Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #10161 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Infermiera barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn infermiera barranin jaħdmu mal-Gvern illum? Minn liema pajjiż huma? X'tip ta' grad għandhom?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li n-numru ta' infermiera mpjegati f'entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali (Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità) li għandhom ċittadinanza barranija huwa ta’ 72. Dawn l-infermiera huma mill-pajjiżi li jidhru hawn taħt, skont in-numri rispettivi minn kull pajjiż : Albanija 2 Bosnia Herzegovina 2 Bulgarija 17 Filippini 3 Fillandja 1 Ġermanja 2 Indja 1 Italja 1 Pakistan 1 Polonja 3 Niġerja 5 Renju Unit 3 Rumanija 27 Russja 1 Serbja 1 Slovakkja 2 Informat ukoll li minn fost dawn it-72 infermiera b’ċittadinanza barranija, 50 għandhom impjieg regolari u 22 ġew impjegati b'kuntratt ta' servizz. Fil-każ tal-50 infermiera li għandhom impjieg regolari, 46 minnhom huma impjegati fil-grad ta' Staff Nurse u l-4 l-oħra huma impjegati fil-grad ta' Enrolled Nurse. Fil-każ tat-22 infermiera impjegati b'kuntratt ta ' servizz, 13 minnhom huma impjegati fil-grad ta' Staff Nurse u d-9 l-oħra huma impjegati fil-grad ta' Enrolled Nurse.
Leg 11 PQ #10162 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

persuni li mhumiex tajbin għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li kienu nstabu li m'humiex tajbin għax-xogħol minħabba mard u għaddew bord fil-passat u issa li reġgħu ġew eżaminati instabu li kapaċi jaħdmu? Kemm instabu tajbin is-sena l-oħra u kemm din is-sena? Minn liema distretti elettorali huma?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi in-numru ta’ persuni li kellhom il-pensjoni tal-Invalidità li ġiet riveduta fis-snin 2008 u 2009 kienu ta’ 1179 u 770 rispettivament. Minn dawn l-ammonti, 271 fis-sena 2008 u 143 fis-sena 2009 kellhom il-pensjoni imsemmija miċħuda. Din l-istess informazzjoni qed tingħata wkoll skond id-Distretti Elettorali kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant. Iktar tagħrif se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11710 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Poliklinika ta' Raħal Ġdid — Testijiet tad-demm

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 11497, 8764 u10603 u jgħid x’inhi r-raġuni li fil-poliklinika tal-Gvern ta’ Raħal Ġdid isiru biss 20 test tad-demm kuljum u dan b’detriment għall-persuni l-oħra li jkollhom bżonn jagħmlu test tad-demm, xi drabi anke urġenti, u jkollhom imorru l-Isptar Mater Dei? Jaħseb li dan ma jagħmilx sens meta pazjenti għandhom ifittxu li l-ewwel jinqdew minn poliklinika qabel imorru l-Isptar Mater Dei, imma f’dawn iċ-ċirkostanzi qed ikunu dawk responsabbli li jibagħtuhom fl-Isptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid jittieħdu medja ta’ 62 test tad-demm kull filgħodu, dawn huma mqassma kif ġej: · 32 pazjent għal-testijiet ordnati mit-tabib · 28 pazjent għal-testijiet tad-demm ta’ l-INR (Anticoagulant Clinic għal min jieħu l-pilloli tal-warfarina) Kuljum jitħallew vojta żewġ slots minn dawn ta’ fuq għal testijiet urġenti, biss dawn xorta jiġu mimlija. · 2 pazjenti oħra jittieħdilhom id-demm mingħajr appuntament. Meta s- slots jimtlew kollha u jkun hemm xi test urġenti, il-pazjenti jiġu mitluba jmorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Bormla.
Leg 11 PQ #11737 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Minsteru għall-Politika Soċjali — Uffiċċju tal-Ministru u tas-Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul l-Uffiċċju tal-Ministru u tas-Segretarji Parlamentari? X'inhu l-grad ta' kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11853 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Serqiet rapportati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11256 u jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet rapportati lill-Pulizija milll-Ministeru/dipartimenti/ korporazzjonijiet/awtoritajiet eċċ. li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul din is-sena? Kemm huwa kalkulat il-valur misruq u x'natura ta' oġġetti eċċ. insterqu?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni mitluba minn naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa għada qed tinġabar.
Leg 11 PQ #11855 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — Kirjiet ta' għamara, pitturi u pjanti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11661 u jgħid jekk sarux xi kirjiet ta' għamara u/jew pitturi u/jew pjanti mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jinfurmani fid-dettall xi flejjes qed jitħallsu għal dawn il-kirjiet separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ma jirriżultax li kien hemm xi kirjiet ta’ għamara u/jew pitturi u/jew pjanti. L-informazzjoni mitluba minn naħa tad-Dipartiment tas-Saħħa għada qed tinġabar.
Leg 11 PQ #11921 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Reġistrar ta' mwiet kawża ta' cancer

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8238, jista' l-Ministru issa jgħid kemm ġew irreġistrati mwiet kawża ta' cancer (malignant conditions) jew li fihom din il-kundizzjoni kkontribwiet għall-kawża tal-mewt, f'dawn il-lokalitajiet f'dawn l-aħħar 20 sena: Marsaxlokk, Birżebbuġa, Żejtun, Għaxaq, Fgura, Żabbar u Wied il-Għajn? Jista' jagħti l-figuri miġbura sena b'sena, skond is-sess u l-età?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #11923 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

PET scan finanzjat mill-Gvern Svizzeru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11459 u jgħid xi progress sar matul l-aħħar 12-il xahar biex il-PET scan ikun finanzjat mill-Gvern Svizzeru?

Response (DALLI, JOHN)

Wara ħafna konsultazzjonijiet ma’ esperti fuq il-PET scan il-Ministeru għall-Politika Soċjali fassal ‘outline proposal’ li l-‘Planning and Priorities Co-ordination Division’ bagħtet lill-awtoritajiet fl-Isvizzera fl–14 ta’ April 2008. Irċevejna risposta fis-16 ta’ Frar 2009 fejn l-awtoritajiet Svizzeri infurmawna li din l -outline proposal ġiet approvata. Informat li l-Ministeru baqa’ jizvilupppa fuq il- proposal biex fis-26 ta’ Ġunju 2009 intbagħtet il-‘ FINAL Proposal ’. Qiegħdin nistennew mingħand il-Gvern Żvizzeru biex din tiġi approvata u jibda l-proċess biex jigi iffirmat l- agreement .
Leg 11 PQ #11924 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ċentru tal-Onkoloġija ġdid — spiża

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11460 u jgħid xi spiża saret matul l-aħħar 12-il xahar relatata mal-bini taċ-ċentru speċjalizzat tal-onkoloġija ġdid?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #11932 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pensjoni ta' l-Invalidità — applikazzjonijiet rifjutati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11023 u jgħid x'inhi l-proċedura li qed tintuża biex tiġi aċċettata jew rifjutata applikazzjoni għall-Pensjoni tal- Invalidità? Jista' jgħid jekk hux minnu li t-tobba jiddeċiedu mingħajr ma jaraw jew jeżaminaw lill-pazjenti u joqogħdu biss fuq ir-rapporti tal-isptarijiet u ċ-ċertifikati? Jaħseb li tali proċedura tmur kontra l-etika tal-professjoni medika?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bis-sistema preżenti, persuna tkun ikkunsidrata li tikkwalifika ghal Pensjoni Ghal Invalidità kemm-il darba tkun tbati minn kundizzjoni jew marda li tirrendiha mhux kapaċi għax-xogħol. Fl-Att dwar is-Sigurtà Socjali hemm Tabelli ta’ Indeboliment (Impairment Tables), li bihom tista’ tiddetermina jekk il-kundizzjoni tal-persuna tirrendihix inkapaċi għax-xogħol. Biex tiġi determinata jekk persuna tikkwalifikax għal Pensjoni għal Invalidità skond it-Tabelli ta’ Indeboliment (Impairment Tables), it-tobba tal-bord mediku jevalwaw l-evidenza medika pprovduta fuq l-applikazzjoni għal din il-pensjoni flimkien ma’ ċertifikati jew rizultati mediċi li jissottometti l-applikant. Dan il-bord jagħti parir lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali jekk il-persuna tikkwalifikax mill-aspett mediku. Informat ukoll li dan il-proċess jassigura aktar trasparenza u għalhekk jgħin sabiex id-dritt għall-pensjoni imsemmija jingħata lil min tassew ħaqqu. Dan hu proċess li jiżġura li d-deċiżjoni qed titieħed fuq l-informazzjoni medika dettaljata u mhux fuq sempliċi eżami ta’ ftit minuti.
Leg 11 PQ #11933 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Family Therapy Service

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11024 u jgħid fiex jikkonsistu s-servizzi tal-Family Therapy tal-Aġenzija Appoġġ? Fiex jikkonsisti llum l-staff compliment biex jitmexxa dan is-servizz tant importanti għall-familji fid-diffikultà? Kemm hija l-waiting list u kemm ġeneralment, il-familja tistenna biex tingħata l-ewwel appuntament?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li s-Servizz tal-Family Therapy tal-Aġenzija Appoġġ huwa servizz professjonali li jingħata lill-membri tal-familja biex jingħataw l-opportunita’ li jiltaqgħu flimkien f’ambjent terapewtiku u jkunu jistgħu jaħdmu fuq ir-relazzjoni ta’ bejnithom. Dan is-servizz jipprovdilhom l-ispazju meħtieġ biex jiddiskutu u jesploraw modi differenti ta’ kif iħarsu lejn is-sitwazzjoni tagħhom u jimxu ‘l quddiem. Kull familja li għaddejja minn xi tip ta’ diffikulta’ tista’ tibbenifika minn dan is-servizz, ħlief familji b’diffikultajiet t’abbuż jew vizzju tal-logħob. Dan għaliex familji b’dawn id-diffikultajiet jiġu referuti għas-servizz ta’ terapija għall-familja li toffri l-Aġenzija sedqa filwaqt li f’każijiet ta’ vjolenza domestika jew abbuż sesswali, l-familja l-ewwel tingħata l-għajnuna biex issolvi l-problema. Dan is-servizz joffri għajnuna lil a) koppji miżżewġa bi problemi fiż-żwieġ; b) familjii li għaddejin minn separazzjoni jew li għaddew minn separazzjoni; c) familji fejn hemm xi mard serju jew kroniku; d) familji fejn xi membru għandu problemi ta’ saħħa mentali; e) familji fejn hemm problemi ta’ mġiba jew dixxiplina ta’ tfal jew adolexxenti; f) familji fejn fil-passat kie hemm xi tip ta’ abbuż fuq it-tfal jew adulti. Ħafna drabi l-familja tiltaqa mat-terapista minn għaxar sa ħmistax il darba u l-laqgħat ikunu madwar darba kull tliet ġimgħat, però dan jista’ jvarja minn każ għal każ skond il-bżonn. L- istaff complement biex jitmexxa minn dan is-servizz jikkonsisti minn a) Leader waħda li għandha s-sigħat tagħha maqsumin bejn is-Servizz tat-Terapija għall-Familja u s-Servizzi Psikologici. b) 4 part-timers li magħhom hemm inkluż ukoll il-koordinatrici tas-servizz. Is-sigħat ta’ dawn l-4 ħaddiema jigi ekwivalenti għas-sigħat ta’ 2 full-timers. Informat ukoll li l- waiting list ta’ familji li qegħdin jistennew sabiex jingħataw s-servizz ta’ Family Therapy hi dik ta’ 51 familja. Din il-figura tkopri sal-31 ta’ Awwissu 2009. Ġeneralment familja tistenna minn 8 sa 12-il xahar fuq il- waiting list għall-ewwel appuntament u dan jiddependi minn laqgħat fejn jiġu evalwati l-każijiet li jkunu daħlu. Dan id-dewmien huw dovut għall-ammont ta sitwazzjonijiet li jokkupaw il- waiting list . Madanakollu f’sitwazzjonijiet urġenti, kemm jista’ jkun l-Aġenzija tipprova talloka ħaddiem minnufih
Leg 11 PQ #11935 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Spiża totali ta' mediċini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11038 u jgħid kemm hija l-ispiża totali ta' mediċini li l-Gvern xtara fis-sena 2008 u fl-ewwel sitt xhur tal-2009?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-ispiża totali ta'mediċini li nxtraw fil-perjodu indikat huwa hekk : 2008 - €72,469,300 2009(Jannar-Ġunju) - €25,952,440.
Leg 11 PQ #11936 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — ħlas tax-xogħol li sar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11039 u jgħid kemm hija l-ispiża li l-Gvern għad irid iħallas tax-xogħol li sar fuq l-Isptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #11937 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Raħal Ġdid, Furjana u Mosta — nies fil-polyclinic

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11041 u jgħid kemm nies attendew il-polyclinic ta' Raħal Ġdid, Furjana u Mosta mis-7.00am sat-8.00pm kuljum fix-xahar ta' Lulju u Awwissu 2009?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11966 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Popolazzjoni ekonomikament attiva

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10819 u jgħid kemm kienet, f’termini assoluti kif ukoll f’rati ta’ attività, il-popolazzjoni ekonomikament attiva f’Malta u Għawdex separatament kull kwart tas-sena għal kull sena mill-ewwel ta’ Jannar 2008 ‘l hawn? Kemm kienet il-popolazzjoni tax-xogħol f’Għawdex fl-istess żmien? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub maqsum f’irgiel u nisa?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11971 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Gozo Employment Aid Scheme

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 5789 u 10170 fejn intqal li mill-2009 il-Gozo Employment Aid Scheme li kienet amministrata mill-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ se tkun trasferita taħt l-Employment Aid Scheme amministrata mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ weħidha u finanzjata minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja, jista’ l-Ministru jgħid kemm Għawdxin ibbenefikaw minn din l-iskema din is-sena? Jista’ jgħid jekk huwiex l-uffiċċju tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ f’Għawdex li qed jamministra din l-iskema f’Għawdex? Jekk le, għaliex? Jekk iva, hemm xi uffiċjal maħtur speċifikament biex jamministra din l-iskema f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, kif inħatar? X’inhuma l-funzjonijiet f’Għawdex fit-tħaddim ta’ din l-iskema?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-iskema Employment Aid Programme giet imnedija fl-20 ta’ Frar ta’ din is-sena. S’issa hemm 112 persuna Għawdxija li ġew impjegati taħt din l–iskema u daħlu lura fid-dinja ta-xogħol. Informat ukoll li huwa l–uffiċju tal-KXT f’Għawdex li qed jamministra din l-iskema f’Għawdex u hemm uffiċjal maħtur apposta biex jamministra din l–iskema. Dan l-uffiċjal intgħażel wara li l-KXT imxiet mal-proċeduri ta’reklutaġġ fis-settur pubbliku kif ġej; § Ma nstab ħadd tajjeb fuq l-ewwel parti u t-tieni parti tar-reġistru. § Mit-tielet parti, intagħżlet persuna li bdiet u rriżenjat. § Inħareġ avviż pubbliku skond il-liġi § Ntgħażlet persuna oħra li għadha tħaddem l-iskema sal-lum. Il-funzjoni ta' dan l-uffiċjal hu; § Li jgħin lil min iħaddem japplika għal din l-iskema; § Li jipproċessa l-applikazzjonijiet; § Li jibgħat kull korrispondenza meħtieġa lill-applikant; u § Li jara li l-iskema miexja kif ippjanat .
Leg 11 PQ #11972 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni ngaġġati mal-kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 7195 u 10172 u ċioe: B’referenza għal paragrafu (ċ) tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 5789, jista’ l-Ministru issa jgħid il-264 persuna kif kienu ngaġġati xahar xahar u skond il-kumpanija li ngaġġathom?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11131 Sitting 153 2009-11-02 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — faċilitajiet biex ommijiet ħaddiema jreddgħu t-trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid fid-dipartimenti u uffiċċji li jaqgħu taħt id-dekasteru kollu tiegħu, x'faċilitajiet hemm għall-ommijiet ħaddiema biex ikunu jistgħu jreddgħu t-trabi tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li fid-Dipartiment u uffiċji li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi jeżistu faċilitajiet ta' dan it-tip fil-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta' l-Ugwaljanza, fid-Direttorat Frodi ta' Benefiċċji u Investigazzjoni, fl-iSptar Mater Dei, fid-Dipartiment tal-Health Information and Research u fl-Awtorità Dwar il-Mediċini. Għalkemm ma hemmx faċilitajiet f'postijiet oħra ta' xogħol, dan ma jfissirx li f'każ li ssir talba f'dan is-sens ma jsirux arranġamenti mill-ewwel biex din it-talba intlaqa'.
Leg 11 PQ #11679 Sitting 153 2009-11-02 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ministeru għall-Politika Soċjali — ċifri ta' flus f'konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu f'ċifra ta' flus f'konsulenza mill-uffiċċju tiegħu u dekasteri oħra li jaqgħu taħtu matul din is-sena s'issa? Jista' jipprovdi breakdown lil min tħallsu u kemm hija ċ-ċifra ta' flus dovuta sa l-aħħar tas-sena?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.