Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – direct order lill-One TV

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-valur u jgħid kemm-il direct order ta l-Ministeru tiegħu lil One TV fl-2016 u fl-2017, inkluż dak ta' €50,000 li ta lill-One TV f'Diċembru 2016?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma saru ebda ħlasijiet fl-2016 u 2017 lill-imsemmija kumpanija, għajr l-ammont ikkwotat fil-mistoqsija.

Forzi Armati ta’ Malta – patrol boats f’Għawdex

Question

Peress li jien ġejt infurmat illi l-patrol boats tal-Forzi Armati mhumiex awtorizzati li jagħmlu patrols in-naħa ta’ fuq t’Għawdex, jiġifieri l-ponta ta’ San Dimitri fl-Għarb sa Ras il-Qala, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux minnu, u jekk iva, għaliex?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Inħeġġeġ lill-Onor. Interpellant sabiex jivverifika s-sorsi tiegħu. Nista’ nassigurah li l-ebda parti mill-ibħra madwar Malta ma huma ristretti għall-patrol boats tal-Forzi Armati Malta.

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew – reazzjoni dwar ir-rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għar-rakkomandazzjoni segwenti tar-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew: “The Maltese Government should start an action programme against corruption and financial crime and increase the number of investigations and prosecutions. This should include special units in police and judiciary with sufficient and highly qualified staff”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3548.

Passi kontra uffiċjali tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fil-konfront tal-uffiċjal tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, issa li għaddew aktar minn tliet xhur mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-każ kontra l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament għadhom pendenti u l-aħħar seduta tal-Bord Dixxiplinarju saret fis-17 ta' Jannar, 2018.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – trasferimenti/pagamenti f’kontijiet ta’ bank

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari,? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma saru l-ebda trasferimenti ta’ flus u/jew pagamenti f’kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li qed tiġi mwieġba din il-Mistoqsija Parlamentari,

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew – rakkomandazzjoni tar-rapport — reazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għar-rakkomandazzjoni segwenti tar-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Eworpew: "The Police Commissioner should no longer be appointed by the Prime Minister but by an appropriate independent body.”?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3548.

Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew – reazzjoni dwar ir-rapport

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni uffiċjali tiegħu għar-rakkomandazzjoni segwenti tar-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew: “Mr Ferris should be granted police protection and serious consideration should be given to his application for protection under the Whistle-blower Protection Act” u senjatament jgħid jekk il-persuna msemmija ngħatatx protezzjoni tal-Pulizija kif mitlub mill-Parlament Ewropew?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux il-prassi li jingħad fil-pubbliku x’tip ta’ protezzjoni jkunu qed jingħataw individwi. U dan għas-sigurtà tal-istess individwu.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – prison warder

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il prison warden kien hemm impjegat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-2015, fl-2016 u fl-2017? Jista’ jagħti d-dettalji għall-2017, xahar b’xahar?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fis-snin imsemmija n-numru ta’ uffiċċjali korrettivi impjegati kien skont kif jidher fit-tabella t’hawn taħt : Diċembru 2015 216 Diċembru 2016 208 + 54 Trainee COs 2017 Jannar 208 + 54 Trainee COs Frar 262 Marzu 259 April 257 Mejju 255 Ġunju 254 Lulju 253 Awwissu 251 Settembru 251 Ottubru 249 + 57 Trainee COs Novembru 249 + 57 Trainee COs Diċembru 249 + 57 Trainee COs

Għawdex – Każijiet li nvolvew il-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid, matul is-snin 2015, 2016 u 2017, sena b'sena: i) kemm-il serqa ġiet irrappurtata mal-Pulizija f’Għawdex u kemm minnhom ġew solvuti? ii) kemm-il persuna nqabdet tittraffika d-droga f'Għawdex u kemm minnhom ġew imressqa l-Qorti? iii) kemm-il persuna taħt l-età nqabdet f'diskoteki jew f'postijiet fejn huma pprojbiti? iv) kemm-il persuna nqabdet tpejjep f'postijiet ipprojbiti u kemm minnhom tressqu l-Qorti jew quddiem Tribunal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' serq li ġie rrapurtat mal-Pulizija ta' Għawdex skond is-sistema kompjuterizzata tal-Korp fis-snin 2015, 2016 u 2017 kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll il-każijiet kollha li ġew solvuti fl-istess snin. Sub Class of theft 2015 2016 2017 Grand Total Statistics Section 276 259 234 769 Solved cases 68 42 27 137 Fl-istess snin l-ammont ta' persuni li nqabdu jittraffikaw id-droga f'Għawdex kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt, li tinkludi wkoll l-ammont ta' każijiet fejn tressqu dawk suspettati u dawk li għad iridu jittressqu malli jkun hemm il-kunsens. Sena Numru ta' Persuni li nqabbdu jittraffikaw id-droga Numru ta' Persuni li tressqu quddiem il-Qorti Numru ta' persuni li ghad iridu jittressqu 2015 9 7 2 2016 4 2 2 2017 10 5 5 Infurmat illi kien hemm persuna waħda taħt l-età li nqabdet f'post fejn huwa pprojbit, f'dan il-perjodu. Dwar persuni li nqabdu jpejjpu f'postijiet pprojbiti kien hemm tnejn, persuna waħda fis-sena 2015 u oħra fis-sena 2017. Iż-żewġ persuni tressqu il-Qorti.

Pulizija – Investigazzjoni fuq iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru

Question

Fid-dawl tal-fatt li kemm il-Prim Imħallef kif ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali kkonfermaw li l-pulizija jistgħu jinvestigaw anki fuq sempliċi informazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Pulizija għadhom ma fetħux investigazzjoni fuq iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li dwaru hemm mhux biss sempliċi informazzjoni iżda saħansitra mill-anqas żewġ rapporti tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) li jikkonkludu li hemm suspett raġjonevoli ta’ reat ta’ ħasil ta’ flus u liema rapporti ntbagħtu lill-Pulizija għall-azzjoni tagħha aktar minn sena ilu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Pulizija rċeviet ir-rapporti msemmijin mill-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU) u sussegwentament ittieħdu l-azzjonijiet kollha biex tinġabar l-informazzjoni li kien hemm bżonn. Infurmat li meta eventwalment dawn iż-żewġ rapporti ġew a konjizzjoni tal-Maġistrati Inkwerenti, il-Pulizija ħasset li jkun aktar għaqli li tassisti lil tali Maġistrati fix-xogħol tagħhom, u tistenna l-konklużjonijiet tar-rapporti tagħhom. Dan anke minħabba l-fatt li f'dawn l-Inkjesti Maġisterjali tqabbdu diversi esperti.

Pulizija – individwu li għadu ma tressaqx il-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Pulizija għadha ma ħadet l-ebda passi u ma resqitx il-Qorti lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, u li dwaru hemm rapport tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni li jikkonkludi li l-Kummissjoni hija moralment konvinta li hemm każ ta’ korruzzjoni u li issa ilu li ntbagħat lill-Pulizija madwar sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija għadhom qed jinvestigaw b'mod attiv il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament. Fil-fatt, kif kien ukoll magħruf fl-aħħar jiem minn rapportaġġ fil-midja, il-Pulizija qed tistenna risposti minn awtoritajiet barranin biex tkun tista’ tkompli tinterroga persuni b’relazzjoni ma’ dan il-każ. Il-livell ta’ evidenza li tiġbor il-Pulizija jkun ogħla minn dak kontenut fir-rapport tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni u li passi jittieħdu skont dak li jkun irriżulta, anke fl-investigazzjonijiet tagħha. Il-Pulizija qed tagħmel dak kollu possibbli biex, mingħajr dewmien, ittemm l-investigazzjonijiet tagħha, kif titlob il-Liġi

Korp tal-Pulizija — Assistent Kummissarju inkarigat mit-Taqsima tat-Traffiku u l-Garaxx tal-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huwa l-Assistent Kummissarju li ser ikun inkarigat mit-Taqsima tat-Traffiku u l-Garaxx tal-Pulizija wara r-riżenja tal-Assistent Kummissarju li ismu qed jingħata separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Amministrazzjoni tal-Korp tinkariga l-uffiċċjal responsabbli minn din it-Taqsima fil-ħin opportun u fl-aħjar interess tal-Korp. Preżentement din it-taqsima qed tiġi ikkoordinata minn uffiċċjal ieħor.

Għassa taż-Żejtun – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti fl-Għassa taż-Żejtun tul is-sena 2017 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalita taż-Żejtun u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizata tal-Pulizija fis-sena 2017, jammonta għal tlett mija u wieħed u sittin ( 361). Minn dawn mija u ħamsa u għoxrin (125) kienu każijiet ta’ serq.

Għassa ta’ Marsaxlokk – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti fl-Għassa ta’ Marsaxlokk tul is-sena 2017 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalità ta’ Marsaxlokk u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizata tal-Pulizija fis-sena 2017 jammonta għal mitejn u disgħa u ħamsin (259) . Minn dawn mija u disgħin (190) kienu każijiet ta’ serq.

Għassa ta’ Santa Luċija – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti fl-Għassa ta’ Santa Luċija tul is-sena 2017 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalita ta’ Santa Luċija u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija tul is-sena 2017, jammonta għal ħamsa u sittin (65). Minn dawn tmienja u għoxrin (28) kienu każijiet ta’ serq.

Għassa ta’ Wied il-Għajn – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn tul is-sena 2017 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalita ta’ Wied il-Għajn u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizata tal-Pulizija tul is-sena 2017, jammonta għal tlett mija u tlieta u għoxrin (323). Minn dawn mija u dsatax (119) kienu każijiet ta’ serq.

Għassa tal-Birgu – rapporti ta’ delitti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew rappurtati delitti fl-Għassa tal-Birgu tul is-sena 2017 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalita tal-Birgu u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizata tal-Pulizija tul is-sena 2017 jammonta għal ħamsa u disgħin (95). Minn dawn tnejn u tletin (32) kienu każijiet ta’ serq.

Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija — promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jinħarġu l-promozzjonijiet ta’ Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija peress li r-riżultat dwar l-istess, issa ilhom li nħarġu diversi ġimgħat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi għalkemm m'hemmx data dwar il-promozzjonijiet ta’ Supretendenti fil-Korp tal-Pulizija dawn ser isiru fil-futur qrib.

Korp tal-Pulizija – testijiet tal-urina fuq membri tal-Korp

Question

Peress li fil-ġranet li għaddew il-Ministru stqarr pubblikament li jsiru diversi testijiet tal-urina fuq membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex jiġi magħruf jekk humiex qed jabbużaw minn xi sustanzi illegali bħal droga, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test bħal dan sar fuq membri tal-Korp tal-Pulizija fis-sena 2017 u kemm kien hemm każijiet fejn dawn it-testijiet irriżultaw fil-pożittiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2017 ma kien hemm l-ebda suspetti ta' abbuż minn sustanzi illegali fost Membri tal-Korp u għaldaqsant ma kienx hemm talbiet sabiex isiru eżamijiet tossikoloġi tal-urina. Madankollu ir-rekluti ġodda li kien hemm fl-istess sena kollha sarulhom it-testijiet tal-urina qabel l-ingaġġ u r-riżultati kienu kollha fin-negattiv. Qed tiġi evalwata l-prassi li ntużat s’issa.

Forzi Armati ta’ Malta – testijiet tal-urina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test tal-urina sar fuq membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fis-sena 2017 u kemm kien hemm każijiet fejn dawn it-testijiet irriżultaw fil-pożittiv?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, bħala parti mill-policy interna dwar l-abbuż ta’ drogi, il-Forzi Armati ta’ Malta wettqet 235 test tal-urina. Minnhom, 5 instabu posittivi u ttieħdet l-azzjoni skont il-policy imsemmija.