Legislature:
Category:
Reset
Active:

Buġibba/Kennedy Grove — Toroq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex ħofra perikoluża fejn il-lights tad-daħla ta' Buġibba tissewwa? Jista' jara wkoll li t-toroq ta' madwar Kennedy Grove li fihom saru xi trinek fl-aħħar xhur, jiġu rranġati sew, mhux biss fil-wisa' tat-trinka iżda fil-wisa' kollha tat-triq biex dawn it-toroq isiru aħjar milli fil-fatt huma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tkun qed toħrog tenders ta’ patching f’toroq arterjali u distributorji sabiex issewwi l-ħsarat li jeżistu fuq dawn it-toroq inkluż il-ħofra msemmija mill-Onorevoli Nterpellant. Rigward it-trinek li saru madwar Kennedy Grove, minħabba li dawn it-toroq ma kienux ġodda, l-ADT ma tispeċifikax biex jingħata tarmak fil-wisa’ kollha tat-triq imma fuq it-trinka. Ir-rikostruzzjoni kolla ta’ dawn it-toroq m’hiex fil-pjan ta’ xogħlijiet li jridu jsiru mill-ADT fil-futur qrib.

Mosta — Triq il-Waqqafa

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 999 u jagħti time frame ta' meta sejjer jibda x-xogħol fuq Triq il-Waqqafa, fil-Mosta, liema triq diġa' għandha parti minnha li saret u fadlilha parti oħra li għad trid tingħata wiċċ ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Tiswija ta' Mollijiet

Question

B'Referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 1067, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kien l-eżitu ta' dawn l-ispezzjonijiet li saru? Liema mill-mollijiet ikkonċernati huma mistennija li jiġu msewwija' u meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li permezz tal-ispezzjonijiet li saru ġie stabbilit l-istat strutturali ta` diversi mollijiet u strutturi marittimi madwar Malta u Għawdex inkluż il-mollijiet ta` Buġibba, Xemxija, Fekruna u s–Salini. Bħalissa qegħda ssir lista ta` prijorita` ta` tiswijiet meħtieġa. Il-konsiderazzjonijiet li jiddeterminaw din il-prijorita` jinkludu [a] in-natura u gravita` tal-ħsarat [b] l-użu li jkun qiegħed isir mill-istruttura partikulari. Għaldaqstant għadu kmieni wisq sabiex wieħed jiddetermina meta sejrin isiru t-tiswijiet meħtieġa. Fil-każ tas-Salini, li ma jaqax taħt ir-responsabbilta` tal-Awtorita, dan ser jiġi riferut lill-Works Division tal-Gvern.

Triq tal-Miżieb — Crash Barriers

Question

Jista' l-Ministru jara li fit-triq li mill-Mellieħa twassal għat-triq ta' Għajn Tuffieħa, (it-Triq tal-Miżieb) f'diversi partijiet tagħha, jitwaħħlu crash barriers għaliex hemm numru ta' żoni li huma perikolużi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li li l-ADT ser tkun qed tispezzjona it-triq imsemmija sabiex tidentifika liema huma dawk il-postijiet li jeħtieġu crash barriers.

Bypass tal-Mellieħa — Crash Barriers

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex permezz ta' l-ADT, jitwaħħlu diversi crash barriers fejn hemm bżonnhom matul il-bypass tal-Mellieħa sa l-Għadira?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT ser tkun qed tispezzjona t-triq imsemmija sabiex tidentifika liema huma dawk il-postijiet li jeħtieġu crash barriers.

Mistra Village Complex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1249 u ċioe: Stante li minflok il-Mistra Village Complex se jitla' torri ġdid, u dan l-iżvilupp ta' bilfors se jkollu jerġa' jitfa' fuq l-agenda l-iżvilupp tat-triq minn ġo l-Imbordin ta' l-hekk imsejjaħ TEN-T Network, u stante li s-soluzzjoni għall-problema tax-Xemxija li jieħu wisq traffiku ġej u sejjer mill-Mellieħa u Għawdex, ma tistax tkun triq li i) tiġġenera iżjed tniġġis fil-Pwales,is-Simar u l-Imbordin ii) kontra l-liġi ta' l-EU għax tipperikola l-aquifer tal-Miżieb u iii) triq ġdida bħal din mhux se ttaffi l-vera problema tagħna cioe' dipendenza kbira fuq il-karozzi u trasport privat, jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-gvern fuq it-triq ta' l-Imbordin? Veru li l-gvern qed jikkonsidra li jitnaqqas l-użu tal-port taċ-Ċirkewwa b'ferry li jasal sal-port tal-Marsa (fejn is-Sea Malta)?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Konsum ta' dawl u ilma

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 1233,1038, 793 u 572 u jieħu l-figuri ta' bejn l-1 ta' Marzu 2007 u l-1 ta' Marzu 2008 u jindika kemm hi l-medja ta' ħlas totali fis-sena li kull household tħallas lill- a) Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma b)Enemalta għall-konsum tal- i)ilma u ii)dawl inkluż konsum , kirjiet ta' arloġġi u soprataxxa? Kemm minn din iċ-ċifra, bħala medja, tmur bħala ħlas għas-surcharge?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-medja ta' ħlasijiet għall-kull abitazzjoni għall-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant hu kif ġej: Konsum Medju ta' l-ilma għal kull abitazzjoni għal perjodu ta’ sena € 44.76 Konsum Medju ta' l-elettriku għal kull abitazzjoni għal perjodu ta’ sena € 209.16 Fuel Surcharge fuq Konsum Medju għal kull abitazzjoni fuq perjodu ta’ sena € 126.96 Kera ta' dawl u ilma fuq perjodu ta’ sena € 55.90

Marsaskala — Triq is-Skiet

Question

Jista' l-Ministru jindika meta se jsir l-embellishment meħtieġ fi Triq is-Skiet Marsaskala?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-triq imsemmija hija nkluża fil-lista ta’toroq li jridu jsiru mill-ADT. Ix-xogħol fuq dan il-programm ta’ bini ta’ toroq residenzjali għadu għaddej u l-bini tat-triq imsemmija għandu jsir fix-xhur li ġejjin.

Malta Maritime Authority — Persuna sospiża

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jiġi konkluż il-każ ta' dixxiplina ta' persuna, li ismu qed jintbagħat separatament, li jaħdem il-Malta Maritime Authority u li minħabba x-xogħol onest tiegħu spiċċa Bord tad-Dixxiplina u ilu sospiż sa mit-23 ta' Frar, 2008?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna msemmija kien diġa nstema` imma minħabba problemi legali ser ikollu jerga` jinstema. L-imsemmi mpjegat ġie formalment infurmat b’dan.

Surcharge

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' surcharge fuq il-konsum ta' l-elettriku miġbur mill-EneMalta matul is-sena 2007? Kemm kien is-surcharge fuq il-konsum ta' l-ilma miġbur mill-WSC għall-istess perijodu? Dan is-surcharge hu inkluż fid-dħul ordinarju tal-korporazzjonijiet rispettivi għas-sena 2007?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

AreA tal-Fjuri

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex waqt li jkun qed jitlesta x-xogħol marbut mal-bypass ta' San Pawl il-Baħar, ikun hemm minn fejn ir-residenti li joqgħodu fl-area tal-Fjuri jgħaddu mingħajr periklu biex jinżlu għall-bus stop fix-Xemxija fil-parti tad-Dellija?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-pjanijiet tar-rikostruzzjoni tal-bypass ta’ San Pawl hemm inkluż bankina u ‘pedestrian crossing’ sabiex jiġi pprovdut aċċess mingħajr periklu għal min ikun qed jimxi matul it-triq kollha. Dan għaliex qabel dan il-proġett dawn il-faċilitajiet ma kienux eżistenti matul it-triq.

Manoel Island — Ground

Question

Billi fl-1 ta' Marzu, 2005 l-Ministru għall-Iżvilupp Urban u t-Toroq kien wiegħed li x-xogħol fuq il-ground ta' Manoel Island kellu jibda fl-ewwel tliet xhur ta' 2006, u li l-MIDI kellha tgħaddi l-ground tal-Gvern meta dan jkun lest skond ftehim iffirmat bejn iż-żewġ partijiet kif ġie approvat mill-Parlament, jista' l-Ministru jgħid issa li għaddew aktar minn sentejn mid-data mħabbra meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra .

Ħal Farruġ — Servizz ta' Dawl

Question

Jista' l-Ministru jassigura li s-servizz ta' dawl (supply) jitwassal fl-areas pubbliċi ta' Ħal Farrug, Luqa cioe' ħdejn il-kappella u l-blokki ta' flats, issa li l-proġett li kellu jsir tlesta u dwal fuq barra ilhom li twaħħlu xhur? Jifhem il-Ministru li dawn in-naħat huma mudlama u jikkostitwixxu periklu għar-residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma' ġietx sottomessa l-ebda applikazzjoni biex titwassal il-provista ta' l-elettriku.

Ħal Luqa — Bus Shelters

Question

Jista' l-Ministru jassigura li fl-iqsar żmien possibli t-talba għall-bus shelter f'Ħal Luqa fit-tarf tar-raħal inti u dieħel min-naħa ta' l-ajruport tiġi milqugħa u esegwita? Ir-residenti ilhom xhur jistennew tali bus shelter u bħalissa s-sħana u l-qilla tax-xemx toħloq inkonvinjent kbir għal min ikun qed jistenna s-servizz ta' trasport pubbliku.

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Zebra Crossing u Pelican Lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex numru ta' zebra crossings li hemm madwar il-kosta tal-Qawra u Bugibba (bejn Kennedy Grove u l-Knisja San Pawl Nawfraġju) fil-fatt jinżebgħu u fejn hu meħtieġ isiru l-pelican lights?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.