Legislature:
Category:
Reset
Active:

CDAU u CYPS — Servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizzi taċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) u taċ-Child and Young People's Services (CYPS) hux ser isiru servizz wieħed? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni, minn meta, u x’ser ikun jismu dan is-servizz?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-servizzi tas-CDAU u CYPS (Malta u Għawdex) ingħaqdu s-sena l-oħra meta beda jingħata s-servizz ġewwa Għawdex għall-ewwel darba bhala Child, Adolescent and Youth Services. L-għan huwa li jingħataw għajnuna b’mod ħolistiku.

CDAU — Età ta’ eleġibilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-età ta’ eleġibilità għas-servizzi mogħtija miċ-Child Development Assessment Unit (CDAU)?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-età ta eliġibilità għas-servizzi taċ-CAYS hi sa tmintax-il sena.  Jekk il-persuna mhux lesta biex tiġi trasferita għas-servizzi offruti għall-adulti, tista tibqa’ tattendi sa 25 sena.

CDAU — Tfal li ġew diagnosed b’Developmental Delay u Global Developmental Delay

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal f’numri u persentaġġi, mill-users kollha taċ-Child Development Assessment Unit (CDAU), li ġew diagnosed b’Developmental Delay u kemm minnhom ġew diagnosed bi Global Developmental Delay?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li fl-2024 kien hemm 35 każ ta’ Global Developmental Delay li attendew iċ-CAYS.

CDAU — Waiting list għas-servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-waiting list għal servizzi speċifiċi fiċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) bħalissa, bħal: Paediatrician, Psychologist, Speech Language Pathologist u Occupational Therapist?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li għall-iSpeech Language Pathologist, mhemmx waiting list. Infurmat ukoll li għall-occupational therapists mhemmx każijiet ta’ tfal li ilhom jistennew aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Infurmat ukoll li għall-psychologist, hemm każ wieħed biss li ilu jistenna aktar minn dak stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti.  Dan hu każ mediku, li diġa ġie diskuss maż-żewġ ġenituri tal-pazjent u mal-SMT.

Kundizzjoni “Sjogren” - Schedule V

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kundizzjoni “Sjogren” hux se tiġi inkluża bħala kundizzjoni li min ibati minnha jkun eliġibbli sabiex jirċievi l-mediċini skont l-Iskeda V?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li sa issa ma kienx hemm proċess attiv biex tiddaħħal, pero mhux eskluż li tiġi ikkunsidrata fil-futur.

Infermiera u tobba – Inċentivi għaż-żgħażagħ biex jagħżlu l-professjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu l-inċentivi (eż. allowances, scholarships, packages speċjali) sabiex aktar żgħażagħ jagħżlu li jidħlu fil-professjoni tal-infermiera u tat-tobba?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Qasam tas-saħħa – Appoġġ għal professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jindika x’passi qed jittieħdu biex tiġi indirizzata l-problema ta’ burn out u stress fost l-infermiera u t-tobba, inkluż jekk hemmx servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku għal dawn il-professjonisti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li s-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali jindirizzaw il-problemi ta’ burn-out u stress fost il-ħaddiema kemm fuq livell individwali kif ukoll fuq livell ta’ tim. Bħala parti minn dan l-approċċ, jintuża s- Servizz tal-Employee Support Programme (ESP), li għalih il-management jista’ jirreferi lill-impjegati wara diskussjoni diretta magħhom. Il-parteċipazzjoni f’dan is-servizz hija volontarja. Barra minn hekk, fis-settur tas-saħħa mentali, Consultant Psychologist joffri appoġġ professjonali kemm lil ħaddiema individwali kif ukoll lil timijiet multidixxiplinarji, bħal swali jew servizzi fil-komunità, li jkunu qed jiffaċċjaw sfidi jew perjodi ta’ stress intens. Dawn l-interventi huma mfassla biex jiżguraw li l-impjegati jkunu protetti mill-effetti ta’ stress u burn-out, fost oħrajn, bl-aktar mod effikaċi u professjonali possibbli.

Qasam tas-saħħa – Infermiera u tobba – Paid study leave u sponsorships

Question

Jista’ l-Ministru jagħti statistika dwar kemm-il infermier u tabib ingħata paid study leave jew sponsorship mill-Gvern biex ikompli l-istudji fi speċjalizzazzjonijiet mediċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li matul l-2025, kien hemm 319 infermiera u 97 tabib li ingħataw paid study leave u sponsorship mill-Gvern biex ikompli l-istudju fi specjalizzazzjonijiet mediċi. Minn dawn 416 ħaddiem ingħata paid study leave u 40 ingħata sponsorship.

Qasam tas-saħħa – Reklutaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet ta’ reklutaġġi ġodda fil-qasam tas-saħħa, inkluż kemm tobba u infermiera huma mistennija li jiġu reklutati fix-xhur/snin li ġejjin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li kull sena jsir reklutaġġ fil-qasam tas-saħħa wara li l-istudenti jiggradwaw.

Qasam tas-saħħa – Settur pubbliku –Baġit għat-taħriġ u speċjalizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-baġit allokat għall-programmi ta’ taħriġ kontinwu u speċjalizzazzjoni għall-infermiera u t-tobba fis-servizz pubbliku għall-2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill- Onor. Interpellant għall-Estimi finanzjarji li kopja tagħhom diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah ukoll li kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari nru 30911,  il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva joffri lill-impjegati numru ta’ scholarships, sponsorships u paid study leave sabiex ikomplu jżidu l-ħiliet u l-ispeċjalizzazzjoni tagħhom.

Infermiera u tobba – Kundizzjonijiet tax-xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-miżuri li ttieħdu jew li qed jiġu ppjanati li jittieħdu sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-infermiera u t-tobba, inkluż il-ħlasijiet, l-overtime, u l-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jara b’mod regolari li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema kollha, inkluż l-infermiera, tobba u kull min jaħdem fis-settur tas-saħħa. Infakkar lill-Onor. Interpellant li f’Settembru 2023, il-Gvern issiġilla ftehim bl-aħjar kundizzjonijiet mal-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN. Infakkar ukoll f’Novembru 2024 sar il-ftehim għall-ħaddiema kollha fis-settur pubbliku li jkopri żidiet fil-pagi, żidiet f’allowances ġodda u l-introduzzjoni ta’ allowances oħrajn. Dan il-ftehim daħal fis-seħħ mill-bidu ta’ din is-sena u jkopri sas-sena 2030. Minn dan kollu ibbnefikaw fost l-oħrajn l-infermierali u tobba u kull min jaħdem f’dan is-settur. Ninsab ċert li b’dawn il-kundizzjonijiet ġodda għandhom iħajjru aktar persuni jidħlu f’dawn il-professjonijiet. Apparti titjib fil-pagi, il-Gvern hu ffukat li jtejjeb l-ambjent tax-xogħol u anke fil-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva - Ħaddiema full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jaħdmu full-time u part-time ma’ kull dipartiment u/jew entità li taqa’ taħtu matul is-snin 2012, 2013, 2016, 2018, 2021, 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nr. 30776.

Il-Mellieħa u San Pawl il-Baħar - Ċentru għal kura tas-saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm biex jinfetaħ ċentru għall-kura tas-saħħa għal pazjenti fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta li jkun jista’ jaqdi l-popolazzjoni li dejjem qed tikber fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pjanijiet u dawn ser jitħabbru meta jkun il-waqt.

Self-Harm — Tfal li tressqu l-emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm tfal li tressqu l-emerġenza minħabba self-harm mis-sena 2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jagħti l-ġeneru u l-età ta’ dawn it-tfal?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Suwiċidji u Attentati ta’ suwiċidji — Figuri

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 10849 u 12721, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm suwiċidji u attentati ta’ suwiċidji mill-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skont il-ġeneru u l-età?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ċentri tas-saħħa - Anzjani fil-kju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li ser tinbidel is-sistema fiċ-ċentri tas-saħħa fejn anzjani li għandhom ’il fuq minn 75 sena mhumiex ser jitħallew aktar jaqbżu l-kju?  Jekk iva, jista’ jgħid kif ser ikun assigurat li anzjani ta’ ’l fuq minn 75 sena ma jdumux fil-kju?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mhemmx ħsieb li jsir xi tibdil fir-rigward taċ-Ċentri tas-Saħħa fir-rigward ta’ anzjani li għandhom ’il fuq minn 75 sena.

Sptarijiet pubbliċi – Nurse-to-patient ratio

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx target jew ratio nazzjonali ta’ infermiera għal kull pazjent (nurse-to-patient ratio), u jekk dan il-livell huwiex qed jintlaħaq fl-isptarijiet pubbliċi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Intrpellant li l-Management jara li f’kull sala jkun hemm n-numru ta’ infermiera adekwati u skond il-ħtiġijiet mediċi fis-sala.