunu jinvolvu iktar minn 500 person days ta’ xogħol. Fost affarijiet oħra, din in-notifika jkollha informazzjoni dwar min hu l-project supervisor tal-proġett. Fil-każ ta’ kull proġett ieħor, anke fejn ikun hemm l-obbligu ta’ ħatra ta’ project supervisor, m’hemmx obbligu li tintbagħat notifika lill-OHSA u allura l-OHSA mhux ser ikollha l-informazzjoni mitluba. Fl-istess ħin irid jingħad li project supervisor jitqabbad mill-klient, u ma teżisti l-ebda ħtieġa ta’ reġistrazzjoni mal-OHSA biex iwettaq dan ix-xogħol. Nitlob ukoll lill-Onor. Interpellant biex jagħmel ukoll referenza għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 2695.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar — infiq f’reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru, mill-2017 sal-lum, lil Media.link, NET TV, NET FM u/jew lill-Partit Nazzjonalista għal reklamar f’xandiriet tal-istess entitajiet?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat saru b’€43,233.08 f’reklamar lil Media.link u Net TV.

Awtorità tal-Ippjanar – fondi miġbura minn skemi

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm preżentament hu l-ammont ta' fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar, f'pagamenti ta' CCPS, Development Planning Fund, jew xi skema oħra għal kull lokalità? Minn dawn il-fondi, għal kull lokalità, kemm hu l-ammont li fuqu diġà hemm ftehim ta' kif ser jintużaw dawn il-fondi, u kemm hu l-ammont li s’issa għad ma hemm l-ebda ftehim fuqu?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kontribuzzjonijiet, li qed jirreferi għalihom, jinġabru minn tliet sorsi prinċipali, li huma persentaġġ mill-applikazzjonijiet tar-regolarizzazzjoni, persentaġġ mill-kontribuzzjonijiet għan-nuqqas ta’ parkeġġ u f’xi każijiet ta’ gwadann fl-ippjanar fejn jidħlu proġetti kbar. Il-fondi minn dawn is-sorsi jibqgħu marbutin mal-lokalità minn fejn ikunu se jseħħu jew twettqu l-applikazzjonijiet għal żvilupp, tant li 80% minnhom jiġu allokati għall-użu dirett tal-Kunsilli u l-20% l-oħrajn għaqdiet b’interessi partikolari fil-lokal. L-applikazzjonijiet għall-użu ta’ dawn il-fondi jiġu determinati minn kumitat maħtur apposta mill-eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar. L-informazzjoni mitluba relatata mal-ammonti diġà maqbula jew le biex jintużaw mil-lokalitajiet rispettivi tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Raħal Ġdid: Ġnien San Alwiġi – applikazzjoni nru. TRK/00266472

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema pożizzjoni tinsab l-applikazzjoni li saret lill-Awtorità tal-Ippjanar nru TRK/00266472 sabiex jiġi rranġat Ġnien San Alwiġi, Raħal Ġdid?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-applikazzjoni msemmija qiegħda fi stadju bikri, fejn intalbet xi informazzjoni sabiex l-applikazzjoni tista’ tiġi validata u sussegwentement proċessata.

Ministeru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar – persuni li jmexxu l-entitajiet fil-vesti ta’ CEOs jew Kapijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm persuni li qegħdin imexxu l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-vesti ta’ CEOs jew Heads illi waslu għall-età tal-irtirar u jekk itteħdux passi biex ikun hemm succession plan biex meta dawn jirtiraw, l-entità tibqa’ għaddejja taħdem mingħajr ebda skossi?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma hemm ħadd kif indikat fil-mistoqsija tiegħu.

Iż-Żurrieq – lista ta’ xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2001, jista' l-Ministru jikkonferma li meta qed jinqalgħu t-toroq minnħabba l-proġett għat-taffija tal-għargħar ser jinbidlu servizzi oħra wkoll għaliex jew ikun ilhom li ġew installati jew għaliex fil-fatt għandhom il-ħsara?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi huwa responsabbli biss għax-xogħlijiet relatati mat-taffija tal-għargħar. Jekk waqt ix-xogħlijiet jirriżulta li servizzi oħra għandhom xi ħsara, isir kuntatt mal-istakeholders rispettivi.

Ippjanar ta’ żvilupp urban — Aesthetics Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni li jintroduċi aesthetics policy għall-ippjanar ta’ żvilupp urban?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Kif imwiegħed fil-Budget tal-Gvern għall-2022 u kif ikkonfermat fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali tal-istess sena, il-Gvern huwa kommess li jintroduċi aesthetics policy għall-ippjanar ta’ żvilupp urban.

Lista ta’ Stop and Enforcement Notices

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' Stop and Enforcement Notices li l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet bejn l-2013 u l-2021 fuq strutturi barra ż-żoni tal-iżvilupp li mhumiex skont il-permess fil-lokalitajiet ta' Ħal Għaxaq, il-Gudja, Marsaxlokk u Birżebbuġa u li għadhom miftuħa? Għal kull każ, tista' l-lista turi meta ħarġet l-enforcement notice, meta kienet l-aħħar spezzjoni u x'kienet l-aħħar azzjoni meħuda u meta?

Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.