Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2023?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari W85.

Importazzjoni ta’ nagħaġ u mogħoż

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17252, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li nagħaġ u mogħoż importati mill-Unjoni Ewropea jistgħu ma jmorrux kwarantina?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Kwota tas-sajd tonn

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17162, fejn intqal li “biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit”, peress illi l-informazzjoni mitluba suppost tkun għand il-Ministeru qabel jagħti l-kwoti tat-tonn, jista’ l-Ministru jgħid, kemm minn dawk id-dgħajjes li kellhom il-kwoti tat-tonn mill-2013 sal-2023, sena b'sena; i. kellhom friża u magna tas-silġ fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota; ii. kellhom friża biss fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota; u iii. ma kellhomx friża fuq id-dgħajsa u kemm kellhom kwota?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru/Dipartiment tas-Sajd — Konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15683 fejn il-Ministru għamel referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13979 kif ukoll referenza għall-manwal, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti impjegati mal-Ministeru u/jew id-Dipartiment tas-Sajd u fiex inhi l-expertise tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Programmi tar-radju - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti ta' flus li ntefqu fuq programmi tar-radju mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħt l-istess Ministeru, x'kienu d-dati li fihom ixxandru dawn il-programmi, kif ukoll jipprovdi l-isem tal-programmi u l-istazzjon tar-radju li l-Ministeru xtara airtime? Jista' jindika wkoll liema minn dawn il-programmi kienu intervisti?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa mill-bidu tas-sena sa issa ma ntefqu l-ebda ammonti ta' flus fuq programmi tar-radju mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli u/jew mill-entitajiet relatati.

Skema tal-Frott u l-Ħaxix

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iskema tal-Frott u l-Ħaxix fl-iskejjel hijiex timxi f'konformità mal-Istrateġija addottata fid-9 ta' Mejju tal-2023, jiġifieri 'Strategy for the Implementation of the School Scheme in Malta - From 2023/2024 to 2028/2029 School Year'? Jista' jagħti rendikont tal- ħaxix u frott li qiegħed jingħata lit-tfal fl-iskejjel, min qiegħed jissupplixxih u kemm hija l-ispiża xahar b’xahar minn Settembru tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Iskema għall-iskejjel qed tiġi implimentata b’konformità mal-Istrateġija għall-Implementazzjoni tal-Iskema għall-Iskejjel f’Malta. Din l-implimentazzjoni qed issir permezz ta’ serje ta’ ‘Roadshows’ li matulhom qed jiġi mqassam frott, ħaxix u ħalib lil studenti eliġibbli. Dawn ir-Roadshows bdew f’Ġunju 2023, u koprew sal-aħħar ta’ Skola Sajf, u komplew ukoll fis-sena skolastika attwali (2023-2024) minn Ottubru 2023 ‘il quddiem. Il-fornitur ta’ dawn ir-Roadshows huwa Outlook Coop u kien jinvolvi l-infiq elenkat hawn taħt: Sett-23 € 1,032.50 Ott-23 € 15,572.25 Nov-23 € 28,892.35 Diċ-23 € 19,200.40 Jan-24 € 31,590.80 Frar-24 € 31,645.50 Mar-24 € 27,545.95 Total € 155,479.75 Apparti dawn ir-Roadshows, qed isir ukoll tqassim regolari ta’ frott u ħaxix f’iskejjel primarji, u għall-ewwel darba ġewwa skejjel sekondarji wkoll. Din id-distribuzzjoni qed titwettaq mingħand James Caterers Ltd sa mill-bidu ta’ Jannar 2024 ‘il quddiem. L-infiq għal din id-distribuzzjoni huwa kif ġej: Jan-24 € 80,182.96 Frar-24 € 198,352.69 Mar-24 € 198,547.91 Total € 477,083.56

Annimali infettati bil-'blue tongue', brucella jew tuberkulożi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 17253 u jgħid jekk instabux annimali infettati bil-mard relatat mal-blue tongue, brucella jew tuberkulożi minn Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma xahar b' xahar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu mill-Veterinary and Phytosanitary Regulation Division (VRD)?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn Jannar 2023 sa Frar 2024, ma kien hemm l-ebda każ ta’ mard tal-Brucellosi, Blue Tongue u Tuberkolosi li ġew konfermati peress li ma kienx hemm sinjali kliniċi ta' mard rapportati. Pero ġew identifikati 8 ovini u bovin wieħed li rriżultaw seroloġiċament pożittivi għall-Brucellożi, 29-il bovin u mogħża waħda seroloġiċament pożittivi għall-Blue Tongue Virus (BTV). L-annimali kkonċernati ġew kollha maqtula bħala prekawzjoni u l-merħliet tagħhom żammew l-istatus ta' ħelsien mill-mard wara serje ta’ testijiet oħra.

Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura — Avviż lill-Baħħara numru 215

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14072 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid għaliex qiegħed jerġa' jitħalla sajd bir-rixa fiż-żoni ta' konservazzjoni madwar il-baħar fejn hemm fdalijiet permezz tal-Avviż lill-Baħħara numru 215 tal-2023, maħruġ minn Transport Malta f'isem id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura fl-1 ta' Diċembru 2023? Jista’ jgħid ukoll għaliex dan ġie mwaqqaf biss għal perjodu ta' ġimgħatejn, meta għaqdiet u skejjel tal-għaddasa ilhom jitolbu s-snin sabiex dawn il-prattiċi jiġu mwaqqfa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sajd bir-rixa hija sajda għall-ħut tal-wiċċ. Dan ifisser li sajd bir-rixa fiż-żoni ta' konservazzjoni madwar il-baħar fejn hemm fdalijiet permezz tal-Avviż lill-Baħħara numru 215 tal-2023, ma jagħmilx ħsara lill-istess fdalijiet. B’referenza għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14073, niġbed l-attenzjoni għall-fatt li fl-Avviż hemm imniżżel ċar li l-bastimenti kollha, għajr dawk imsemmija, għandhom jibqgħu 'l bogħod miż-żoni ta' Konservazzjoni minħabba sikurezza u jżommu distanza sigura u javviċinaw b'veloċità sigura f'kull ħin. Barra minn hekk, is-sajjieda għandhom josservaw ukoll id-distanza mas-sinjali mitfugħa mill-istess għaddasa. Ninsab infurmat li s-sajd bir-rixa ma ġiex rifless fl-ewwel pubblikazzjoni tal-Avviż lill-Baħħara msemmi, mhux għax ġie mwaqqaf għal perjodu ta' ġimgħatejn, imma minħabba li kien hemm nuqqas ammistrattiv fl-ewwel pubblikazzjoni li ġie kkoreġut.

Siġar taċ-ċitru – Reġistru nazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx reġistru nazzjonali tas-siġar taċ-ċitru li huma fil-pubbliku? Jista’ jindika x’inhuma r-rakkomandazzjonijiet fl-użu tal-larinġ tal-bakkaljaw?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jinżammx reġistru nazzjonali taċ-ċitru. Fir-rigward tal-larinġ tal-bakkaljaw, għalkemm id-Dipartiment ma għandux rakkomandazzjonijiet uffiċjali, tradizzjonalment dan jintuża għat-tilqim taċ-ċitru.

Pitkalija – Nuqqas ta’ kaxxi żgħar

Question

Fid-dawl li diversi bdiewa qed juru l-preokkupazjoni tagħhom minħabba nuqqas kbir ta' kaxxi żgħar fil-Pitkalija, jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu provduti dawn il-kaxxi żgħar fl-immedjat ħalli l-bdiewa jkollhom fiex idaħħlu l-prodotti agrikoli tagħhom fil-Pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interperllant li l-Malta Food Agency m’ għandiex problema ta’ kaxxi. Fil-fatt matul Diċembru, Jannar u Frar ġew mixtrija 10,000 kaxxi ġodda li minnhom 5,065 kienu kaxxi żgħar. Il-kaxxi qed jiġu introdotti fis-suq gradwalment u skont il-bżonn. Apparti dan, l-Aġenzija għandha sejħa għal-Tender li tinsab fil-fazi ta’ evalwazzjoni sabiex jinxtraw 60,000 kaxxi ġodda.

Pitkalija – Żieda fl-ispejjeż għall-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li minn meta nbidlu l-pitkala fil-Pitkalija, l-ispejjeż għall-bidwi żdiedu b'1% li qed imorru għall-Food Agency u s-sussidju ta' 1.75% fuq l-ammont ta' senserija li kienu jitħallsu lill-pitkal m'għadhomx jingħataw lill-bidwi u għalhekk dawn qed iwasslu għal żieda ta' 35% fl-ispejjeż tal-bidwi li jdaħħal ix-xogħol tiegħu l-Pitkalija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa minn meta ddaħħlet ir-riforma ġewwa l-Pitkalija, il-commission kienet ta’ 8%, l-istess bħal ma kienu jieħdu l-Pitkala ta’ qabel ir-riforma. Is-sussidju ta’ 1.75% kien parti mill-SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture), u dan is -sussidju twaqqaf meta għalaq is-sussidju tal-SMPPMA. Bi qbil mal-għaqdiet tal-bdiewa, il-commission kellha titla’ għall-10% meta tiddaħħal ir-riforma fil-pitkalija. Din il-commission żdiedet għall-9% u bi qbil mal-għaqdiet tal-bdiewa, iż-żieda addizjonali ta’ 1% ġiet posposta. Il-bidwi sabiex ibiegħ il-prodott tiegħu minn ġewwa l-Pitkalija jħallas 9% commission u 0.9% levy tal-kaxxi.

Bexx

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-bexx li jista’ jintuża mill-bdiewa f'Malta u f’Għawdex hux differenti mill-bexx li jintuża f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea? Jekk dan hu fl-affermattiv, jista’ jgħid x'inhi r-raġuni għal dan? Jekk le, jista’ bidwi jixtri bexx minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropeja u jużah f'Malta u f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Sptar tal-Annimali

Question

Wara investiment ta’ €1.4 miljun u l-inawgurazzjoni fl-2016, jista’ l-Ministru jgħid: i. Jekk kienx sar investiment biex jiġi protett l-apparat li jiswa ħafna flus minn provvista ta’ elettriku instabbli?; u ii. X’miżuri qed jittieħdu biex ma jiġrix l-istess f’każ li jerġa’ jkollna elettriku instabbli fil-heatwave fis-sajf li ġej?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12239. Kull forma ta’ investiment ulterjuri huwa f’idejn l-operatur privat tal-imsemmi sptar tal-annimali.

Sptar tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid; i. Kemm saru visti tal-annimali mill-2016 sa l-aħħar tal-2023, maqsuma kull sena? ii. Meta jerġa’ jiftah l-isptar, ser ikun hemm xi miżati stabbiliti u jekk iva, x’inhuma? iii. Jekk hemmx sussidji mill-Gvern fuq il-miżati? iv. X’ser ikun il-ħin tal-ftuħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Isptar tal-Annimali huwa mmexxi minn operatur privat, u għaldaqstant il-Gvern ma jkollux l-informazzjoni rikjesta, kif ukoll ma jagħti l-ebda sussidju fuq il-miżati għal l-istess raġuni.

Kremazzjoni tal-annimali — Proċedura

Question

Fid-dawl li għal ħafna persuni, l-annimali jqisuhom daqs li kieku wliedhom, u hu importanti li dawn il-proċeduri jkunu rispettużi u trasparenti biex is-sidien tal-annimali jkollhom is-serħan tal-moħħ, jista’ l-Ministru jgħid: i. Fejn huwa l-krematorju tal-annimali? ii. Jekk is-sidien ikunu jridu jżommu l-irmied tal-annimal għażiż għalihom, x’inhi l-proċedura? iii. L-annimali jinħarqu wieħed, wieħed jew jinħarqu flimkien? iv. Kif jiġi assigurat li l-irmied tal-annimal jingħataw lis-sid/sidien proprju? v. Sa liema punt is-sid/sidien ikunu jistgħu josservaw dan il-proċess?; u Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-proċedura relatata ma’ dan il-proċess?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15569. L-uniku krematorju tal-annimali f’Malta huwa mmexxi mill-privat u għaldaqstant il-Gvern m’huwiex f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni rikjesta.

Persuni li jipprattikaw attivitajiet veterinarji privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistix obbligu legali biex persuna li tipprattika attivitajiet veterinarji privati tkun koperta b’polza ta’ assikurazzjoni privata (professional indemnity insurance)?

Response (REFALO, ANTON)

Preżentament, fil-leġiżlazzjoni dwar is-Servizzi Veterinarji ma jeżistix obbligu legali biex persuna li tipprattika attivitajiet veterinarji privati tkun koperta b’polza ta’ assikurazzjoni privata, madankollu l-Kunsill tal-Kirurgi Veterinarji (VSC) jitlob li l-kirurgi veterinarji stabbiliti f’Malta jkollhom tali kopertura peress li dan huwa rekwiżit għall-kirurgi veterinarji li huma stabbiliti fi Stat Membru ieħor u joffru servizz temporanju jew okkażjonali f’ Malta.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Marzu 2024?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16943.

Sptar tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-isptar tal-annimali f’Ta’ Qali, li għalaq ħesrem f’Awwissu li għadda, ser jerġa’ jinfetaħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-amministrazzjoni u l-operat ta’ dan l-isptar huwa ta’ natura privata u mhux governattiva. Madanakollu, il-Gvern għaddej f’diskussjoni mat-tmexxija tal-APH biex jassigura li l-isptar jerġa’ jiftaħ fl-iqsar żmien possibbli.

Kwoti għall-qbid tat-tonn — Kriterji għat-tqassim

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16992, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa’ mal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd biex jiddiskuti l-kriterji li ser jiġu użati biex titqassam il-kwota tat-tonn u liema kategoriji ta' sajjieda ser ikunu qegħdin jibbenefikaw minn dawn il-kwoti għall-istaġun 2024 u f'liema dati? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti ta' dawn il-laqgħat? Min qiegħed jirrappreżenta lill-Ministeru f'dawn il-laqgħat? Xi kwalifiki għandu dan/din ir-rappreżentant/a tal-Ministeru fuq affarijiet relatati ma’ sajd u kif jiġu mqassma l-kwoti tat-tonn? Jista’ jgħid ukoll jekk hux minnu li fid-deċiżjonijiet li ttieħdu jew li ser jittieħdu, ġew injorati għalkollox is-suġġerimenti tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, kuntrarjament għal dak li kien isir qabel?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-laqgħat bejn il-Koperattiva u l-Gvern isiru fil-preżenza tiegħi u dik tas-Segretarju Parlamentari, kif ukoll ta’ konsulenti tagħna u rappreżentanti mis-servizz pubbliku. Filwaqt li d-diskussjonijiet dwar it-tqassim tal-Kwoti tat-Tonn għadhom għaddejjin, mhuwiex minnu li suġġerimenti tal-Koperattiva qed jiġu injorati. Il-Ministeru mhux talli ma jinjorax, imma talli ra u analizza s-suġġerimenti tal-Koperattiva u qed ikompli jiżviluppa fuqhom sabiex verament is-sajjieda kollha jkollhom iċ-ċans li jistadu għat-tonn b’rispett sħiħ lejn il-kwota nazzjonali u r-regoli fis-seħħ.

Bord tas-Sajd

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16993, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Gazzetta tal-Gvern li qed jagħmel referenza għaliha kif ukoll jagħti d-dettalji relattivi għal kull membru li ġie maħtur u jgħid x'inhuma l-kwalifiki ta' kull membru relatat mas-settur tas-sajd peress li l-Gazzetta tal-Gvern li għamel referenza għaliha ma jkollhiex l-informazjoni kollha mitluba?

Response (REFALO, ANTON)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopja mitluba tal-Gazzetta tal-Gvern fejn hemm il-lista sħiħa tal-ismijiet ippubblikati. Dawn jinħatru skont it-termini tas-sub-artikolu 5 (2) ta’ l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd (KAP 425) hekk kif muri fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16993.