Legislature:
Category:
Reset
Active:

Wied il-Għasri – xogħlijiet għal titjib tal-aċċess għall-bajja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ippjanati xogħlijiet biex jitjieb l-aċċess għall-bajja ta' Wied il-Għasri li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed tkun frekwentata minn turisti? Jista' jgħid x'qed jiġi ppjanat biex bl-ebda mod ma tiġi meqruda s-sbuħija tal-post?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’siti bħal dawn wieħed irid joqgħod attent x’tipi ta’ interventi jsiru biex bl-ebda mod ma ssir ħsara ambjentali. M'iniex infurmat li hemm xi problemi partikulari ta’ aċċess għal dan is-sit.

Santwarju ta’ Pinu u d-Dwejra – latrini pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser ikun lest ix-xogħol fuq il-faċilitajiet ta' latrini pubbliċi ħdejn is-Santwarju ta' Pinu u fid-Dwejra u dan peress li dawn huma l-aktar żewġ postijiet li jżuru t-turisti u l-Maltin li jiġu Għawdex u issa ilhom is-snin li l-faċilitajiet eżistenti ngħalqu u li nbeda x-xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li għandi, ix-xogħlijiet fuq il-latrini pubbliċi tas-Santwarju ta’ Pinu - li jifformaw parti mill-kumpless taċ-ċentru tal-viżitaturi - qed isiru mit-tmexxija tal-istess Santwarju ta’ Pinu. Min-naħa l-oħra, ix-xogħol fuq il-latrina pubblika tad-Dwejra, li qed isir mill-Ministeru għal Għawdex, se jibda fil-ġimghat li ġejjin.

In-Nadur Għawdex – Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq Triq it-Tiġrija u Triq il-Qala fin-Nadur? Jista' jgħid jekk meta se jsir dan ix-xogħol hux se jkun jinkludi x-xogħol neċessarju fuq culvert adegwat biex jilqa' l-ilma tax-xita f'dawn it-toroq u li jaqbeż il-parti residenzjali ta' Triq San Blas?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif kien dan il-Ministeru li bena mill-ġdid triq l-Imġarr li kienet tħalliet tikkrolla bil-mod għal għexieren ta’ snin u li issa saret triq arterjali tal-għola livell bi struttura unika fi gżiritna, hekk ukoll issir Triq it-Tiġrija u Triq l-Qala li tħallew għal għexiren ta’ snin fi stat ħażin. L-interventi meħtieġa, inkluż l-imsemmi Culvert, isiru skont il-pariri tekniċi sabiex dawn it-toroq li saru fis-sebgħinijiet ikunu magħmula bl-għola livell possibbli għal użu u għal benefiċċju tar-residenti tal-madwar u ta’ kull min jgħaddi minnhom.

Għawdex – Heliport — applikazzjoni

Question

Billi reċentement ingħad li saret applikazzjoni biex il-heliport Għawdex jiġi estiż ħalli jkun jista' jieħu ajruplani fixed wing, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-pjanti? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li jiswa x-xogħol li għalih qiegħda ssir l-applikazzjoni? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx operaturi ta' ajruplani li diġà wrew interess li jużaw din il-faċilità, u jekk iva għal liema destinazzjoni?

Response (CAMILLERI, CLINT)

B’dan il-proġett se tkompli tissaħħaħ il-konnettività t’Għawdex b’rispett sħiħ lejn l-ambjent tal-madwar. Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li ġew rikjesti.

Trasport bil-fast ferry bejn Malta u Għawdex — żviluppi

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi kien hemm għal dak li jirrigwarda t-trasport bil-fast ferry bejn Malta u Għawdex? Billi fl-aħħar ġimgħat kien hemm rapporti li tkellmu dwar possibiltà ta’ sussidju għal dan it-trasport, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk id-diskussjonijiet bdewx inkella le? Jista' jagħti tagħrif dwar meta hu maħsub li jidħol fis-seħħ dan l-istess ftehim?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Għawdex – servizz ta’ helpers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn anzjani Għawdxin li jridu s-servizz ta’ helpers fid-djar tagħhom imma mhux jingħatalhom? Jista’ jgħid kemm hawn anzjani li sa sitt xhur ilu kellhom is-servizz ta’ helpers fid-dar tagħhom f’Għawdex imma m’għadux jingħatalhom? Jista’ jgħid ukoll minn Jannar tal-2021 sal-lum kemm kien hemm helpers f’Għawdex li telqu minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom? Jista’ jgħid kemm hu dan l-ammont kull xahar tal-helpers li telqu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Gozo Channel — passenger capacity

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li l-vapur tal-Gozo Channel mhux jgħabbi ‘full-passenger capacity’ u ħafna persuni qed jibqgħu l-art, speċjalment fil-‘peak-time’?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-vapuri tal-Gozo Channel jgħabbu passiġġieri skont in-numru ta’ ekwipaġġ preżenti fuq il-vapur. Il-maximum capacity ta’ passiġġieri li jirkbu fuq il-vapur huwa ta’ 500 passiġġier jew 900 passiġġier, u dan jiddependi min-numru t’ekwipaġġ li jkun hemm fuq l-istess vapur. Il-kumpanija tħaddem numru t’ekwipaġġ ibbażżat fuq il-projected capacity, u iva jista’ jkun hemm xi każi rari fl-off-peak time fejn jinzerta li n-numru ta’ passiġġieri li jridu jużaw il-vapur ikun akbar min dak proġettat. Fi kwalunkwe każ, waqt il-peak-time, il-vapuri ikollhom ekwippaġġ biżżejjed biex ikunu jistgħu jgħabbu l-maximum capacity ta’ passiġġiera li huwa dak ta’ 900 passiġġier.

Animal Welfare Gozo – Persuna assenjata

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Animal Welfare Gozo jaqax taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid min hu inkarigat minn din it-taqsima u xi grad għandha din il-persuna u ma’ liema Ministeru hija assenjata l-istess persuna? Jista' jgħid kif sar il-proċess tal-għażla ta' din il-persuna? Jista' jgħid meta saret is-sejħa pubblika għal din il-kariga? Jista' jgħid kemm ħaddiema hemm f'din it-taqsima u l-ħinijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema huma fil-grad ta' Animal Welfare Officer?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sezzjoni tal-Animal Welfare Gozo taqa’ taħt ir-responsabiltà diretta tad-Direttur għad-direttorat EkoGħawdex fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. F’din it-taqsima hemm jaħdmu 17-il ħaddiem li joffru fost oħrajn servizz t’ambulanza 24 siegħa sebat ijiem fil-ġimgħa.

Nadur, Għawdex – Triq ir-Rabat – ħajt ta’ lqugħ tal-konkos

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2174, jista’ l-Ministru jgħid min qed jaħdem fuq il-pjan ħolistiku għat-triq prinċipali li twasslek għal-lokalità tan-Nadur? Jista' jgħid fiex wasal dan il-pjan u meta hu mistenni li jkun lest? Jista' jgħid jekk intbagħatx perit biex jevalwa l-periklu li hemm fil-parti fejn hemm konsenturi kbar fil-ħitan ta' lqugħ tal-konkos?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għaddej bl-arranġamenti meħtieġa u nserraħlu moħħu li mhux se nħallu toroq jaqgħu jew idumu xi 50 sena biex issir manutenzjoni fuqhom.

Ministeru għal Għawdex – lista ta’ individwi li jagħmlu parti minn bordijiet u kumitati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-persuni kollha li jagħmlu parti mill-bordijiet u kumitati kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’, għal kull kumitat u bord rispettiv, jagħti: a. lista ta’ persuni (titlu, isem u kunjom); b. l-irwol tagħhom fi ħdan il-bord jew kumitat; ċ. l-esperjenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn imsemmija fuq il-bord jew kumitat; d. il-kompetenzi ta’ kull wieħed u waħda minn dawn l-individwi msemmija fuq bord jew kumitat fejn jidħol is-settur ikkonċernat; e. jekk hux qed jattendu fil-kapaċità personali tagħhom jew ex offici; u f. ir-remunerazzjoni mogħtija lil kull individwu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Filwaqt li nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li diġà tajtu fil-mistoqsija numru 2292, ngħarrfu wkoll li l-proċeduri jimxu skont il-Manwal rispettiv għat-twaqqif ta’ bordijiet u kumitati appuntati mill-Gvern.

Għawdex – ix-Xewkija – Triq il-Gidi

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3058, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk hemmx pjan li titranġa Triq il-Gidi, fix-Xewkija, Għawdex peress li tinstab fi stat ħażin ħafna u taqa’ taħt il-poteri tal-Ministeru għal Għawdex? Jekk hemm pjan, meta ser jibda?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali triq qatt ma saret. Għaldaqstant, idealment, kif il-maġġor parti tal-bini u s-servizzi jkunu lesti l-Ministeru jidħol għal inkarigu biex issir il-kumplament tat-triq.

Għawdex – Integrated project iffinanzjat mill-ERDF

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma liema integrated project f’Għawdex se jiġi ffinanzjat mill-European Regional Development Fund (ERDF)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Operational Programme I - li jiffoka wkoll fuq il-European Regional Development Fund - għadu kif ġie approvat mill-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, peress illi sakemm ġiet preparata t-tweġiba li d-dokument għadu ma ġiex ippubblikat u s-sejħiet mill-Awtorità ta’ Ġestjoni għadhom ma ħarġux, l-ebda proġett ma jista’ jiġi kkonfermat għal finanzjament taħt dan il-programm f’dan l-istadju.

Għawdex – xogħolijiet fit-toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1672, li ngħatat fil-21 ta' Ġunju 2022, rigward kemm fl-aħħar żewġ leġiżlaturi (2013–2022) saru toroq jew partijiet minn toroq f’Għawdex li ngħataw il-base course biss u sal-lum għadhom ma ngħatawx il-wiċċ finali, fejn ġie mwieġeb li “ix-xogħol fuq il-maġġor parti tagħhom għadu għaddej”, jista’ l-Ministru jgħid f'kull triq li ssemmiet fit-tweġiba meta nbeda x-xogħol fuqha, kemm tħallsu flus sa issa fuq kull triq, liema xogħlijiet għad fadal isiru u fiex jikkonsistu, u meta se jingħata l-wearing course? Jista’ jagħti area f’metri kwadri li għadha bil-base course ta' dawn l-imsemmija toroq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Gozo Sports Complex — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn huma stazzjonati l-ħaddiema kollha li kienu jaħdmu l-Gozo Sports Complex, minn meta ngħalaq dan il-kumpless sal-lum? Jista' jgħid jekk kienx hemm il-ħtieġa li jinkera post biex minnu jaħdmu dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid ukoll kif inkera dan il-post u kemm qed jitħallas fix-xahar għall-kirja ta' dan il-post? Jista' jgħid jekk inħarġitx sejħa għall-kiri ta' dan il-post?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta ngħalaq il-Kumpless Sportiv minħabba r-rikostruzzjoni tal-istess kumpless u l-pixxina, il-ħaddiema kif ukoll parti mill-operat kienu ġew trasferiti għall-iskola Sir M.A. Refalo ġewwa l-belt Vittorja. Minħabba li din il-parti tal-iskola kienet ser tibda tiġi utilizzata mill-istudenti, saru diversi taħdidiet mal-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jinstab post alternattiv però l-ebda post ma nstab li jista’ jakkomoda sala mdaqqsa fejn jintlagħab logħob ta’ ġewwa. Eventwalment instab post adegwat fil-Każin tal-Banda ta’ Kerċem fejn hemm sala kbira li tista’ takkomoda logħob ta’ ġewwa. F’Settembru ta’ din is-sena ftit mill-ħaddiema ġew trasferiti għal din is-sala u ftit oħra fl-iskola Primarja ta’ Kerċem li tinsab faċċata ta’ dan il-każin. Il-kirja hija ta’ €8,000.00 fis-sena.

Ir-Rabat (Għawdex) – Gozo Museum — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jitlesta x-xogħol fuq il-Gozo Museum fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid għaliex ix-xogħol jidher li miexi bil-mod? Jista' jgħid ukoll sa issa kemm intużaw fondi tal-Unjoni Ewropea li kienu allokati fuq dan l-istess proġett?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Il-Mużew jinstab biswit sala tal-eżamijiet u tliet skejjel, għalhekk il-pass tax-xogħlijiet dejjem ikun skont l-esiġenzi tal-istudenti u b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ ta’ Għawdex u d-Direttorat tal-Eżamijiet. Minn barra hekk, ix-xogħlijiet isiru taħt superviżjoni kontinwa tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Dan għaliex waqt ix-xogħlijiet ta’ skavar instabet żona arkeoloġika ta’ madwar 960 metru kwadru tal-perjodu Ruman, li qatt ma nstabet bħalha f’pajjiżna. B’hekk din is-sejba unika ġiet protetta u integrata fil-Mużew ta’ Għawdex. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ta’ din iż-żona, ix-xogħlijiet dejjem saru b’kawtela. Rigward il-fondi tal-Unjoni Ewropea diġà ngħatat risposta fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 17678.

Gozo Channel – Head Office

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jiġu mgħoddija b’mod separat, u li hija l-Head Office tal-Gozo Channel ġewwa l-Imġarr, Għawdex, hijiex proprjetà tal-Gvern?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi iva, il-proprjetà li d-dettalji dwarha qed jiġu mgħoddija b’mod separat, u li hija l-Head Office tal-Gozo Channel ġewwa l-Imġarr, Għawdex, hija proprjetà tal-Gvern.

Ministeru għal Għawdex – persuni impjegati relatati mas-CEO jew Chairperson ta’ xi Awtorità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-entitajiet u fl-awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, hemmx persuni impjegati li huma relatati b’affinità, jew konsangwinament mas-CEO jew Chairperson tal-istess entità/awtorità? X’inhu l-job designation tagħhom? Jekk it-tweġiba hi fil-pożittiv, jista’ l-Ministru jgħid kif dawn l-istess persuni ġew impjegati ma’ dik l-entità/awtorità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma jkollniex informazzjoni bħal din. Nistiednu jkun aktar speċifiku.

Għawdex: Rabat – Triq it-Tabib Anton Tabone – problema tal-ilma tax-xita

Question

Jista' l-Ministru jgħid għandux xi pjanijiet u dawn fiex jikkonsistu u meta huma ppjanati li jiġu mwettqa u fl-immedjat x'se jsir sabiex tiġi solvuta l-problema tal-ilma fi Triq it-Tabib Anton Tabone fir-Rabat, Għawdex kull meta tagħmel ix-xita u dan peress li d-djar ta' dawn ir-residenti ta' din it-triq qed jimtlew bl-ilma u wkoll qed ikun hemm periklu kbir f'din l-imsemmija triq kull meta tagħmel ħafna xita?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa l-Ministeru qiegħed iħejji pjan infrastrutturali għas-snin li ġejjin.

Ministeru għal Għawdex – ħaddiema li jagħmlu xogħol ta’ żbir ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex li b'mod regolari jagħmlu x-xogħol ta' żbir ta' siġar kbar fil-lokalitajiet ta' Għawdex? Jista’ jelenka l-lokalitajiet, it-toroq tagħhom u areas, inkluż pjazez, fejn f'dawn l-aħħar sentejn sar iż-żbir ta' siġar kbar permezz tal-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fejn fil-ġimgħat li ġejjin hemm ippjanat li jsir żbir ta' siġar kbar mill-ħaddiema tal-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jitqassam bejn gruppi u timijiet. Hemm ġonna pubbliċi li għandhom allokati persuni speċifiċi u uffiċjali pubbliċi oħrajn li m’għandhomx allokazzjoni diretta u li joffru servizz madwar diversi lokalitajiet f’Għawdex.

Il-Qala Għawdex – Triq il-Wardija – Xogħlijiet infrastrutturali

Question

B'referenza għat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 21732 li ngħatat fis-7 ta' Lulju 2021 rigward Triq il-Wardija fil-Qala fejn ġie mwieġeb "li x-xogħlijiet se jitkomplew la darba tiġi awarded it-tender", jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender ġietx awarded u meta ġiet awarded, u jekk ix-xogħol mitlub minn din it-tender fuq din it-triq bediex u tlestiex, jekk inbidlitx is-sistema tad-drenaġġ u jekk saritx bit-tarmak kollha kemm hi?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq din it-triq ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin.