Legislature:
Category:
Reset
Active:

Birgu – Irwejjaħ tad-drenaġġ mill-baħar quddiem il-Monument tal-Ħelsien

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux qegħdin ikunu investigati l-irwejjaħ kbar ta’ drenaġġ li hemm fil-baħar quddiem il-Monument tal-Ħelsien fil-Birgu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-jiem li ġejjin il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, flimkien ma’ Infrastructure Malta se jwettqu xogħlijiet f’Misraħ ir-Rebħa. Permezz ta’ dan l-intervent l-imsemmija irwejjaħ għandhom jiġu indirizzati.

Noise Control Commission – problema ta’ noise pollution

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4271, u peress li r-referenzi li ngħataw ma jagħtux tweġiba għall-mistoqsija li saritilha, tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4271 u tgħid jekk hemmx xi persuna/i jew kummissjoni li tagħti parir lill-Ministru fuq kwistjonijiet ġenerali relatati mal-istorbju, peress li n-Noise Control Commission m’għadhiex topera u allura m’għadhiex taqdi din il-funzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nerġa nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tagħha stess numru 4271, li tagħmel referenza għal mistoqsija parlamentari numru 2258 li twieġeb tajjeb il-mistoqsija li qed tagħmel. Imma peress li l-Onorevoli Interpellanta jidher li ma fehmitx t-tweġiba, niċċaralha għal darb’oħra li l-awtorità għal-Ambjent u r-Riżorsi li taqa’ taħt il-Ministeru għal-Ambjent, L-Enerġija u l-Intrapriża, hija responsabbli skond ir-Regolamenti dwar Valutazzjoni u Maniġġjar ta’ Ħsejjes fl-ambjent (L.S.549.37), tistabbilixxi metodi biex jiġu evitati, issir prevenzjoni u jkunu mnaqqsa ħsejjes fl-ambjent fosthom permezz ta’ mapep tal-ħsejjes. Dan ir-regolament mhux intiż biex jindirizza ħsejjes fuq livell individwali.

Problema ta’ noise pollution

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4272, u peress li r-referenzi li ngħataw ma jagħtux tweġiba għall-mistoqsija li saritilha, tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 4272 u tgħid jekk il-Gvern għandux ħsieb li jipproponi qafas leġiżlattiv sabiex tiġi regolata l-problema ta’ noise pollution b’mod ħolistiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-risposta li tajtha għall-mistoqsija tagħha stess numru 4272, li tagħmel referenza għat-tweġiba għal mistoqsija 2258 u allura għall-qafas legali li jirregola ħsejjes fl-ambjent.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ remote working?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working u teleworking jiġu reveduti skont il-ħtieġa fuq il-bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartimenti u s-servizz li jrid jingħata.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — persuni li jaħdmu bit-teleworking

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ħaddiema mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, jistgħux ikomplu jaħdmu permezz ta’ teleworking?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara kull terminu ta’ kull kuntratt, l-arranġamenti għar-remote working u teleworking jiġu reveduti skont il-ħtieġa fuq il-bażi li jkun hemm bilanċ bejn id-dmirijiet u l-ħtiġijiet tal-uffiċjali, kif ukoll li jintlaħqu l-obbligi tad-Dipartimenti u s-servizz li jrid jingħata.

REWS – Membri tal-Bord

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fil-preżent min huma l-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) u jekk hemmx xi vacancies fuq dan il-Bord?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq il-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma ma hemm l-ebda vakanza. Il-persuna maħtura fil-preżent huma l-Inġ. James Camenzuli (President), is-Sur Mario Azzopardi (Viċi-President), is-Sur Frederick Cutajar (Membru), is-Sa Doriette Scicluna (Membru), is-Sa Mary Grace Gauci (Membru), is-Sur Kenneth Busuttil (Membru), id-Dott. Ana Thomas (Membru) u id-Dott. Claudio Zammit (Segretarju).

REWS – Kawżi pendenti fejn qed jiġu kontestati deċizijonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-kawżi attwalment pendenti fejn qed jiġu kontestati deċiżjonijiet tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS)? F’kull każ, tista’ tagħti l-okkju tal-kawża u quddiem liema Qorti jew Tribunal hu pendenti l-każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

GEB Landscaping Malta — xogħlijiet f’Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq, areas u roundabouts ġewwa Għawdex li huma indukrati/miżmuma (embellished) mill-GEB Landscaping Malta? Tista’ tgħid kemm hemm ħaddiema li b' mod regolari jaħdmu ġewwa l-gżira Għawdxija fuq dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba, filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament hemm 5 ħaddiema impjegati fuq dawn ix-xogħolijiet mal-GEB u li bħalissa għaddej il-proċess sabiex jiżdiedu tlett ħaddiema oħra.

Permess — xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar jekk ix-xogħol skont il-permess, li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, għadux fil-pjan li jsir? Jekk iva, is-sidien tal-proprjetà li minnhom mistenni jsir ix-xogħol marbut ma' dan il-permess ġew ikkonsultati u mgħarrfa bix-xogħol li ser isir fil-proprjetà tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol għadu ippjanat li jsir u t-tali proċess jinsab fi stadju ta’ għoti ta’ kuntratt. Kull applikazzjoni ta’ easement tiġi ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern. Il-Kunsill Lokali huwa mgħarraf dwar il-proġett u qiegħed fi qbil miegħu.

San Pawl il-Baħar – xogħol in konnessjoni man-new water

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar meta mistenni jitlesta x-xogħol marbut man-new water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar? Meta hu mahsub li l-istess ilma jibda jintuża mill-bdiewa tal-inħawi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet fuq is-sistema tal-mejnijiet tad-distribuzzjoni tan-New Water f’San Pawl il-Baħar mistennija jitlestew aktar tard din is-sena. Dispensers apposta ser jiġu nstallati għall-aħħar tas-sena 2023. B’hekk il-bdiewa mistenni jkollhom aċċess għan-New Water fl-2024.

Enemalta — talbiet għal Bozoz ġodda mill-kunsill lokali ta' San Pawl il-Baħar

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm-il talba għal bozoz pubbliċi ġodda rċeviet l-Enemalta mill-2019 sal-lum mill-kunsill lokali ta’ San Pawl il-Baħar? Kemm minn dawn ġew approvati u kemm ġew rifjutati? Fejn huma l-bozoz li ġew approvati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-risposta tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Triq San Pawl u Triq Parades - bozoz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 5007 u 5187 dwar bozoz mitfijin fi Triq San Pawl u Triq Parades, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tgħid jekk l-Enemalta rċevietx rapporti dwar dawn il-każijiet u jekk iva mingħand min waslu dawn ir-rapporti u meta waslu? Tista’ tgħid meta u kif ġew indirizzati l-ilmenti dwar bozoz mitfijin fl-imsemmijin toroq, jekk dan hu l-każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Enemalta m’għandha l-ebda notifika dwar bozoz mitfijin fi Triq Parades. Dwar rapporti fuq ħsarat fid-dawl pubbliku fi Triq San Pawl, l-Enemalta kellha żewġ rapporti mill-Kunsill ta’ bozoz mitfija u dawn ġew irranġati.

Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5015, tista' l-Ministru tikkonferma li l-għeluq ta' toroq minħabba l-imsemmija xogħlijiet ma jikkoinċidix mal-għeluq ta' toroq u devjazzjonijiet oħra minħabba xogħlijiet ippjanati ta' manutenzjoni jew proġetti oħra bħal dak ta' ħdejn l-ajruport? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-traffic management li ser ikun applikat għal kull fażi tax-xogħlijiet imsemmija fil-mistoqsija parlamentari 5015?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għat-tisħiħ tas-sistema tad-drenaġġ f'Birżebbuġa qiegħda fi stadju ta' abbozz. Kif l-abbozz ikun iffinalizzat, s-sejħa ppubblikata, u sussegwentement jiġi ffirmat il-kuntratt, il-kuntrattur magħżul huwa obbligat jissottometti pjan ta' traffic management għall-iskrutinju u l-approvazzjoni ta' Transport Malta

Rimi ta’ affluwenti minn kumpanija fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament terġa’ titħalla tarmi l-effluwenti tagħha fis-sistema tad-drenaġġ u jekk iva, meta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rimi ta’ effluwenti fis-sistema tad-drenaġġ huwa regolat mil-leġiżlazzjoni sussidjarja S.L.545.08

Birżebbuġa – Pjan ta’ azzjoni għal upgrading fis-sistema tad-drenaġġ

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5015, tista' l-Ministru tgħid minn liema fondi ser jitħallas dan l-upgrade?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju l-proġett se jiġi ffinanzjat minn fondi lokali, kif inhi l-prassi qabel ma jsir irkupru minn fondi tal-Unjoni Ewropea.

Electrogas Malta Ltd. – Gas Supply Agreement

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li tittermina l-Gas Supply Agreement mal-Electrogas Malta Limited, kif inhu permissibbli li jsir skont il-ftehim viġenti, sa qabel April 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-politika ta’ dan il-Gvern hija l-politika ta’ stabbilità mhux politika li kellu Gvern Nazzjonalista li tesponi lill-familji u lin-negozji għall-piżijiet.

San Pawl il-Baħar — Triq Marchesa - bozza mwaħħla mal-faċċata ta' proprjetà

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5006 dwar bozza mitfija fi Triq Marchesa, San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tieħu l-azzjoni neċessarja sabiex terġa’ tinxtegħel hekk kif din il-bozza baqgħet mitfija, filwaqt li l-Kunsill Lokali San Pawl il-Baħar fit-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari informa sabiex din il-kwistjoni tiġi indirizzata mal-entità konċernata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-lampi kollha li hemm fi Triq Marchese u li huma reġistrati mal-Enemalta huma kollha tal-Kunsill Lokali. Infurmata wkoll li l-Enemalta m’għandha l-ebda talba pendenti dwar id-dawl pubbliku f’din it-triq. Sadanittant tajt struzzjoni lill-Enemalta tikkomunika mal-Kunsill Lokali.

San Pawl il-Baħar – Triq ix-Xagħra tal-Bandieri – dawl pubbliku

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga x'inhi r-raġuni għala d-dawl pubbliku fi Triq ix-Xagħra tal-Bandieri, San Pawl il-Baħar, qiegħed jintefa' f'ċertu ġranet, filwaqt li tieħu l-azzjoni neċessarja biex id-dawl pubbliku jibqa' mixgħul matul il-lejl kollu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-Enemalta għamlet it-tiswijiet meħtieġa f’din it-triq fejn instab contacter bil-ħsara u ġie mibdul.

Skeda ġdida ta’ ġbir tal-iskart

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li l-iskeda tal-ġbir tal-iskart il-ġdida tibda tapplika wkoll għall-entitajiet kummerċjali?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-ġbir tal-iskart muniċipali huwa responsabbiltà tar-Reġjuni. Ninsab infurmata li fejn jidħlu entitajiet kummerċjali jekk l-iskart li jiġġeneraw huwa simili għal dak iġġenerat mir-residenzi allura l-ġbir ta’ dan l-iskart jimxi ma l-iskeda nazzjonali. Jekk entitajiet kummerċjali jixtiequ ġbir addizzjonali dawn għandhom jagħmlu arranġamenti privati tagħhom. Ċerta stabbilimenti tal-ikel għandhom l-obbligu, li joħroġ mil-liċenzja tagħhom, sabiex jagħmlu l-arranġamenti tagħhom għal ġbir ta’ skart li huma jiġġeneraw u li ma jkunx ta’ natura muniċipali.