Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Regional Development Authority — Baġit allokat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-baġit kapitali u rikorrenti allokat għall-Gozo Regional Development Authority, mill-ewwel sena li bdiet tiffunzjona, maqsuma sena b'sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni rikjesta hija skont it-tabella segwenti; 2020 2021 2022 2023 2024 Nefqa Rikorrenti €56,325 €479,754 €727,380 €802,762 €925,000 Tajjeb li jiġi sottolineat il-punt li l-GRDA ma għandiex nefqa kapitali. Iċ-ċifri, hekk kif indikati fit-tabella, huma skont ir-rapport annwali u l-audited accounts tal-GRDA. Dawn il-figuri jistgħu jvarjaw mill-baġits allokati fl-estimi finanzjarji. Dan peress li l-GRDA tista’ tingħata fondi addizzjonali wara rikjesti ġodda li hija tagħmel lill-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

Ix-Xewkija – Triq Ta’ Ħamet – Zebra crossing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn sentejn u fi Triq Ta' Ħamet, fix-Xewkija, (it-triq prinċipali ħdejn il-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu) għadha ma saritx zebra crossing kif kien hemm qabel ma din it-triq ġiet asfaltata? Fid-dawl li dan in-nuqqas serju issa ilu diversi xhur u hemm periklu kbir għal min irid jaqsam f'din l-imsemmija triq, jista’ l-Ministru jgħid min min-naħa tal-Ministeru se jerfa’ r-responsabbiltà jekk iseħħ inċident?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qiegħed f’taħditiet ma’ Transport Malta fuq din iż-zebra crossing. Dawn it-taħditiet waslu fl-aħħar. Hekk kif jinħareġ il-permess jinbeda x-xogħol fuq iż-zebra crossing.

Ir-Rabat, Għawdex u l-Għasri – Triq Wied Sara – Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet kollha fi Triq Wied Sara, bejn ir-Rabat u l-Għasri, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u ta' periklu għas-sewwieqa li jgħaddu minn din it-triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Għasri ħareġ it-tender; ‘Tender for resurfacing of Triq Wied Sara with asphalt’ nhar l-24 ta’ Marzu 2020. Il-proċess tat-tender ingħalaq nhar it-8 ta’ Mejju 2020. Din it-tender ġie awarded - nhar it-30 ta’ Lulju 2020 - lil Road Structures Ltd għal ammont ta’ Euro 808,820 (excl VAT). Il-Ministeru għadda lill-Kunsill l-ammont ta’ Euro 354,827.00 bħala l-ewwel parti tal-finanzjament.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Jannar 2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari b’numru 332.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Attivitajiet kulturali - Għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jipprovdi lista kompluta t'attivitajiet kulturali li kienu skedati bejn l-1 ta' Diċembru 2024 u s-6 ta’ Jannar 2025, li fihom il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ipprovda xi forma ta’ għajnuna finanzjarja, kemm jekk fl-intier u kemm jekk kopra parti mill-ispejjeż? Jista’ wkoll jgħid kemm hi s-somma li l-Ministeru kkontribwixxa għal kull attività li tissemma?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, il-fondi tqassmu skont is-snin preċedenti u fuq avvenimenti innovattivi biex b’hekk komplejna nsaħħu l-esperjenza tal-Milied f’Għawdex. Il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar ta sostenn lil diversi NGOs u Kunsilli Lokali, li b’hekk setgħu jtellgħu avvenimenti relatati mal-Milied biex bil-ħila tagħhom, wettaqna programm li ppermetta lill-entitajiet kummerċjali jibbenefikaw minn dawk kollha li żaru lil gżiritna matul dan il-perjodu. F’dan il-perjodu ttelew l’fuq minn 100 attivita’ mid-Direttorat tal-kultura tal-Ministeru kif ukoll minn Kunsilli Lokali u għaqdiet madwar Għawdex fejn is-sapport finanżjarju kien ta’ madwar €221,800.00 L-attivitajiet kienu dawn: Bethlehem f’Għajnsielem, Christmas it’s Time, Villa Rundle Illuminated Gardens and Christmas Market, Christmas Magic – Għar Ilma, Swejjaq tal-Milied, Ġej żmien ta’…, Harp and Wind Trio, Christmas in the Square – Xewkija, Festa tfal Immakulata Kunċizzjoni, Stuffed Animal Christmassy Sleepover, Joy to the World!, Christmas in the New Square – Sannat, Il-Milied fin-Nadur: the Launch, It’s Beginning to Look Like a Junior Youth Christmas(2nd Edition), Tota Pulchra, Merħba Milied, A Spark of Joy!, The Għajnsielem Christmas, It’s A Brassy Christmas – 4th Edition, Santa’s Factory & The Glowing Alley, Feel the Magic of Christmas – Il-Kunċert tal-Mileid (27 Edizzjoni), Meet Santa at the North Pole, Joy to the World, Carolling Christmas, Milied Flimkien – Santa’s Magical Night, Festa Titulari Santa Luċija, Milied fl-Għarb, Santa’s Workshop, Christmas Brass, Festival tad-Dawl, Milied li Għaqqas Mużajk, Luci D’Inverno, Xagħra Christmas Market, Santa’s Magical Theatre, Nadur Garmin 10K, A December to Remember, Sounding the Joy of Christmas, It-Tarbija ta’ Bethlehem Erġa Ejja Fostna, The Grand Christmas Concert, Il-Milied… kif Niftakru Jien, Xmas Cards at Santa Luċija, Nativitate Domini Choral Concert – 11th Edition, The Grand Leone Christmas Variety Show, In Dulci Jubilo, Merry Merry Elves, Kunċert tal-Arpa, Pop into Christmas with DCapitals Big Band, Kollox jista’ jmur ħazin… Lejliet il-Milied, Christmas Parade, Dinja tat-Tfal, Christmas Soiree’, Il-Pageant tal-Milied, L-Għanjiet tan-Nativita’, Christmas Illuminated, Cooking with Santa, O Ġesu’ Bambin, Qala with Christmas Carols, Purcissjoni tal-Bambin Nadur, Service of Readings and Christmas Carols, Kunċert tal-Milied, Strings for Christmas, Childrens’ Museum, Red Riding Hood the Rock N’ Roll Panto, Puer Natus Est Nobis, Gloria Regi Infanti, Jubilate, Frost, Dreams of Vienna, A New Year’s Toast, La Cavalcata dei Re Magi, I Tre Re, Gozo New Year’s Eve, Adoration of the Magi, Yuletide Cheer Celebration by Mro Antoine & Friends, The Annunciation. The Itinerary of Hope through Iconography, Mechanical Nativity Crib, Philatelic Noel Noel, Bird Breeders Society Annual Show 2024, Skylines, L-Omm, Christmas Village & Cribs Exhibition, Xena tan-Nativita’, Wirja tal-Milied, Il-Qala Tissaħħar bil-Presepji, Festo Christi Natalico, In Praesepio: The Living Nativity in Nadur, Kif Raw il-Kewba Mtlew bil-Ferħ, Diversi Presepji u wirjiet.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — ħaddiema reġistrati b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema reġistrati b’diżabilità fid-dekasteru tiegħu u x’investiment sar biex dawn ikunu komdi waqt il-ħin tax-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24614.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar — Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid ukoll x'miżuri u x'azzjonijiet ittieħdu jew qed jittieħdu għaż-żamma u l-manutenzjoni tagħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 11490.

Gozo Channel — Ir-raba’ vapur

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar ir-raba’ vapur ġdid għall-Gozo Channel li ġie mwiegħed għal din is-sena? Jista’ jgħid ukoll jekk dan hux ser jinkera jew jinxtara?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpanija Gozo Channel tinsab fil-proċess li toħroġ tender għal vapur ġdid.

Gozo Channel — Kirja ta’ uffiċċju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-kirja tal-post li se jinbena bħala uffiċċju tal-Gozo Channel flok il-garaxx li kien użat bħala supermarket? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu flus mill-Gozo Channel għat-tiswija ta' dan il-post sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Niniforma lill-Onor. Interpellant li l-kirja medja li l-Gozo Channel qeda’ tħallas fuq l-uffiċini hija ta’ Eur65,129.48 kull sena.

Sejħa għall-offerti SPD3/2024/055

Question

Jista’ l-Ministeru jaġġorna lill-Kamra dwar is-sejħa li nħarġet għall-offerti ‘SPD3/2024/055 – Tender for the provision of technical consultancy and architectural services for the establishment of the Victoria Parks, Victoria, Gozo’? Jista jgħid fiex wasal il-proċess għal din is-sejħa?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess qiegħed fi stadju ta’ Appell.

Birkirkara – Proġett ta’ Villa Lauri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-proġett ta’ Villa Lauri ġewwa Birkirkara? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu fuq din il-binja biex tibda tintuża u għal liema skop ħa tintuża? Kemm kienu l-fondi allokati għal din il-binja fil-baġit għal kull waħda minn dawn is-snin 2019, 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024, kemm intefqu minnhom u kemm hemm fondi allokati għas-sena 2025? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata li se tkun l-ispiża globali fuq din il-binja biex tibda tintuża u jekk din il-binja hijiex proprjetà tal-Gvern jew mikrija? Jekk hija mikrija, jista’ jgħid kemm tħallset kera fis-sena u lil min, fl-aħħar sitt snin?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Villa Lauri se tintuża bħala akkomodazzjoni għall-istudenti u qraba ta’ pazjenti li jkunu rikoverati fl-isptarijiet f’Malta. Villa Lauri hija mistennija li tilqa l-ewwel residenti fl-aħħar kwart ta’ din is-sena, wara li x-xogħol strutturali tlesta, ġie installat il-lift, ġew installati l-kċejjen u laundry, u tlesta wkoll ix-xogħol tal-M&Es. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitlubin mill-interpellant. Interpellant.

Għawdex — Esproprazzjoni ta’ art

Question

B’referenza għall-esproprjazzjoni tal-art fi Triq Għajn Qatet, ir-Rabat Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid meta din it-triq ġiet skemata bħala triq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq tidher għall-ewwel darba fuq l-iskema tat-toroq li jridu jinfetħu fil-pjanti tan-1965 kif ukoll sussegwentament fit-Temporary Provision Schemes tan-1988 u fil-Local Plans tat-2006. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn id-dokumenti msemmija. Fil-passat saret ukoll mistoqsija parlamentari 3809 rigward din iż-żona.

Awtorità tal-Ippjanar — Kultivazzjoni tal-kannabis

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux meħtieġ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex binja tkun tista' tiġi użata bħala faċilità għall-kultivazzjoni tal-kannabis?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nitlob lill-Ono. Interpellant sabiex, dwar il-kriterji applikabbli għall-permess rigwardanti kultivazzjoni tal-kannabis, jirreferi d-domanda tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Il-Qajjenza — Rezoning tas-sit tal-eks impjant tal LPG

Question

Jista' l-Ministru jindika liema sit ta' mill-anqas 7,500 metru kwadru ġie identifikat biex jintuża bħala boat storage yard qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar ir-rezoning tas-sit fejn kien hemm l-impjant tal-LPG fil-Qajjenza kif stabbilit f'MQ03 tal-Pjan Lokali għall-Bajja ta' Marsaxlokk?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit hija suġġett għall-applikazzjoni PC22/23 li tipproponi, fil-qafas tal-Kap 552 tal-Liġijiet ta’ Malta, bidla fit-tqassim taż-żoni tas-sit kif propost fil-policy MQ03 tal-1995 u għall-istabbiliment ta' għoli tal-bini fi ħdan is-sit ta' razzjonalizzazzjoni. Matul l-ipproċessar ta’ PC22/23, id-Direttorat tal-Ippjanar jinnota li l-iskema proposta ma taħsibx għaż-żona tal-ħażna tad-dgħajjes kif rakkomandat fil-Policy MQ03, u dik l-istess policy kienet tinkludi biss ħwienet tal-ikel u xorb bħala użu kummerċjali. Madankollu, dawn id-devjazzjonijiet mill-użu rakkomandat tal-art għal dan is-sit (skont il-Pjan Lokali tal-1995) mhumiex qed jiġu oġġezzjonati minħabba li l-użu tal-art jikkumplimenta t-tqassim taż-żoni tal-viċinat, u l-firxa tal-ispazju pubbliku miftuħ itejjeb il-kumditajiet taż-żona. Ta’ min iżid illi l-ħażna u l-manutenzjoni tad-dgħajjes mhumiex ikkunsidrati bħala ideali f'żoni residenzjali.

Il-Qajjenza — Rezoning tas-sit tal-ex-impjant tal LPG

Question

Jista' l-Ministru jindika kif u meta saret jew ser issir il-konsultazzjoni qabel ma tittieħed id-deċiżjoni dwar ir-rezoning tas-sit fejn kien hemm l-impjant tal-LPG fil-Qajjenza kif rikjest f'MQ03 tal-Pjan Lokali għall-Bajja ta' Marsaxlokk?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sit fejn kien hemm l-impjant tal-LPG fil-Qajjenza huwa suġġett għall-applikazzjoni PC22/23 li tipproponi bidla fit-tqassim taż-żoni tas-sit u għall-istabbiliment ta' għoli tal-bini fi ħdan is-sit ta' razzjonalizzazzjoni. Matul l-ipproċessar ta’ PC22/23, sar il-process ta’ konsultazzjni pubblika kif regolat mill- legislazzjoni sussiddjarja S.L552.07; bejn l-erbgħa ta’ Ottubru 2023 u l-ħmistax ta’ Novembru 2023. Din l-applikazzjoni għadha sallum ma hijex diterminata mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Nadur/Xewkija — Triq Ta' Xħajma - Vetturi li jridu jidħlu u joħorgu mill-Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu biex jitneħħa l-periklu serju meta vetturi jidħlu u joħorġu mill-Park and Ride għal Triq Ta' Xħajma fil-limiti tan-Nadur/Xewkija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru mexa ma’ pjan temporanju tal-immaniġġjar tat-traffiku hekk kif maħruġ mill-Awtorità tat-Transport.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Xiri ta’ karozzi ġodda — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 24387 u jgħid kemm intefqu flus biex inxtraw karozzi ġodda taħt id-dekasteru tiegħu, inkluż fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, minn Ġunju 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż informazzjoni dwar il-mudell tal-karozzi li nxtraw, minn liema kumpanija u meta nxtraw, jekk inxtrawx b'direct order jew b'tender pubbliku, l-ammont li nxtraw, u jagħti l-pożizzjoni u l-grad tal-persuna għal min inxtrat kull karozza? Jista’ jippreżenta l-informazzjoni fil-format hekk kif indikat separatament?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ta’ Sannat — Triq il-Qasam - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jinbeda xi xogħol fi Triq il-Qasam, int u dieħel is-Sannat? Jekk iva, meta ser jibda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirefferi għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 22958.

Rabat/Xagħra — Triq San Anard - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jinbeda xi xogħol fi Triq San Anard, mir-Rabat għax-Xagħra? Jekk iva, meta ser jibda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq isiru skont l-esigenzi minn żmien għal żmien.

Rabat/Nadur — Triq ir-Rabat u Ta’ Xħajma - Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanat li jinbeda xi xogħol fi Triq ir-Rabat u Triq Ta' Xħajma mir-Rabat għan-Nadur? Jekk iva, meta ser jibda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-toroq isiru skont l-esigenzi minn żmien għal żmien.