Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjan biex jintlaħaq il-commitment li ħa l-Gvern Malti f'Dubai waqt il-COP 28, sabiex jirdoppja ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija sas-sena 2030?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nikkonferma r-rieda qawwija tal-Gvern li jwettaq dak li kien mifthiem waqt COP28, fejn il-pajjiżi qablu li jirduppjaw b’mod kollettiv l-isforzi tagħhom lejn l-effiċjenza fl-enerġija. F’dan il-kuntest, il-Gvern jibqa’ mpenjat b’mod kollettiv li jinkoraġġixxi l-użu t’apparat iktar effiċjenti kif ukoll sistemi ta’ insulazzjoni li jnaqqsu l-bżonn t’enerġija fil-bini. Is-settur tal-bini u l-kostruzzjoni għandu sehem ewlieni u l-Onor. Interpellant jista’ wkoll jirreferi għal-Long Term Renovation Strategy immexxija mill-Awtorità tal-Bini u Kostruzzjoni.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-kuntest globali l-commitments meħuda minn Malta u l-Istati membri l-oħra tal-Unjoni Ewropeja, taħt id-direttivi preżenti, hekk kif riflessi fil-pjan nazzjonali integrat dwar l-enerġija u l-klima, jindirizzaw il-ħtieġa li jintlaħaq l-għan globali li tirdoppja ż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija sas-sena 2030.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intefqu flus fi Project Green f'termini ta' reklamar, b'ammont totali, kif ukoll break down tal-ispejjeż: reklamar fuq il-midja soċjali, retainers, billboards, events, PR officials, videos, ritratti, reklamar; gazzetti, reklamar onlajn, konferenzi stampi, eċċ.?
Response (DALLI, MIRIAM)
Wieħed mill-għanijiet ta’ Project Green huwa li tinkoraġġixxi u żżid dejjem aktar l-użu tal-ispazji miftuħa mill-pubbliku u b’hekk tinvesti wkoll f’reklamar differenti biex aktar nies isiru jafu dwar il-parks li inawgurat u li qed tamministra flimkien mal-attivitajiet li jħeġġu aktar nies biex jiffrekwentaw u jgawdu dawn l-ispazji miftuħa. Ninsab infurmata li madwar €78,700 intefqu fuq reklamar għal programmi tat-televiżjoni u gazzetti. Madwar €8,760 intefqu fuq ritratti u videos li ntużaw għar-reklamar fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni. Filwaqt li €16,407.50 intefqu fuq reklamar online u permezz ta’ social media, €9,000 fuq billboards, €1,500 fuq retainers u €7,507 fuq reklamar fuq ir-radju.
Tista' l-Ministru tgħid meta Wied il-Qlejgħa fir-Rabat ser jingħata l-importanza li tixraqlu billi ssir il-manutenzjoni meħtieġa, bħalma kien sar bejn l-1996 u l-1998 minn Gvern Laburista, peress li hemm telqa u abbandun, qagħda u sitwazzjoni prekarja li hija ta’ periklu minħabba l-fatt li hemm siġar miksurin u ħitan imwaqqa' kull fejn tħares?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2019 u l-2023 saru xogħlijiet estensivi fil-parti ta’ fuq ta’ Wied il-Qlejgħa (il-parti tal-wied magħrufa popolarment bħala Chadwick Lakes) fejn tneħħiet veġetazzjoni invażiva u sediment li kien akkumula matul is-snin sabiex ġiet ristabbilita l-kapaċità tal-ilqugħ li jilqgħu l-ilma fil-wied kif ukoll ingħata spazju għall-veġetazzjoni naturali tal-wied biex tikber. Fil-fatt, il-kapaċità tal-ilqugħ tal-ilma fil-wied permezz ta’ dawn ix-xogħlijiet żdiedet bi 30,000,000 litru, filwaqt li l-ekoloġija tal-wied saret tirrifletti l-karatteristiċi naturali ta’ pajjiżna. L-interventi f’din il-parti tal-wied kienu jinvolvu wkoll it-tiswija ta’ diversi sezzjonijiet ta’ ħitan tas-sejjieħ li waqgħu u reġgħu nbnew. Ix-xogħlijiet ta’ restawr ekoloġiku għadhom għaddejjin u qed jigu kordinati minn Nature Trust Malta.
Sakemm kienu qegħdin isiru dawn ix-xogħolijiet kien hemm parti mit-triq ta’ matul l-ilqugħ prinċipali li ċediet. Minħabba li studji li saru fis-sit indikaw deterjorazzjoni matul l-ilqugħ kollu, ġie deciz li din it-triq tinbena mill-ġdid u x-xogħlijiet li nbdew is-sena li għaddiet jinsabu għaddejjin.
Ix-xogħlijiet fuq il-parti t’isfel ta’ Wied il-Qlejgħa huma mistennija li jinbdew fit-tieni kwart ta’ din is-sena wara li sar studju u ġew identifikati l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom jittieħdu.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi żmien stipulat minn meta ssir it-talba minn sid il-post biex jinħareġ il-Compliance Certificate min-naħa tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma toħroġx Compliance Certificates.
Tista' l-Ministru tagħti lista fuq xiex jikkostitwixxi l-192,000 tunnellata ta' skart mhux riċiklabbli f'sena, li ħa jinħaraq fl-inċineratur tal-Magħtab?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjant għandu l-kapaċità li jipproċessa diversi tipi ta’ skart. Il-kategoriji primarji huma dawn li ġejjin: borża sewda, rejects minn proċessi oħra ta’ WasteServ, skart goff li ma jistax jiġi riċiklat, RDF, injam mhux tajjeb għar-riċiklaġġ u tindif tat-toroq.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Direct Orders
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħataw direct orders u l-ammont totali tal-valur tagħhom, matul is-sena 2023, xahar b'xahar, mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni dettaljata ta’ kif qed jintefqu s-sussidji fuq l-enerġija? Tista’ tagħti breakdown u tinkludi d-dettalji pertinenti dwar dan għas-sena 2023?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2023 investejna €243,173,494 biex komplejna nassiguraw stabbiltà fil-prezzijiet kollha tal-enerġija. Permezz ta’ dan l-investiment f’sussidji bqajna nagħtu sostenn u serħan il-moħħ lill-familji u n-negozji fejn jidħlu l-prezzijiet tad-dawl, tal-fuel u taċ-ċilindri tal-gass.
Matul is-sena li għadha kemm intemmet, investejna €162,723,168 sabiex komplejna niggarantixxu prezzijiet stabbli tal-elettriku. Bl-istess mod, l-għajnuna fil-qasam tax-xiri tal-fuels ammontat għal €64,455,031, filwaqt li sostnejna wkoll ix-xiri tal-gass LPG b’sussidju li ammonta għal €15,995,295.
Fid-dawl li f'dawn l-aħħar ġimgħat u ġranet baqgħet tippersisti l-problema ta' ħruġ ta’ drenaġġ mill-impjant tal-Fessej għal ġol-bajja tax-Xatt l-Aħmar u ż-żoni tal-madwar, tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li tiġi solvuta din l-imsemmija problema darba għal dejjem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-immedjat l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’tindif u manutenzjoni ma taqta’ xejn sabiex tiġi mtaffija din is-sitwazzjoni. Riżultat ta’ din il-ħidma, infatti preżentament m’hemm l-ebda fawran ta’ drenaġġ. Id f’id ma’ dan, il-Korporazzjoni qed tiddisinja wkoll sistema ta’ drenaġġ mill-ġdid sabiex tkun iktar robusta u tilqa’ aħjar għal eventwalità ta’ żieda fid-domanda. Din is-sistema se tkun qed tinkorpora fiha pumping station kif ukoll sistemi ta’ pajpijiet ġodda.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14115, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni kollha li ssemmew f’dik l-istess tweġiba għall-perjodu mill-ewwel ġurnata tal-impjieg ta’ dawn il-persuni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed tipproduċi metri kubi ta' new water kuljum kull polishing plant separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-impjant ta’ Barkat jipproduċi 2,500 metru kubu kuljum ta’ new water, dak taċ-Ċumnija jipproduċi 4,000 metru kubu kuljum u dak ta’ Ras il-Hobż f’Għawdex jipproduċi 2,000 metru kubu kuljum.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed twettaq proġett ta' €25 miljun, b'fondi Ewropej, biex testendi s-servizz tan-New Water għal aktar bdiewa u żżid il-produzzjoni ta' dan l-ilma riċiklat b’6,000 metru kubu ieħor kuljum.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hi d-domanda ta' new water kull ġurnata f'metri kubi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li fl-aħħar sentejn (2022 u 2023) il-Korporazzjni għas-Servizzi tal-Ilma pproduċiet 3.2 miljun metru kubu ta’ new water u dan ittieħed kollu mill-bdiewa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' undervoltage jew overvoltage rċeviet l-Enemalta mill-1 ta' Jannar tal-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari fil-Bidnija, maqsuma xahar b’xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċellerat ta’ rinfurzar madwar il-gżejjer Maltin. Fil-Bidnija, aktar tard din is-sena ser tiġi ikkummisjonata substation ġdida.
Tista' l-Ministru tagħti spjegazzjoni għalfejn ħafna residenti fil-Bidnija baqgħu jsofru minn problemi fil-provvista tal-elettriku kontinwament minkejja li nbniet substation fil-viċinanzi, u tgħid jekk hux se jsir rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni biex titranġa s-sitwazzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala parti mill-pjan ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni ser issir substation ġdida fil-Bidnija. Għalkemm il-binja fejn se ssir diġà nbniet, din is-substation ser tkun ikkumissjonata aktar tard din is-sena. Infurmata li ħafna mill-infrastruttura li hemm fil-Bidnija hija waħda ‘overhead’ u għalhekk hija esposta għall-elementi kollha tan-natura. Parti mill-qtugħ fil-provvista tal-elettriku kien relatat ma’ xogħlijiet ta’ manutenzjoni li kienu ppjanati fejn il-klijenti jiġu notifikati minn qabel li se jkun hemm interruzzjoni fis-servizz.
Tista' l-Ministru tgħid kemm intefqu flus s'issa fi Project Green, u tagħti break down ta' dan l-infiq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13926, nispjega li fejn jingħad li l-proċess għadu għaddej, in-nefqa indikata hija l-istima ta’ kemm mistenni jiswa l-proġett meta jitlesta.
Tista' l-Ministru tgħid kemm intefqu flus fi Project Green f'termini ta' reklamar, b'ammont totali kif ukoll break down tal-ispejjeż f'reklamar fuq il-midja soċjali, retainers, billboards, events, PR officials, videos, ritratti, reklamar f'gazzetti, reklamar onlajn, konferenzi stampi, eċċ.?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsia parlamentari 11127, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol, u tgħid x’inhi l-istima ta’ telf għall-ekonomija tal-pajjiż minħabba l-qtugħ fil-provvista tad-dawl fl-aħħar erbat ijiem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 11831.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm mis-70km ta’ cables ta’ 11-il kilovolt, li ġew imħabbra li ser isiru mill-Enemalta fil-ġranet li ġejjin, ser isiru ġewwa Għawdex u f’liema lokalità ser isiru matul is-sena 2024?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta għaddejja bi pjan aċċelerat għat-tisħiħ tas-sistema ta’ distribuzzjoni fil-gżejjer Maltin. Dan il-pjan se jwassal għal rinfurzar fuq livell ta’ 11kV billi din is-sena ser jiġu mpoġġija cables minn Nadur San Blass substation sa Nadur Buskett Substation, Xagħra St. Joseph substation sa Xagħra Ġgantija substation, u Xlendi substation sa Xlendi Ulysses substation. Aktar tisħiħ huwa ppjanat għas-sena 2025 biex in-network ta’ distribuzzjoni f’Għawdex ikompli jiġi msaħħaħ skont id-domanda futura.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Direct Orders
Question
Tista’ l-Ministru tipprovdi lista ta' kemm-il direct order għall-fotografi jew vidjografi inkarigati mill-Ministeru li ngħataw f'din l-aħħar sena u dan billi tipprovdi l-isem tal-kuntrattur, id-dati tal-inkarigu, l-attivitajiet li saru u kif ukoll l-ammonti mħallsa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li, fir-rigward tas-servizzi li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant, f’din l-aħħar sena ngħatat direct order waħda, b’valur ta’ €6,350 għal servizzi ta’ filming u editing waqt il-konferenza tal-Ministri tal-Enerġija tal-pajjiżi tan-nofsinhar tal-Unjoni Ewropea (Med 9). L-operatur ekonomiku kien tribe (Emineo Ltd.).
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Deputati tal-Oppożizzjoni
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14115, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra sick leave requests u approvals relatati mal-persuni kollha li ssemmew f’dik l-istess tweġiba għall-perjodu mill-ewwel ġurnata tal-impjieg ta’ dawn il-persuni sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f'seduta oħra.