Laboratorju Veterinarju Nazzjonali — akkreditazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali ġie akkreditat skont ISO/IEC 17025 u xi tfisser din l-akkreditazzjoni?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali jaħdem sabiex jissalvagwardja s-saħħa tal-annimal kif ukoll is-saħħa pubblika. L-irwol ewlieni tal-Laboratorju huwa l-kontroll u s-sikurezza fil-produzzjoni primarja tal-ikel li joriġina mill-annimali. F'April tal-2015, il-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali kiseb l-akkreditazzjoni skont l-Istandard Internazzjonali ISO 17025. Dan l-istandard ikopri ir-rekwiżiti għall-kompetenza tal-laboratorji. F'ħafna pajjiżi ewlenin, inkluż fi ħdan l-Unjoni Ewropea, laboratorju ikun jitqies bħala teknikament kompetenti jekk ikollu l-akkreditazzjoni għal dan l-istandard.
Sal-lum il-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali kiseb l-akkreditazzjoni għal ħames testijiet li jinkludu: l-i
screening
ta' l-Antibijotiċi fil-bajd u l-laħam; l-analiżi ta'
Sulphanamides
fil-ħalib, bajd u laħam; l-analiżi tat-'
Trichinella
'; l-analiżi tas-'
Salmonella
', u l-analiżi tal- presenza ta' antibijotiċi.
Il-kisba tal-akkreditazzjoni tkompli ssaħħaħ il-kompetenza, l-imparzjalità, u l-integrità operattiva ta' dan il-Laboratorju. F'dan ir-rigward il-Laboratorju jibqa’ jaħdem sabiex jibqa’ jagħti servizz ta' kwalità kif ukoll jibqa’ jikkontribwixxi s-servizzi tiegħu għas-saħħa pubblika.
Testijiet biex jissalvagwardjaw is-saħħa tal-annimali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il test sar matul l-2016 mis-servizzi veterinarji biex jissalvagwardja s-saħħa tal-annimali, kif ukoll is-saħħa pubblika fil-gżejjer Maltin?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Stħarriġ u monitoraġġ fuq organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti – fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus mill-Unjoni Ewropea mill-1 ta’ Jannar 2015 s’issa, biex ikompli jsir stħarriġ u monitoraġġ fuq organiżmi ta’ ħsara tal-pjanti?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta' Jannar 2015, skont il-liġi li ġiet ippublikata fil-15 ta’ Mejju 2015, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti ġie mogħti finanzjament sabiex iwettaq stħarriġ annwali dwar il-preżenza ta' organiżmi ta' ħsara għall-pjanti fit-territorju Malti, li jammonta għat-total ta' €394,000 għas-snin 2015, 2016 u 2017 hekk kif ġej:-
2015: €85,000 (50% of €170,000)
2016: €141,000 (75% of €187,000)
2017: €168,000 (75% of €224,000)
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fuq il-progress li sar biex jiġi stabbilit inventarju ta’ siġar tat-tin? Kemm hemm bdiewa inklużi f’dan l-inventarju u kemm siġar tat-tin ġew irreġistrati?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'Mejju tal-2016 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Pjanti nieda eżerċizzju ta' reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin bil-għan li jinħoloq inventarju li jindika n-numru ta' siġar tat-tin u l-firxa tagħhom fil-gżejjer Maltin. L-istħarriġ ippermetta wkoll studju xjentifiku dwar it-tkabbir ta' din is-siġra u l-mard li jattakha. Fil-perjodu ta' reġistrazzjoni li kien miftuħ bejn April u Settembru 2016, ġew reġistrati madwar 20,000 siġra tat-tin minn 2,800 bidwi. L-informazzjoni li nġabret waqt il-perjodu tar-reġistrazzjoni tas-siġar tat-tin qegħda tiġi diġitalizzata fis-sistema ġejografika li għandu d-Direttorat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 622 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-kumpanija WasteServ Malta Limited xahar b'xahar matul il-perjodu mit-3 ta' Ġunju 2017 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mit-3 ta’ Ġunju sal-15 ta’ Settembru 2017 mal-kumpanija Wasteserv ma ġew impjegati l-ebda ħaddiema ġodda.
Wara l-weġgħat kbar li kien hemm fost il-pubbliku dwar il-qerda ta' siġar Maltin xjuħ minn Ħal Lija, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta biħsiebu jippubblika r-regolamenti li tant ilhom jiġu mwiegħda għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar u li kien ħejja l-Ministru ta' qablu, Leo Brincat?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ser tippubblika dawn ir-regolamenti għall-konsultazzjoni pubblika f’qasir żmien.
Siti ddikjarati bħala Natura 2000 – management plans
Question
Wara l-kritika li saret dwar immaniġġar xejn professjonali fil-Buskett, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta biħsiebu jibda jimplimenta l-Management Plans li diġà hemm approvati għal dawk is-siti li huma ddikjarata bħala Natura 2000 sites tal-Unjoni Ewropea?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet li qegħdin isiru preżentament ġewwa l-Buskett huma relatati mat-tiswija u restawr t’infrastruttura. Dan ix-xogħol qed isir wara qbil li kien intlaħaq mal-awtorità preċedenti jiġifieri l-MEPA. Wara l-kritika li saret fuq dan is-sit, saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Awtorità tal-Ambjent fejn ġie spjegat ix-xogħol li qed isir u l-interventi li saru f’ dan ir-rigward.
Għar-rigward tad-diversi miżuri mill-Pjanijiet ta’ Tmexxija (
Management Plans
) diġà qegħdin jiġu implimentati f’numru ta’ siti Natura 2000; ma’ dawn hemm ukoll pjanijiet sabiex fix-xhur li ġejjin jitwettqu aktar miżuri f’diversi siti. Qiegħed isir ukoll xogħol sabiex titħejja applikazzjoni għall-fondi mill-UE sabiex miżuri relevanti jkunu implimentati fis-siti kollha fis-snin li ġejjin.
Peress li l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima (MSDEC) ikkummissjona, skont il-website tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (a) lill-istess kumpanija biex tagħmel studju biex tassessja environmentally-friendly options li jgħinu fit-tnaqqis ta’ landfilling rates ġewwa Magħtab Environmental Complex u jesplora l-viabilità li jkun ġenerat renewable energy minn thermal degradation tal-iskart, u peress li din il-kumpanija lestiet dan l-istudju flimkien mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament (b), jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan l-istudju?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan hu wieħed minn tliet rapporti li tħejjew mis-sena 2008 ’l hawn minn esperti mqabbda apposta biex jipproponu u janalizzaw soluzzjonijiet differenti fl-immaniġġar tal-iskart, imma fl-istess ħin ikunu ambjentalment aċċettabbli. L-istess tliet rapporti ngħataw lill-Kumitat, li għadu kif ġie appuntat apposta biex janalizza u jikkonverġi l-istudji differenti li saru u jipproponi l-aħjar teknoloġija li tista’ tiġi wżata, ħalli pajjiżna ma jibqax dipendenti mill-miżbliet, iżda jkollna impjant modern li minnu wkoll inkunu nistgħu niġġeneraw l-enerġija. L-Oppożizzjoni faċilment setgħet kellha aċċess għal dan ir-rapport li kieku pparteċipat f’dan il-Kumitat imsemmi. Minflok, iżda, għażlet li tibqa’ tippersisti fin-negattività kemm taħt il-Kap-uxxenti u issa anke taħt il-Kap ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jitnaddaf l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’ Antnin li nħaraq għax ħafna nies li joqogħdu fil-viċin ma jistgħux iħallu miftuħ minħabba r-riħa ta’ ħruq li għadha ħierġa mill-impjant?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel nett mhuwiex korrett meta jgħid li għada ħierġa riħa ta’ ħruq. Dan mhux minnu u ilu hekk.
Għadna kif irċivejna t-testijiet fuq il-materjal kif mitlub mill-awtorità u tellaqna mall-ewwel il-proċess sabiex jiġi ingaġġat kuntrattur sabiex jesporta dan il-materjal skont il-prassi.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — transfers ta' ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ transfers li ngħataw lill-ħaddiema fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-ministeru li jmexxi, u dan għall-perjodu bejn is-6 ta' Ġunju u t-12 ta’ Ġunju?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ngħata l-ebda transfer fil-perjodu ta’ bejn is-6 ta’ Ġunju u t-12 ta’ Ġunju 2017.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostinibbli u Tibdil fil-Klima — nefqa fuq reklamar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu u minn kwalsiasi entità li taqa’ taħtu f’reklamar fuq kull mezz ta’ media (stampat, gazzetti, radju, TV, internet eċċ) fl-2017 xahar b’xahar sal-lum?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 621 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-kumpanija WasteServ Malta Limited xahar b'xahar matul il-perjodu mill-1 ta' Jannar 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017 il-Wasteserv impjegat persuna waħda.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 488 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa qed tiġi riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid x'inhu ż-żmien li baqa' fejn fil-preżent qed ikunu depożitati l-boroż s-suwed tal-iskart? Jista' jgħid kemm baqa' żmien sakemm "Il Għallis" jista' jibqa jintuża qabel ma jingħalaq?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn kalkoli approssimattivi li tagħmel il-Wasteserv, il-volum ta’ spazju li fadal għar-rimi fil-landfill tal-Għallis huwa ta’ madwar miljun metru kubu. Ibbażat fuq rata ta’ rimi ta’ skart fil-preżent, dan il-volum għandu jservi minn sentejn u nofs sa’ tlett snin massimu.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 487 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa qed tiġi riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet fuq il-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta fil-Mosta wasslux fit-tmiem tagħhom, jew jekk għadx baqa’ xi xogħol ieħor xi jsir?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li tlesta l-proċess ta’ tindif u tneħħija ta’ skart, saret il-manutenzjoni tal-ħitan, tħawlu siġar taż-żebbug, inżabru s-siġar tar-rummien u saru l-preparamenti neċessarji sabiex titwassal il-provvista tal-elettriku sal-ġnien, ser jinbeda xogħol ta’ manutenzjoni tal-bankina li ddawwar il-ġnien. Hekk kif jinħarġu l-permessi neċessarji jipporċedu interventi fuq il-passaġġi tal-ġnien.
Inħarġu sejħiet għall-offerti u preżentament qed jiġu evalwati l-offerti li daħlu għat-tqegħid u installazzjoni ta’ lampi u
bollards
, xiri u tqegħid ta’ bankijiet, kif ukoll xiri u tqegħid ta’ għamara tal-ġnien.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 818, jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra x’kienu r-riżultanzi ta’ dawn l-ispezzjonijiet u jekk kienx hemm ksur ta’ kundizzjonijiet imposti fuq l-operat tal-Freeport? Barra minn hekk, jista’ jgħarraf lill-Kamra jekk dawn l-ispezzjonijiet sarux wara rapporti, kenux miftehma mat-tmexxija tal-Freeport jew jekk kenux spezzjonijet marbuta ma’ xi skeda? Finalment, jista’ jgħarraf lill-Kamra meta kienet l-aħħar spezzjoni li saret u jekk hemmx ippjanati spezzjonijiet oħra u dan fir-rigward ħsejjes u fatturi oħra kkawżati mill-operat tal-Freeport?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul dawn l-ispezzjonijiet irriżulta li kien hemm bżonn ta’ titjib fl-immaniġġjar tal-iskart, fil-ħażna ta’ żjut jew likwidi oħra, u fl-operat waqt manutenzjoni ta’ vetturi u apparat ieħor. Dawn kienu jmorru kontra l-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali għaldaqstant l-ERA ħadet azzjoni billi talbet lill-operatur jibdel is-sistemi operattivi tiegħu bir-riżultat li ġew żviluppati proċeduri ġodda fl-immaniġġjar tal-iskart u ġew installati tabelli għall-kontenituri. Barra min hekk l-operatur ħarreġ lill-impjegati f’dawn l-oqsma. B’riżultat ta’ dawn l-ispezzjonijiet ġie installat ukoll oil-water seperator u culverts biex jilqgħu xi żjut u likwidi oħra fiż-żona ta’ manutenzjoni.
Rigward tipi ta’ spezzjonijiet, hemm dawk li huma ta’ rutina (skont skeda) fejn l-operatur ikun infurmat ftit siegħat qabel biex jiġi assigurat li l-persuna responsabbli mill-implimentazzjoni tal-permess tkun disponibbli. Spezzjonijiet oħra li jsiru b’riżultat ta’ lmenti mal-ERA jiġu investigati mingħar pre-avviż.
L-aħħar spezzjoni li saret fil-Freeport kienet fit-3 ta’ Mejju 2017 u spezzjonijiet oħrajn huma ppjanati għall-futur skont l-iskeda ta’ spezzjonijiet li l-uffiċjali tal-Awtorità jaħdmu biha bħala proċedura interna. F’dawn l-ispezzjonijiet il-faċilità tiġi spezzjonata fil-kuntest tal-kundizzjonijiet tal-permess tal-operat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet il-kawża ta’ rwejjaħ kontinwi matul ix-xhur tas-sajf fil-landfill tal-Magħtab, liema rwejjaħ ikkawżaw inkonvenjent lir-residenti tas-Salina u dawk tal-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn sniff testing li jsir kull ġimgħa fl-akwati tal-Magħtab, diversi sorsi ta’ rwejjaħ jiġu identifikati. Għaldaqstant, l-ilmenti mhux dejjem neċessarjament ikunu qed jirreferu għall-irwejjaħ mill-miżbla.
Fix-xahar ta’ Settembru kien hemm ilmenti mir-residenti tas-Salina u għaldaqstant l-eżerċizzju ta’
sniff testing
sar iktar frekwenti. Madankollu, ma jirriżultax li kien hemm irwejjaħ illi ħerġin mill-kumpless tal-Magħtab li kienu barra minn norma għax xhur tas-sajf.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-miżuri li ttieħdu sabiex l-inkonvenjent li nħoloq mill-irwejjaħ ikkawżati mil-landfill tal-Magħtab ma jerġax jiġi esperjenzat mir-residenti tal-madwar?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ttieħdux miżuri ulterjuri apparti dawk diġà msemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari 26567, li huma żieda fid-daily cover u l-użu ta’ sistema ta’ odour neutraliser.
B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet li saret fil-15 ta' Settembru 2017 bis-suġġett ikun l-impjant "waste-to-energy " li mistenni jibda jitħaddem f'Malta sal-2023, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett hux se jsir f'xi żona fil-konfini tal-Mellieħa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-progett il-Gvern appunta kumitat t’esperti mgħejjun minn tekniċi internazzjonali biex jagħtu l-pariri taghħhom dwar l-aħjar teknoloġija li għandha tiġi wżata u li l-oppożizzjoni għażlet li ma tipparteċipax.
Kemm il-proġett innifsu kif ukoll is-sit li jkun abbinat ma’ dan il-proġett iridu jkunu suġġetti għall-proċess ta’ l-ippjanar bl-istudji u l-konsultazzjonijiet meħtieġa li dan il-proċess iġib miegħu.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – reklamar fuq Facebook — nefqa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tiegħu, inkluż kull entità u Dipartiment fi ħdan l-istess Ministeru, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li nefqa f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook mill-Ministeru tieghi matul il-perjodu mill-1 ta' Mejju 2017 sat-3 ta' Ġunju 2017 kien ta €45.91 fuq promozzjoni tal-Paġna NisĠet Artna u l-avvaniment tal-Imnarja filwaqt l-Kumpanija WasteServ nefqet €171.14 fuq promozzjoni għall-Magħtab Environment Complex Open Day.
Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul
Question
Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju u t-2 ta' Ġunju?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċċifika l-perjodu li qed jirefferi għaliħ.