Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel — President Kunsill tal-Iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru naqas milli jaħtar President tal-Kunsill tal-Iskola għaċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, skont l-obbligu legali tiegħu? Jista’ jgħid ukoll x’passi ttieħdu biex jiġi żgurat li dan ma jerġax jiġri?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru msemmi għandhom President.

Ċentru tar- Riżorsi Guardian Angel- Kunsill tal-Iskola — Rappreżentanza tal-istudenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu biex tiġi żgurata rappreżentanza tal-istudenti fil-Kunsill tal-Iskola taċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel, speċjalment għaż-żgħażagħ li ma jitkellmux?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena skolastika li għaddiet fl-iskola kien hemm 77 student li 11 minnhom kienu parti mill-kunsill tal-istudenti.

Ċentru ta’ Riżorsi Guardian Angel — Involviment tal-ġenituri u tal-professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu biex jiġi garantit l-involviment tal-ġenituri u tal-professjonisti fid-deċiżjonijiet li qed jittieħdu fiċ-Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull skola, l-iskola ta’ Guardian Angel għandha l-Kunsill Skolastiku li jiġi ffurmat minn ġenituri u rappreżentanza tal-istaff. L-iskola taddotta wkoll open door policy fejn ġenituri, staff jew professjonisti jistgħu jitkellmu mal-Kap tal-Iskola jew Deputati Kapijiet.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Mistoqsijiet Parlamentari mwieġba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mistoqsijiet parlamentari wieġeb f’din il-leġiżlatura?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Safar fuq xogħol uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba siefer barra mill-pajjiż fuq xogħol uffiċjali kull membru fil-Ministeru tiegħu (inkluż hu bħala Ministru), xahar b’xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm intefqu flus bħala ‘hospitality’ mill-Ministeru tiegħu f’kull mawra barra mill-pajjiż, fiex kienet tikkonsisti din l-ispiża f’hospitality, id-data ta’ meta ntefqu dawn il-flus u minn liema membru tal-Ministeru ntefqu dawn il-flus f’hospitality?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħti ħarsa lejn il-“Manual on Transport and Travel Policies” li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra li jirregola l-arranġament ta’ vjaġġar, akkomodazzjoni barra l-pajjiż, delegazzjonijiet, u per diem allowances.

Edukazzjoni — Spiża

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 23329, 25601, 28028 u 28766 u jgħid kemm jiswa student lill-Gvern tul l-edukazzjoni tiegħu sal-Università?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jinvesti madwar €146,000 fuq kull student tul l-edukazzjoni tiegħu sabiex jingħata l-għodod neċessarji u l-edukazzjoni mistħoqqa.

Studenti b’diżabilità intellettwali u multipla — Taħriġ għat-tuturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet strutturati biex jiġi żgurat li t-tuturi jirċievu taħriġ għal żvilupp professjonali regolari u speċjalizzat biex jissodisfaw il-bżonnijiet tal-istudenti b’diżabilità intellettwali u multipla? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-pjanijiet?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal kull skola oħra, l-iskejjel speċjalizzati huma magħmula minn edukaturi u mhux tuturi. Dawn l-edukaturi igawdu l-istess numru ta’ sigħat ta’ taħriġ bħal kull edukattur ieħor. Jekk l-iskola tħoss li hemm bżonn sigħat addizzjonali, il-Kap tal-Iskola u l-Kapt tal-Kulleġġ jagħmlu talba lid-Direttur Ġenerali. Dwar it-temi tal-istess taħriġ, dawn jintgħażlu wara li ssir evalwazzjoni interna mis-Senior Leadership Team u anke diskussjoni mal-istess edukatturi. Dan sabiex jiġi żgurat li t-temi li jintgħażlu jirriflettu l-bżonnijiet kurrenti tal-iskola

Ċentri tar-Riżorsi — Segregazzjoni tat-tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li ċ-Ċentri tar-Riżorsi huma segregati b’mod li t-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu fihom ma jitħallewx jaqsmu l-bitħa u jitħalltu ma’ studenti oħrajn?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-ebda ħin it-tfal ma jiġu segregati, tant hu hekk li ċertu attivitajiet jiġu organizzati flimkien. Infurmat li l-Iskola Primarja Mainstream ta’ Qrendi u ċ-Ċentru tar-Riżorsi ta' Helen Keller jaqsmu l-istess bitħa u sala. Fil-fatt, jiġu organizzati diversi attivitajiet flimkien, kemm fil-bitħa kif ukoll fis-sala, bħal Sports Days, Bike Ride, attivitajiet tal-Milied u dawk tal-Karnival, quddies u assemblies speċjali. Għalhekk, hemm inklussivita attiva bejn it-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu ż-żewġ skejjel. Fil-każ tas-Sannat Special Unit, l-istudenti jkunu flimkien fil-ħin tal-break u anke xi attivitatjiet organizzati mill-iskola.

Ftehim — Kulleġġ Maria Regina u San Nikola - Early Arrival and Dismissal Supervision

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29246, fejn ingħata r-ratio ta’ kemm għandu jkun hemm membri tal-istaff (inkluż SLT) għal kull skola f’dawn iż-żewġ kulleġġi għall-early supervision u dismissal supervision, jista’ l-Ministru jgħid kemm attwalment, bħalissa, qegħdin jiġu assenjati membri tal-istaff (inkluż SLT) għal kull skola f’dawn iż-żewġ kulleġġi għall-early supervision u dismissal supervision?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li m’għandix x’inżid mat-tweġiba li diġa tajt, ħlief li nenfasizza l-fatt li l-edukaturi kollha inkluż dawk SLT jistgħu japplikaw sabiex joffru dawn is-servizzi.

Il-Mosta – Skola Sekondarja taż-Żokrija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22389, 25600, 28027 u 28765 u jgħid jekk hux ser issir estensjoni fl-Iskola taż-Żokrija l-Mosta? Jista’ jgħid kemm ser jiżdiedu klassijiet u kif ser ssir l-estensjoni pereżempju jekk hux ser jinbena sular ieħor? Jekk ser ssir estensjoni, din ser issir matul is-sena skolastika għad-detriment kemm għal saħħet l-istudenti kif ukoll l-edukaturi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Żgħażagħ mhux verbali — Komunikazzjoni bis-sinjali

Question

Jista’ l-Ministru jikkonsidra li jiġu implimentati fl-iskejjel kollha madwar Malta, mudelli effettivi ta’ komunikazzjoni bis-sinjali sabiex iż-żgħażagħ mhux verbali jkollhom din l-għodda bażika universali għad-dispożizzjoni tagħhom meta jiġu biex jitilqu mill-iskola?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-proposta tmur id f’id mal-prijoritajiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, hekk kif l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri huma perfettament allinjati mal-Politika Nazzjonali tal-Inklużjoni. Fl-iskejjel diġà qed jintużaw sistemi ta’ Komunikazzjoni Awtentika Alternattiva bl-Ingliż Augmentative and Alternative Communication (AAC), dawn jinkludu kemm mezzi no-tech, low-tech kif ukoll high-tech, skont il-bżonnijiet individwali tal-istudent. Eżempju ta’ mezz no-tech, huwa l-użu fl-iskejjel tal-key word signing li hija sistema fejn jiġu enfasizzati biss il-kliem ewlenin f’sentenza permezz ta’ sinjali. Filfatt ħafna skejjel diġà jirċievu taħriġ bażiku fil-key word signing mill-speech and language pathologists, speċjalment taħriġ lill-Learning Support Educators (LSEs) meta jintalab il-bżonn mill-iskejjel rispettivi. Għodod low-tech jinkludu sistemi bħal PECS ( Picture Exchange Communication System ), fejn l-istudenti jużaw flashcards jew simboli biex jikkomunikaw, kif ukoll bords ta’ komunikazzjoni jew bords bl-alfabett li jistgħu jindikaw b’subgħajhom. Dawn huma soluzzjonijiet sempliċi iżda effettivi, speċjalment meta ma jkunx hemm aċċess għal teknoloġija elettronika. Min-naħa l-oħra, mezzi high-tech jistgħu jinkludu tablets jew devices elettroniċi li jipproduċu ħoss jew diskors sintetiku meta l-istudent jagħżel simbolu jew frażi bħal pereżempju l-użu ta’ apps bħal Proloquo2Go jew GoTalk NOW . F’każijiet aktar kumplessi, l-istudenti jużaw sistemi b’ kontroll bil-ħarsa tal-għajnejn ( eye gaze ) , speċjalment għal studenti b’mobilità limitata. Dawn is-sistemi kollha għandhom rwol kruċjali biex itejbu l-indipendenza tal-istudent u jħeġġu parteċipazzjoni attiva fil-klassi. L-edukaturi li jkunu qed jaħdmu ma’ dawn l-istudenti jiġu pprovduti b’taħriġ addekwat, flimkien mal-kustodji rispettivi tagħhom, sabiex tiġi żgurata kontinwazzjoni effettiva bejn dak li jsir id-dar u dak li jsir fl-ambjent tal-iskola. Permezz ta’ dawn l-għodod kull student jista’ jesprimi ruħu b’mod denju u indipendenti.

Tneħħija ta’ għodod edukattivi/sistemi ta’ assistenza

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għaliex tneħħew ċerti għodod edukattivi jew sistemi ta’ assistenza mingħajr konsultazzjoni minn qabel, bħal CLICKER 8, u ġew riattivati u installati mill-ġdid wara pressjoni li saret u wara li l-liċenzja ġiet irtirata għal diversi xhur mingħajr avviż?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Clicker 8 ma ġietx imneħħija u qed topera b’mod normali.

Ċentri tar-Riżorsi — Taħriġ lit-Tuturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema investimenti speċifiċi fit-taħriġ professjonali għat-tuturi ffukat fuq l-istudenti saru matul dawn l-aħħar ħames snin, biex jiġi żgurat li Ċentru tar-Riżorsi bħal Ċentru tar-Riżorsi Guardian Angel ikun attraenti għall-professjonisti kwalifikati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Skola Sekondarja Żejtun – Skema BM40

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-fondi tal-iskema BM40 ġew allokati lill-Iskola Sekondarja taż-Żejtun tul dawn l-aħħar sentejn u kemm attwalment intefqu fondi? Jista’ jgħid ukoll għal liema raġunijiet dawn ġew approvati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola msemmija fl-2024 nefqu €720.50 biex isir kors għall-istudenti. Infurmat li fl-2025 s’issa l-iskola msemmija nefqet €109 li ntużaw għax-xiri ta’ mejda għall-istudenta bi bżonnijiet speċjali.

Skola Primarja Żejtun – Skema BM40

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-fondi tal-iskema BM40 ġew allokati lill-Iskola Primarja taż-Żejtun tul dawn l-aħħar sentejn u kemm attwalment intefqu fondi? Jista’ jgħid ukoll għal liema raġunijiet dawn ġew approvati?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskola Primarja A taż-Żejtun fl-2024 nefqu €3,438.73, filwaqt li ll-iskola Primarja B taż-Żejtun fl-2024 ma nefqet l-ebda fondi. Infurmat li fl-2025 s’issa l-iskola msemmija ma nefqitx fondi mill-iskema msemmija.

Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni –  Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2025?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Raħal Ġdid — Ġnien il-Mediterran

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25403, dwar xogħlijiet fil-Ġnien il-Mediterran f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol sar minn April 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

CDAU – Tlestija tal-Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22399 u 24896 u jgħid kemm hawn tfal li laħqu l-età li jibdew skola kinder, iżda minħabba li għadhom qegħdin jistennew li l-assessment ikun komplut miċ-Child Development and Assessment Unit (CDAU), għadhom fiċ-Child Care u jkollhom iħallsu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 24987.