Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija – decibel meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija għandux decibel meters għad-dispożizzjoni tiegħu? Jekk iva, kemm hu n-numru ta' tali meters li għandu l-Korp? F'liema għases jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Pulizija? Jekk m'għandux minn dawn il-meters għad-dispożizzjoni tiegħu, fuq liema bażi jkun hemm persuni li jiġu mressqa minħabba storbju żejjed fil-Qrati Maltin? Meta hu mistenni li l-Korp tal-Pulizija Joħroġ tender għal xiri ta' tali metres?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi l-pulizija ma għandhiex proprjetà tagħha apparat biex tkejjel b’decibles il-volum tal-ħsejjes jew ta’ storbju. Madankollu meta xi ħadd jirrapporta li sofra inkonvenjent bi ħsejjes jew storbju żejjed, il-Pulizija taġixxi u timxi skont il-provedimenti tal-liġi u skont l-evidenza miġbura, u jinħarġu akkużi kontra min jikkaġuna l-inkonvenjent, meta jkun il-każ.

Hand held speed cameras — Ħruġ ta’ kontravenzjonijiet -

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħarġu kontravenzjonijiet mill-handheld speed cameras minn meta bdew joperaw?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi dettalji disponibbli dwar kemm inħarġu kontravenzjonijiet bl-użu ta’ handheld speed cameras, huma dawk mis-sena 2019 sal-aħħar ta’ Mejju 2023. F’dan il-perjodu kien hemm erbat elef, mija u sittax-il kontravenzjoni rreġistrati.

Bini ta’ half way house għal priġunieri maskili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titlesta t-tieni half way house li qed tinbena għal priġunieri maskili? Kemm se tkun tista’ takkomoda nies?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-kollaborazzjoni eċċellenti bejn il-Gvern u l-għaqdiet li jaħdmu għar-rijabilitazzjoni tal-priġunieri, qed twassal sabiex jiġu msaħħa aktar servizzi ġodda minn dawk preżenti. Fil-fatt il-Gvern jinsab f’diskussjonijiet mal-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl sabiex anke din il-Fondazzjoni, torganizza programm ta’ rijabilitazzjojni għall-priġunieri. Dan il-programm se tkun qed tmexxih minn dar ġewwa l-Birgu. Huwa maħsub li dan il-programm jibda sa tmiem din is-sena, sakemm fil-fratemp isiru t-tħejjijiet neċessarji. Dan il-programm se jkun qed jilqa’ kemm priġunieri nisa u anke rġiel u se jkun qed jimxi skont il-ħtiġijiet u t-talbiet għall-programmi f’dak il-mument. Ukoll, Il-kolloborazzjoni bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni RISe qed tkompli tissaħħaħ sabiex jiġu provduti servizzi ġodda aktar minn dawk preżenti. Proġetti li bdiehom dan il-Gvern flimkien mal-Fondazzjoni RISe u ser ikompli jibni fuqom. Infurmat li l-proċess għal din id-dar għaddej flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar u dan il-proċess bħalissa qed jiġi kkordinat mill-Ministeru għall-Familja. Apparti dan infurmat li l-Fondazzjoni RISe sakemm jitlesta dan il-proġett, xorta waħda se testendi l-programm tagħha billi tagħmel użu minn dar oħra mikrija minn terzi li l-proċess għalih ħadet ħsiebu l-istess Fondazzjoni. Dawn il-programmi ġodda se jkunu kemm għal priġunieri femminili iżda anke dawk maskili.

Karozzi abbandunati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ karozzi li fis-snin 2021 u 2022 kienu abbandunati u li ma jkunux tneħħew mis-sidien, iżda ma setgħux jiġu rmunkati għaliex ma kienx hemm spazju ġewwa Ta’ Kandja jew fil-post identifikat f’Għawdex ? Jista’ jagħti wkoll l-istess informazzjoni għas-sena 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li minn verifiki manwali li saru mill-Korp tal-Pulizija kien hemm 619-il każ fis-sena 2021, 581 każ fis-sena 2022 u 399 każ sa April ta’ din is-sena, fejn il-Pulizija aġixxiet wara rapporti li rċeviet, ta’ vetturi li kienu mitluqa jew abbandunati, jew wara li dawn ġew identifikati waqt ir-ronda. Infurmat li fil-maġġoranza tal-każijiet il-vetturi jitneħħew mis-sidien tagħhom wara li titwaħħal in-notifika ta’ tneħħija fuq l-istess vetturi. Fil-każijiet fejn vetturi ġew irmunkati mill-Pulizija dawn ġew meħuda fil-kumpless ġewwa ta’ Kandja għal Malta u fil-lok indikat mill-kuntrattur fil-każ ta’ Għawdex. Jekk ma jiġux irkuprati mis-sidien, jinħarġu l-Avviżi tal-Pulzija relatati u għal informazzjoni ġenerali skont il-liġi, fejn il-Pulzija tkun tista’ tiddisponi minnhom wara l-perjodu stipulat. Ma' dawn dwar każi ta’ ngombru, l-Aġenzija LESA kellha 3363 rapport, u ġew irmunkati 629 vettura fis-sena 2021. Fis-sena 2022 kien hemm 2831 rapport, u ġew irmunkati 449 il-vettura u sa l-aħħar t’April 2023 kellha 2776 rapport, u ġew irmunkati 454 vettura. Ninsab infurmat illi bis-saħħa tal Liġi Sussidjarja 65.13 artikolu (3), barra mill-Pulizja u l-LESA t-tneħħija ta’ karozzi abbandunati li jkunu pparkjati fit-toroq jistgħu jitneħħew ukoll mill-Kunsilli Lokali u Transport Malta. Għaldaqstant dan juri li hemm impenn kemm mill-Korp tal-Pulizija u l-Aġenzija LESA sabiex vetturi abbandunati jkunu mneħħija, flimkien ma entitajiet oħrajn li għandhom dawn il-poteri. Tagħrif ieħor mhux disponibbli f'sistema kompjuterizzata.

Bini ta’ half way house għal priġunieri femminili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li titlesta l-half way house għal priġunieri femminili?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Issir referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2502. Il-kolloborazzjoni eċċellenti bejn il-Gvern u l-Fondazzjoni RISe qed tkompli tissaħħaħ sabiex jiġu provduti servizzi ġodda aktar minn dawk preżenti. Proġetti li bdiehom dan il-Gvern flimkien mal-Fondazzjoni RISe u ser ikompli jibni fuqhom. Infurmat li l-proċess għal din id-dar għaddej flimkien mal-Awtorità tal-Ippjanar u dan il-proċess bħalissa qed jiġi kkordinat mill-Ministeru għall-Familja. Apparti dan infurmat li l-Fondazzjoni RISe sakemm jitlesta dan il-proġett, xorta waħda se testendi l-programm tagħha billi tagħmel użu minn dar oħra mikrija minn terzi li l-proċess għalih ħadet ħsiebu l-istess Fondazzjoni. Dawn il-programmi ġodda se jkunu kemm għal priġunieri femminili iżda anke dawk maskili. Bħala Ministeru, u anke bħala parti mill-proċess rijabilitattiv li nemmnu tabilħaqq fih, inżommu kuntatt fuq bażi regolari mal-għaqdiet kollha fis-settur sabiex jiġu provduti l-aqwa programmi ta’ rijabilitazzjoni possibbli.

CCF – safar mid-Direttur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer id-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Min akkumpanjah f’kull safra u x’kien l-iskop ta’ dan is-safar? B’kollox kemm ġie jiswa dan is-safar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Kap Eżekuttiv attenda ‘Correctional Reserach Symposium 2023’ f’Porto, il-Portugall. Huwa kien akkumpanjat mill-Professur Joe Giordimaina mill-Università ta' Malta u li jassisti lill-aġenzija u minn żewġ uffiċjali mill-uffiċċju ta’ Startegy & Systems fi ħdan l-Aġenzija. L-ispejjeż tal-Kap Eżekuttiv u l-Professur Giordimaina ġew imħallsa mill-Università ta’ Malta, filwaqt li l-ispejjeż taż-żewġ uffiċjali, ġew imħallsa mill-Aġenzija u ammontaw għal €3,501.27. Ukoll il-Kap Eżekuttiv attenda it-‘28th Council of Europe Conference of Directors of Prison and Probation Services’ f’Berlin, il-Ġermanja. Huwa kien akkumpanjat mill-Professur Joe Giordimaina mill-Università ta' Malta u li jassisti lill-aġenzija u minn uffiċjal li jagħmel parti mill-Istrategy & Systems fi ħdan l-Aġenzija. L-ispiża totali għal din is-safra kienet ta’ €4,278.00.

CCF – priġunieri nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri nisa li preżentement qed jiskontaw sentenza fi ħdan il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi sad-data li qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari sitta u għoxrin (26) mara qed tiskonta sentenza ta’ priġunerija.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza- Segretarjat — Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta-Segretarju Parlamentari, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li fil-każ tas-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza r-risposta hija fin-negattiv.

Liġijiet u kawżi dwar il-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a. liema huma l-liġijiet applikabbli għall-kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi u disturb tal-ġirien; b. kemm-il kawża saret quddiem il-Qrati Maltin bejn l-2020 u Mejju 2023 dwar kontroll tal-istorbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien; ċ. kemm persuni nstabu ħatja; u d. jekk il-Gvern għandux intenzjoni jtejjeb il-liġijiet dwar storbju, ħsejjes eċċessivi, u disturb tal-ġirien, u forsi jħarrax il-pieni?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

LESA – penali marbuta ma’ rimi ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet, mill-ewwel tas-sena 2023, maqsuma xahar xahar, sal-lum, relatati ma': a. rimi ta' skart; u b. rimi ta' skart u ħruġ ta' boroż mhux mal-iskeda, kemm mhux fil-ħin u lanqas fil-ġurnata? Jista’ jgħid kemm kienet il-medja tal-penali li ġew maħruġa f’dawn il-każijiet? Jista’ jagħti din l-informazzjoni għal-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi mill-01/01/2023, sal-lum, fil-lokalitajiet ta’ Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Ħal Għaxaq u Marsaxlokk ingħataw 229 kontravenzjoni marbuta ma' skart, li jinkludi rimi ta skart mhux skont l-iskeda (li jinkludi l-ħin), rimi ta' skart b’mod abbużiv madwar il-Bring in Sites, u rimi ta’ skart b’mod abbużiv b’mod ġenerali ieħor. Kontravenzjonijiet marbuta ma' skart iġorru l-piena ta Eur150, li tiżdied għal-Eur 450 f’każ ta’ ripetizzjoni.

Kannabis – Użu — Persuni mħarrka

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9085, jista’ l-Ministru jagħti l-informazzjoni skont il-lokalità, hekk kif mitlub fl-istess mistoqsija? Jista’ wkoll iwieġeb din il-mistoqsija fl-intier tagħha u jgħid kemm kienu Maltin u barranin u kemm kienu dawk li tħarrku mill-pulizija li waqt li kienu qed isuqu l-vetturi tagħhom, kienu taħt l-effett tal-kannabis?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru totali ta’ persuni li ġew imħarrka wara li nqabdu jagħmlu użu mill-kannabis f’postijiet pubbliċi matul is-sena 2022 sal-aħħar ta’ April 2023 kienu ta’ 31. Infurmat illi n-numru ta’ persuni li ġew imħarrka fil-lokalitajiet indikati mill-Onor. Membru, wara li nqabdu jagħmlu użu mill-kannabis f’postijiet pubbliċi matul l-2022 u sal-aħħar ta’ April 2023, kien ta’ dsatax kif jidher fit-tabella riprodotta hawn taħt. It-tabella tinkludi wkoll l-etajiet u n-nazzjonalità tal-istess persuni. F’dan il-perjodu ma kienx hemm persuni li tħarrku mill-pulizija minħabba li waqt li kienu qed isuqu l-vetturi tagħhom, kienu taħt l-effett tal-kannabis. Persuni mħarrka għax inqabdu jagħmlu użu mill-kannabis f’postijiet pubbliċi Località Numru ta’ persuni mħarrka Etajiet tal-persuni mħarrka Nazzjonalità tal-persuni Paceville 2022: 9 każi 30 X 2 27 X 2 25 X 2 23 – 24 – 39 Somali X 3 Gambian X 3 Maljan – Nigerjan – Renju Unit 2023 (sa April): 1 każ 25 Ġermaniż San Giljan 2022:- - - 2023 (sa April):- - - Tas-Sliema 2022:1 każ 20 FYROM 2023 (sa April): - - - Il-Gżira 2022:- - - 2023 (sa April):- - - Marsalforn, Għawdex 2022:- - - 2023 (sa April):1 każ 17 Malti Belt Valletta 2022:- - - 2023 (sa April):4 każi 16 – 17 – 18 - 19 Kollha Maltin Marsascala 2022:- - - 2023 (sa April):3 każi 17 – 24 - 28 Kollha Maltin Total 19 il-każ

Dipartiment tal-Probation u Parole – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fid-Dipartiment tal-Probation u Parole sal-aħħar ta’ Mejju 2023 u jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ingaġġati persuni oħra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-persuni impjegati fid-Dipartiment tal-Probation u Parole sal-aħħar ta’ Mejju 2023 kienu jammontaw għal 33. Dwar ingaġġar ngħid li skont l-HR Plan tal-2023 mistenni li jsiru diversi sejħiet ta' reklutaġġ sabiex jiżdiedu l-impjegati.

Inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex l-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt traġika ta’ missier ta’ żewġt ulied, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li waqa’ tliet sulari mit-torri li qed jinbena mill-iżviluppatur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, ġewwa l-Gżira għadha ma nfetħietx minkejja li din it-traġedja ilha li seħħet? Jista’ jgħid għaliex dan id-dewmien u meta jaħseb li ser tingħalaq din l-inkjesta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza — Impjegati fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx impjegati mill-Ministeru tiegħu li jmorru jiftħu u jaħdmu fl-uffiċċju/i tal-kostitwenza?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-impjegati tas-segretarjat privat huma ingaġġati u jaħdmu b’rispett sħiħ u konsistenti mal-Engagement of Staff for Ministers’ Secretariat maħruġ mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2012. Dawn il-linji gwida għadhom fis-seħħ u fil-preżent dawn huma aċċessibbli fil-Manual on Resourcing Policies and Procedures li jikkumplimenta l-Public Service Management Code.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – Segretarjat Parlamentari — entitajiet li joperaw minn binjiet bil-kera

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għat-Riformi u l-Ugwaljanza, jgħid liema huma l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari li joperaw minn binjiet li huma mikrija? Jista’ jgħid ukoll liema binjiet huma, meta bdew jinkrew, kemm hi l-kirja kull sena u meta tagħlaq tali kirja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferri lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 8907.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza – Donazzjonijiet lil Fondazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, mis-sena 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, kemm kien il-valur finanzjarju ta’ donazzjonijiet li l-Ministeru u/jew l-entitajiet (fosthom awtoritajiet) li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, taw lill-Fondazzjoni li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista' jispeċifika meta donazzjoni kienet waħda finanzjarja u meta kienet għoti ta' servizz b'xejn jew makkinarju eċċ. u l-valur ta' tali għotja?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba mil-Onorevoli Interpellant, qiegħda fit-tabella riprodotta hawn taħt. PQ 9200 Sena Ammont Identity Malta 2019 €2,000 2020 €2,000 Residency Malta 2017 €5,000 Infurmat ukoll li Il-Forzi Armati ta’ Malta assistiet b’assi minn fuq il-baħar fl-għawma annwali li saret bejn 2015 u 2019, kif ukoll provdiet spazju fil-Parade Grounds ta’ Ħal Luqa, fejn tpoġġiet tinda kbira f’żewġ okkażjonijiet separati, għall-ballu li sar f’Ottubru tas-snin 2017 u 2018.

AFM — dgħajsa fil-periklu fi ħdan is-Search and Rescue Zone ta’ Malta

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-call logs tat-23 u tal-24 ta' Mejju 2023 bejn Alarm Phone u r-Rescue Coordination Centre, Forzi Armati ta’ Malta (AFM), fir-rigward tad-dgħajsa li kienet fil-periklu u li kellha abbord madwar 500 persuna u li kienet fis-Search and Rescue Zone ta’ Malta bil-koordinati N 34.55, E 019.45 fit-23 ta’ Mejju? X’aċċertamenti u x’azzjonijiet ittieħdu dwar din id-dgħajsa? Jista’ jgħid jekk ġietx ikkordinata operazzjoni ta’ salvataġġ mill-istess Rescue Coordination Centre?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-Forzi Armati ta' Malta diġà kkomunikaw illi wara diversi verifikazzjonijiet, il-Forzi Armati ta' Malta tikkonferma li l-ebda dgħajsa ma nstabet fil-pożizzjoni provduta u għalhekk il-FAM ma kkordinatx dan il-każ. L-Awtoritajiet Maltin m’għandhom l-ebda ġuriżdizzjoni fuq azzjonijiet awtonomi ta’ terzi f’ibħra internazzjonali.

Wied il-Għajn – dħul miċ-ċitazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm kien id-dħul tal-Gvern miċ-ċitazzjonijiet tat-traffiku li saru mis-sena 2021 sal-ġurnata li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari fil-lokalità ta’ Wied il-Għajn?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda fit-tabella riprodotta hawn taħt. Dan l-ammont ma jinkludix l-ispejjeż relatati ta’ operat. Year Issue / Agency Value Paid 2021 LESA €171,451.40 Malta Police Force € 44,792.62 2022 LESA €112,476.71 Malta Police Force € 25,070.45 2023* LESA € 42,536.55 Malta Police Force € 9,953.34 * sal-31 ta’Mejju 2023

Ta’ Kandja — vetturi li jiġu towed

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8723, jista' l-Ministru jgħid x'jiġri mill-vetturi li jkunu qed jokkupaw l-ispazju fil-compound ta’ Ta' Kandja? Jista' jgħid jekk dawn jiġux irkantati jew scrapped, u jekk iva, wara kemm żmien? Jekk iva, jista' jipprovdi tabella ta' kemm vetturi ġew irkantati jew scrapped mill-compound għal kull xahar minn Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi wara li jkunu ġew irmunkati, meta vetturi bi status ta’ abbandun u ingombru li jkunu miżmuma għal finijiet tal-Artikoli relevanti tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 65.13, fil-kumpless f’Ta' Kandja, ma jiġux irkuprati mis-sidien leġittimi tagħhom, jinħarġu l-avviżi fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jgħarraf lill-pubbliku li dawn jkunu ser jitqiegħdu għall-bejgħ jew jiġu meqruda, jekk ma jittiħdux mis-sidien tagħhom fi żmien stipulat wara l-pubblikazzjoni ta’ dawn l-avviżi u skont provedimenti oħra tal-liġi. Infurmat illi kien hemm avviż għal ħamsin vettura fi Frar tas-sena 2022 maħruġa mill-Pulizija u wara li l-ebda wieħed mis-sidien ma resaq biex jirkupra l-vettura tiegħu, dawn ġew distrutti. F’Jannar ta’ din is-sena kien hemm avviż ieħor għal sebgħa u tletin vettura, però bl-istess eżitu u avviż ghal vettura oħra f’Mejju, li wkoll ħadd ma rkupra jew offra li jixtri. Ħlief għal waħda, dawn il-vetturi jinsabu fi stadju li jiġu meqruda. Fit-tlett instanzi kien hemm avviż ta’ rkant, però ma kienx hemm espressjoni ta’ interess għax-xiri tal-vetturi. Infurmat ukoll li ġewwa l-kumpless ta' Kandja ma jinżammux biss vetturi bi status ta’ abbandun u ingombru iżda wkoll diversi vetturi li huma esebiti tal-Qorti - vetturi li huma suġġetti għal-inkjesti maġisterjali (speċjalment dawk konnessi ma' inċidenti tat-traffiku), kif ukoll dawk li huma suġġetti għal investigazzjonijiet tal-Pulizija.