Legislature:
Category:
Reset
Active:

Santa Luċija — Ġnien taċ-Ċiniżi - Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26729, tista’ l-Ministru tgħid meta se jkun lest kollu l-Ġnien taċ-Ċiniżi f’Santa Luċija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ġnien li qed tirreferi għalih fil-mistoqsija parlamentari huwa Ġnien l-Iskultura. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR 250723) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-2 ta’ Mejju 2025 li fiha dettalji dwar dan il-proġett li ġie inawgurat dakinhar, jiġifieri 17-il ġurnata ilu.

San Pawl il-Baħar — Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola - Bozoz

Question

Tista’ l-Ministru tara li l-bozoz kollha madwar Triq il-Frejgatina u Triq Porzjunkola, f'San Pawl il-Baħar, qed jixgħelu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-bozoz kollha fiż-żewġ toroq indikati u li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Enemalta qegħdin jaħdmu u jixgħelu. Waqt spezzjoni li saret kien innutat li l-lampi maqtugħin fl-istess toroq huma responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Fil-każ ta’ lampa li hemm mitfija fi Triq il-Frejgatina, li ġiet installata mill-Kunsill Lokali, jirriżulta li għadha ma ġietx sottomessa applikazzjoni (STL) għaliha mal-ARMS biex tiġi regolarizzata.

San Pawl il-Baħar — Mains tan-New Water

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun possibbli li l-bdiewa kollha li qribhom tpoġġew il-mains tan-New Water fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, ikunu jistgħu jagħmlu użu minn dan l-ilma? Tista’ tgħid ukoll liema nħawi ma għandhomx aċċess għal dan l-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif diġà ġie spjegat diversi drabi, l-proġett tan-New Water huwa wieħed estensiv. Ninsab infurmata li, filwaqt li l-maġġoranza tal-bdiewa fl-inħawi indikati diġà qed jagħmlu użu minn dan is-servizz, iż-żoni li ma jistgħux jintlaħqu min-network mhux se jkollhom effett fuq il-bdiewa għax dawn jistgħu jagħmlu użu minn kwalunkwe dispenser alternattiv.

Il-Kalkara — Bighi - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 26979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25533, tista’ l-Ministru tgħid xi progress ulterjuri kien hemm fix-xogħol relattiv f’Bighi, fil-Kalkara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

In-Naxxar — Magħtab - EcoHive - Proġett tal-iskart

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex lesta li tagħti l-għajnuna finanzjarja lir-residenti biex kollettivament jaħtru esperti tal-għażla tagħhom, li jkunu jistgħu jiggwidawhom sewwa fuq dak li qed jiġi propost fil-proġett tal-iskart magħruf bħala EcoHive fil-Magħtab, in-Naxxar?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-WasteServ issegwi r-regolamenti u d-direttivi kollha applikabbli fil-ġestjoni tal-proġetti tagħha nkluż dak inkwistjoni. Infakkar li hemm direttivi Ewropej li jissalvagwardjaw u jiddeterminaw xi proċeduri għandhom jiġu adottati fi proġetti bħal dawn, liema proċeduri ġew segwiti. F’każijiet bħal dan il-proġett, id-Direttiva Ewropea tobbliga lill-iżviluppatur biex iwettaq l-istudju ambjentali dettaljat meħtieġ fuq l-impatti kollha. Għalkemm dawn l-istudji huma tekniċi u wieħed jista’ jargumenta li mhux kull persuna tista’ tifhimhom, il-coordinated assessment jinkludi sommarju mhux tekniku li jista’ jinftihem minn kulħadd u tajjeb li wieħed jarah biex jevita ineżattezzi u allegazzjonijiet inveritiera. Dan il-proċess jinkludi wkoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mandatorja li fiha kull min jixtieq jista’ jistaqsi dak kollu li jrid lil esperti indipendenti.

ERA — Proġett PA/06096/23 (EA/00020/22)

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew sottomessi oġġezzjonijiet bil-miktub matul il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) relatat mal-proġett PA/06096/23 (EA/00020/22), li għalih id-data tal-għeluq tal-konsultazzjoni ntemmet nhar l-Erbgħa, 30 ta’ April 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kull kumment li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) rċeviet se jiġi indirizzat mill-kordinatur bħala parti mil-proċess tal-EIA, skont ir-Regolamenti tal-EIA (S.L 549.46) u eventwalment jittellgħu fuq is-sit elettroniku tal-ERA.

EcoHive — Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li f’Marzu 2023 l-Unjoni Ewropea bdiet taħdem fuq il-qafas tal-Green Claims Directive (DIRECTIVE OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL - on substantiation and communication of explicit environmental claims) biex proġetti bħal EcoHive ma jibqgħux jiġu promossi bħala li huma ta’ ġid ambjentali meta fil-fatt huma sors serju ta’ tniġġis peress li mill-istess inċineraturi joħorġu gassijiet bħal CO2 u għaldaqstant l-inċineraturi mhumiex “a green solution”?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li qed issir referenza għaliha mkien ma tirreferi għal proġetti speċifiċi u għandha skop totalment differenti minn dak li jidher li fehmet l-Onor. Interpellanta. Huwa deplorevoli l-fatt kif, minkejja t-tweġibiet kollha li ngħatat u d-dokumentazzjoni pubblika li teżisti, l-Onor. Interpellanta tibqa’ tippersisti bl-insinwazzjonijiet tagħha li l-ECOHIVE mhux se jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent u huwa “greenwashing”. Dan juri biċ-ċar li l-intenzjoni tagħha hija li tmexxi politika ta’ miżinformazzjoni. Kuntrarjament għall-politika ta’ Gvern Nazzjonalista preċedenti, il-pjan ta’ dan il-Gvern huwa ċar li nimxu lil hinn mill-politika tal-miżbliet u noħorġu b’soluzzjonijiet li ma jagħmlux ħsara ambjentali.

Ħal Qormi — Tindif

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se jintbagħtu ħaddiema tal-Cleansing sabiex inaddfu, jaqtgħu l-ħaxix selvaġġ u jagħmlu x-xogħlijiet neċessarji biex b’hekk jitneħħa l-periklu li hemm fiż-żona (murija fir-ritratti annessi) bejn l-Adventure Park u l-Klabb tal-Boċċi ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol fiż-żona indikata huwa ppjanat li jsir fil-ġranet li ġejjin.

Birżebbuġa — Project timeline - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-project timeline għax-xogħlijiet li għadhom mhux kompluti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, relatati mas-sistema tad-drenaġġ f’Birżebbuġa li juri kemm xogħlijiet għad jonqos isiru kif ukoll sa meta huwa proġettat li dawn ix-xogħlijiet jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li qed issir referenza għalihom mexjin skont il-pjan u huwa mmirat li jintemmu fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla. Dan minħabba li se jkun hemm waqfa matul is-sajf, skont il-kundizzjonijiet maħruġin mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA), peress li Birżebbuġa hija meqjusa bħala żona turistika.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika – Rigali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm qalgħet rigali minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar, fiex kien jikkonsisti kull rigal, kemm kien jiswa u min tahulha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Kemmuna — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika f’Kemmuna fiż-żmien li ġej? Jista’ jgħid ukoll liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qed tħejji l-aġġornament tal-Objettivi u l-Miżuri ta’ Konservazzjoni għas-sit Natura 2000 ta’ Kemmuna, biex dawn jirriflettu l-kundizzjonijiet ekoloġiċi attwali u l-prijoritajiet ta’ management. Dan qed isir b’rabta mad-Direttiva tal-Ħabitats u jinkludi kordinazzjoni bejn l-Awtorità u l-entitajiet relevanti, u jinvolvi wkoll konsultazzjoni pubblika li mistennija ssir fl-2026. Barra minn hekk, l-ERA qed taħdem fuq interventi speċifiċi ta’ restawr tal-bjar li hemm fil-Qala ta’ Santa Marija, li hija żona sensittiva għall-biodiversità, u qed tieħu ħsieb ukoll l-aspett loġistiku relatat max-xogħlijiet fiż-żona Tal-Ful. Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, l-ERA bdiet tieħu ħsieb ukoll il-latrina pubblika li tinsab f’din l-istess żona billi qed tipprovdi servizz ta’ attendant li jieħu ħsieb dawn il-faċilitajiet. B’mod kordinat mal-prioritajiet stabbiliti mill-ERA, f’Kemmuna qed tintervjeni wkoll Ambjent Malta fejn din tiffoka l-aktar fuq ir-restawr naturali. Dan huwa xogħol li jeħtieġ li jkun sostnut fuq medda ta’ snin u jinkludi fost l-oħrajn it-tneħħija ta’ arbli li ma jintużawx, it-tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxelli, l-installazzjoni ta' sistema ta' irrigazzjoni li tinkludi wkoll tankijiet għall-ħażna l-ilma, il-bini u t-tiswija tal-ħitan tas-sejjieħ, l-installazzjoni u l-manteniment ta’ lqugħ tal-injam, it-tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi, kif ukoll tindif ġenerali. Matul is-sena d-dieħla, f’Kemmuna se tkun qed tintervjeni wkoll il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li se tkun qed tibdel il-ġibjun fuq l-art.

Il-Qala — Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ xogħlijiet ser isiru mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika fil-Qala fiż-żmien li ġej? Liema entità jew awtorità se taħdem, meta ser jinbeda x-xogħol u meta huwa mistenni li jitlesta? Tista’ tgħid ukoll jekk it-triq kollha hijiex ser tinbena u tingħata l-asfalt jekk kemm-il darba din tintmess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Qala, Enemalta se tkun qed tikkummissjona substation ġdida fi Triq Wied Simar. Bħalissa għaddejjin il-preparamenti bil-mira li dawn ix-xogħlijiet jibdew f’Ottubru u jkunu lesti sal-aħħar ta’ Novembru. Wara jingħata l-asfalt skont il-permessi u l-kundizzjonijiet ta’ Transport Malta.

Ġonna ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew kreati ġonna ġodda f’dawn l-aħħar għaxar snin? Tista’ tispeċifika liema huma dawn il-ġonna u meta ġew riġenerati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni fir-rigward ta’ ġonna ġodda kif ukoll ġonna u siti oħrajn li ġew riġenerati fil-perjodu indikat mill-entitajiet li jagħmlu parti mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika.

Project Green — Proġetti li għadhom ma tlestewx

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23497, tista’ l-Ministru tgħid meta ser jitlestew ix-xogħlijiet imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpelllanta li x-xogħlijiet imsemmija fit-tweġiba li qed issir referenza għaliha tlestew, ħlief għar-Rainwater Harvesting Park f'Għajnsielem. Sadattant, inbeda x-xogħol fuq it-tieni fażi tal-ġnien f’Villa Portelli.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Kiri ta’ karozzi — Nefqa

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 24406 u 24972 u tgħid kemm intefqu flus biex inkrew karozzi taħt id-dekasteru tagħha, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtha, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nkrew, minn liema kumpanija nkrew, id-data tal-bidu u t-tmiem ta’ kull kirja, jekk inkrewx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nkrew u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inkriet kull karozza? Jista' jagħti din l-informazzjoni fil-format li qed jingħata separatament?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fid-dekasteru tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti, hemm 298 vettura li huma mikrija.

Toroq pubbliċi — Bozoz

Question

Tista’ l-Ministru tara li jittieħdu l-passi neċessarji biex tassigura li l-bozoz fit-toroq pubbliċi li jiġu rrappurtati bħala maqtugħa, fil-fatt jiġu mibdula fl-iqsar żmien possibbli? Tista’ tagħti tagħrif dwar jekk il-bozoz li jinbidlu humiex qed jagħtu biżżejjed dawl għall-inħawi li fihom ikunu mwaħħlin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġibiet li tajtha għall-mistoqsijiet parlamentari 23202 u 23682, inżid li l-bozoz fit-toroq pubbliċi li huma tal-Enemalta u jiġu rappurtati bħala maqtugħa jinbidlu kemm jista’ jkun malajr. Il-bozoz li jinbidlu jagħtu biżżejjed dawl.

Il-Magħtab — Żewġ inċineraturi - Żona magħżula

Question

Ġaladarba l-iktar riħ li jaffettwa l-gżejjer Maltin huwa dak ġej mid-direzzjonijiet tat-Tramuntana u tal-Majjistral, tista’ l-Ministru tgħid xi provi tekniċi jeżistu biex jiġi ġġustifikat li l-għażla taż-żona tal-Magħtab hija għażla tajba biex isiru żewġ inċineraturi, u dan meta l-imsemmi riħ jista’ jitfa’ d-duħħan u l-partiċelli ġġenerati miċ-ċmieni għal fuq ir-residenzi tul ix-xatt, speċjalment ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, il-Madliena, is-Swieqi, Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, il-Gżira, u possibilment sal-Belt, Valletta?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-insinwazzjonijiet tal-Onor. Interpellanta fil-mistoqsija tagħha huma bbażati fuq informazzjoni żbaljata u bla bażi xjentifika, u għalhekk jistgħu joħolqu allarm meta m’hemmx lok għalih. F’dan il-kuntest, nitlobha tirreferi għad-dokumentazzjoni dettaljata li hemm fl-istudji ambjentali li saru u li jikkonfermaw b’ċertezza xjentifika kif l-impjant li qed jiġi diskuss bħalissa, anke meta wieħed jikkunsidra wkoll l-impjant Waste to Energy miegħu, mhux se jkollu impatt negattiv. L-impjanti kollha msemmija għaddew minn proċess ta’ Environmental Impact Assessment (EIA) u Appropriate Assessment (AA) u li jaraw anke l-impatti kumulattivi.

Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif fid-dokument ta’ 172 paġna, 'Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility', skont ir-rekwiżiti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal (PA/06096/23), kważi m’hemm l-ebda referenza għar-residenti u għall-impatt li t-TTF se jkollu fuq is-saħħa tar-residenti, meta skont il-Coordinated Assessment ippreżentat mill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, jgħid li l-effett tal-inċineratur se jinfirex fuq il-lokalitajiet fiż-żona ta’ 113 kilometru kwadru (within the 6km radius around the TTF)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-‘Project Description Statement’ (PDS) huwa dokument li jiġi sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fi stadju bikri tal-proġett. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jservi bħala dokument informattiv li jgħin lill-Awtorità tagħmel analiżi preliminari u tara jekk hemmx bżonn aktar studji biex tasal għal konklużjonijiet dwar l-impatti ambjentali u, jekk iva, liema studji hemm bżonn. Dawn l-istudji mbagħad jitħejjew minn konsulenti speċjalizzati u jinġabru fir-rapport kordinat dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA Report) li fost oħrajn jitratta impatti potenzjali fuq ir-residenti.

Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kif fid-dokument 'Project Description Statement Report for Thermal Treatment Facility', skont ir-rekwiżiti tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għal PA/06096/23, hemm referenza għall-partiċelli ta’ daqs PM10, iżda m’hemm l-ebda referenza għall-partiċelli ta’ daqs PM2.5, u dan meta studji juru li partiċelli ta’ daqs PM10 jidħlu fl-imnifsejn u fil-pulmun tan-nies, imma partiċelli ta’ daqs PM2.5 saħansitra jidħlu fid-demm?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-‘Project Description Statement Report’ (PDS) huwa dokument li jiġi sottomess lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fi stadju bikri tal-proġett. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jservi bħala dokument informattiv li jgħin lill-Awtorità tagħmel analiżi preliminari u tara jekk hemmx bżonn aktar studji biex tasal għal konklużjonijiet dwar l-impatti ambjentali u, jekk iva, liema studji hemm bżonn. Dawn l-istudji mbagħad jitħejjew minn konsulenti speċjalizzati u jinġabru f’rapport kordinat dwar il-Valutazzjoni tal-Impatti Ambjentali (EIA Report). F’dan il-każ, kuntrarjament għal dak li qed jiġi insinwat fil-mistoqsija parlamentari, r-rapport li sar mill-konsulenti jsemmi kemm il-partiċelli ta’ daqs PM10 kif ukoll dawk ta’ daqs PM2.5. Dan ir-rapport ġie suġġett ukoll għal konsultazzjoni pubblika, qabel ma jitkompla l-proċess li bħalissa għadu għaddej.

Ħal Tarxien/Raħal Ġdid — Triq San Ġużepp - Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari preċedenti, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma previsti għal Triq San Ġużepp, f’Ħal Tarxien/Raħal Ġdid?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.