Jista' l-Ministru jgħid il-flus li ngħataw f'għajnuna mill-Malta Enterprise lil numru ta' kumpanniji li sabu ruħhom fid-diffikultajiet tant li kienu qed jaħdmu b'ġimgħa mnaqssa ta' erbat ijiem fil-ġimgħa, minn liema baġit ħarġu? Huwa possibbli li b'mod kumplessiv jgħid kemm huwa dan l-ammont? Jekk le, jista' jagħti l-ismijiet tal-kumpanniji li ġew mgħejjuna?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8236.
L-assistenza finanzjarja pprovduta mill-Malta Enterprise lil numru ta' kumpanniji li sabu ruħhom fid-diffikultajiet tant li kienu qed jaħdmu b'ġimgħa mnqassa ta' erbat ijiem fil-ġimgħa, ħarġu mill-Vot tal-Incentivi tal-Malta Enterprise.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx xi żona partikulari fejn Maltin li għandhom caravans u barranin li jiġu f'pajjiżna b'caravans ikunu jistgħu jikkampjaw għal ftit jiem mingħajr il-ħtieġa li jħallsu lil xi sid privat? Jekk fl-affermattiv, jista' jindika fejn? Jekk fin-negattiv, jista' jindika jekk il-Gvern għandux ħsieb li jaħseb f'żona għal dan l-użu fid-dawl tal-fatt li dawn it-tip ta' siti għall-kampeġġ qed jiżdiedu bil-bosta f'pajjiżi oħra għal skop ta' turiżmu intern u dak li jiġi minn barra l-pajjiż?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu introdotti l-emendi fiskali in kwantu għat-tassazzjoni causa mortis illi kellha twassal sabiex l-ulied ma jibqgħux aktar taxxati fuq ir-residenza ordinarja tal-ġenituri tagħhom hekk kif imwiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali? Ma jidhirlux illi aktar minn sena wara l-elezzjoni ġenerali issa għadda biżejjed żmien biex dak li wiegħed jitwettaq?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-emenda fiskali in kwantu għat-tassazzjoni Causa Mortis illi kellha twassal sabiex l-ulied, persuni b’diżabilita’, ma jibqgħux aktar taxxati fuq ir-residenza ordinarja tal-ġenituri jew kustodji legali tagħhom, hekk kif imwiegħed qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali kienet għaddiet mill-Parlament fl-4 ta’ Marzu 2009 b’Att Numru II ta’ l-2009 – Taqsima VII.
Għaqda Nazzjonali tal-Ġenituri tal-Persuni b'Dizabilità — direttivi l-ġodda dwar vetturi għall-persuni b’diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8640 u cioè: In vista tal-fatt li l-Għaqda Nazzjonali tal-Ġenituri tal-Persuni b'Dizabilità ġiet rappurtata li tinsab preokkupata bid-direttivi l-ġodda dwar sussidji u eżenzjonijiet ta’ vetturi għall-persuni b’diżabilità li daħlu fis-seħħ fil-bidu ta’ din is-sena u dan peress li llum bid-direttivi l-ġodda, l-liċenzja tal-vetturi hi bla ħlas għall-ewwel ħames snin mis-sena li fiha l-vettura tkun ġiet manifatturata u fis-sitt sena l-ħlas tal-liċenzja jkun ta’ 50% għal vetturi li jaħdmu bil-petrol sa 180g/km C02 emissions u vetturi li jaħdmu bid-diesel sa 150g/km C02 emissions (minbarra vetturi li diġà għandhom bħalissa persuni b’diżabilità jew nies oħrajn li jikkwalifikaw); jista' il-Ministru jiddikjara jekk huwiex se jilqa' għal dan it-tħassib u jimplimenta tibdil fil-politika (policy) tal-Gvern dwar dan?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8652 u cioè: B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8033, tenut kont tal-fatt li r-residenza uffiċjali lil din il-persuna ingħatat fis-26 ta' Novembru 2008 (ara kopja ta' l-ID card), tenut kont ukoll li l-vettura inġiebet Malta wara l-1 ta' Lulju 2008 (Dok B), tenut kont li din il-persuna diġà applikat u tat diversi dokumentazzjoni u tenut kont ukoll li l-istess persuna ingħatat risposta li bir-rispett kollu ma tagħmel sens ta' xejn la jekk taqraha u lanqas mil-lat legali (Dok C) u tenut kont li din il-persuna ċittadin membru ta' Stat fl-Unjoni Ewropea, li qiegħda Malta, tħallas it-taxxi u taħdem bi qliegħ, ilha tirsisti biex il-karozza li dejjem kellha tkun tista' tirreġistraha Malta għal dawn l-aħħar tliet xhur, jista' l-Ministru jidħol f'dan il-każ u jispjega b'mod ċar x'irid isir f'dan il-każ?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7488, jista' l-Ministru jispeċifika għal liema xogħol ingħatat id-direct order ta' €351, 828.00 lil Galaxy Limited; € 344,560 lil SG Solutions Limited u dik ta' €365,000,00 lil Nuctech Hong Kong Co. Ltd?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7488, jista' l-Ministru jispeċifika għal liema xogħol ingħatat id-direct order lil Fiott Advocates u li għalih dawn tħallsu €81.53 għal kull siegħa xogħol u €582.34 għal kull ġurnata xogħol barra minn Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-direct order tirrigwardja servizzi professjonali provduti minn Fiott Advocates in konnessjoni mat-trattat fuq taxxa doppja ma’ l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u reviżjoni ta’ trattati simili mal-Libja u ċ-Ċina u trattati eżisenti oħra li jiġu ndikati minn dan il-Ministeru. Dawn is-servizzi jinkludu preparazzjoni għan-negozjati u parteċipazzjoni fid-diskussjonijiet mal-pajjizi konċernati.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6351 u cioè: Peress li settur ġdid għal pajjiżna li permezz tiegħu qed jinħolqu aktar impjiegi f'Malta hu dak tal-logħob permezz tal-internet, jista' l-Ministru jintervjeni biex xi operaturi internazzjonali tar-remote gaming jiġu mħajra jinvestu f'Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8637, 8431, 8276, 8118, 7523, 7294, 6957 u 6692 u jgħid għal kemm tammonta ċ-ċifra totali li l-Gvern idaħħal kull sena mill-magni tal-logħob li hemm allokati fl-erba' casinos li hawn f'Malta, jiġifieri gaming tax, income tax fuq il-kumpanniji, taxxi fuq il-qligħ, kontribuzzjonijiet soċjali ta' l-impjegati eċċ.?
Kemm-il persuna jimpjegaw l-erba'
casinos
f'pajjiżna?
Jikkonferma li hawn madwar 12,000 magna tal-logħob simili għal dawk li hemm fil-casinos imxerrdin fi ħwienet tal-logħob li qegħdin jinbtu f'kull belt u raħal ta' Malta?
Il-kondizzjonijiet għall-permessi għall-ftuħ ta' casinos f'pajjiżna jinkludu sbarrament ta' l-età, biex wieħed jidħol u jilgħab irid ikun għalaq 25 sena, self barring li jorbot għall-casinos kollha, skrutinju dettaljat tal-flejjes li jidħlu u joħorġu kif ukoll preżenza ta' uffiċjali responsabbli għas-setturi tal-gambling, taxxa, eċċ. Jista' jispjega jekk l-operaturi ta' dawn il-magni tal-logħob (mhux casinos) għandhomx l-istess regolamenti?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta qiegħda tingħata f'xi seduta oħra.
kundizzjonijiet biex tinbiegħ proprjetà mixtrija mill-uffiċju konġunt
Question
Jista' l-Ministru jgħid, persuni li huma propretarji ta' djar/appartamenti li xtraw mill-uffiċċju konġunt, x'kondizzjonijiet huma marbutin bihom biex ibiegħu din il-proprjetà u wara kemm żmien?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi hawn taħt qiegħed nirriproduċi il-Kundizzjonijiet li persuna hija marbuta bihom wara li tkun xtrat id-dirett dominju temporanju (fdiet iċ-ċens) u allura saret il-proprjetarja assoluta:
(1) Sa għoxrin (20) sena mid-data ta’ meta applikant ikun ġie infurmat bil-miktub bil-prezz li bih il-proprjeta’ tista’ tiġi mifdija jew mixtrija
a) Il-proprjeta’ mibjugħa trid tibqa’ tintuża għal skop ta’ residenza
b) Ma jkun permess ebda żvilupp
(re-development)
tal-proprjeta’ ħlief xogħol ta’ renovazzjoni jew rikostruzzjoni tal-istess fond kif kien oriġinarjament bl-istess numru ta’ fondi ta’ abitazzjoni.
c) Madankollu, jekk il-proprjeta` tiġi konvertita f’ aktar minn unita` waħda ta’ residenza u tiġi trasferita lil dixxendenti u axxendenti lineari u bejn l-aħwa dan ma jitqiesx bħala
re-development
. Jekk sussegwentement isir xi trasferiment ieħor lil terzi, dan ikun soġġett ukoll għal dak kollu li hemm provdut fil-paragrafu (3) hawn taħt imsemmi.
(2) Ix-Xerrej jista’ meta jrid jitlob lit-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern biex kontemporanjament iċedi l-kundizzjonijiet skond il-paragrafu (1) hawn fuq imsemmija, u dana versu l-ħlas ta’ darba lit-TPG ta’ miżata ta’ ċessjoni ekwivalenti għal perċentagg tal-prezz (indikati hawn taħt) tal-bejgħ dikjarat fuq il-konvenju iffirmat bejn ix-xerrej u terzi, liema konvenju ikun dak li ġie debitament mibgħut lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Dan il-prezz irid jiġi sussegwentement konfermat fuq il-kuntratt tal-bejgħ. It-TPG tirriserva id-dritt li tagħmel stima tal-fond, jekk u meta jkun meħtieġ.
(3) Il-perċentaġġi li jridu jitħallsu huma dawn li ġejjin:
a) Sa ħames (5) snin mid-data ta’ meta applikant ikun ġie infurmat bil-miktub bil-prezz li bih il-proprjeta’ tista’ tiġi mifdija jew mixtrija, ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) tal-prezz ta’ bejgħ;
b) Mis-sitt (6) sena sal- għaxar (10) sena mill-istess data, għoxrin fil-mija (20%) tal-prezz tal-bejgħ;
c) Mill-ħdax (11) il-sena sal-ħmistax (15) il-sena mill-istess data, ħmistax fil-mija (15%) tal-prezz tal-bejgħ;
d) Mis-sittax (16) il-sena sal-għoxrin (20) sena mill-istess data, għaxra fil-mija (10%) tal-prezz ta’ bejgħ.
(4) Sa ħames (5) snin mid-data ta’ meta applikant ikun ġie infurmat bil-miktub bil-prezz li bih il-proprjeta’ tista’ tiġi mifdija jew mixtrija:
a) trasferiment “inter vivos” jista’ isir iżda suġġett għal kundizzjoni li titħallas is-somma ekwivalenti għal ħamsa u għoxrin fil-mija (25%) tal-prezz ta’ bejgħ lit-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern.
b) Madankollu, trasferimenti
“inter vivos”
ma’ dixxendenti u axxendenti lineari u bejn l-aħwa ikunu eżentati minn klawsola (4a) kemm il-darba il-fond jibqa’ bħala l-istess unita’ ta’ residenza u jibqa’ hekk jintuża. Jekk sussegwentment isir xi trasferiment ieħor ikun soġġett ukoll għal dak kollu li hemm provdut fil-paragrafu (1) hawn fuq imsemmi.
c) Jekk fost l-applikanti pendenti hemm talba għal trasferiment minn persuni reġistrati mal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’ Diżabilita’, tista’ tiġi kunsidrata biex il-kundizzjoni stipulata fil-klawsola (4a) hawn fuq imsemmija, ma tapplikax u għalhekk il-persuna tiġi eżentata minnha. Din it-talba għall-eżenzjoni trid issir mill-applikant bil-miktub fl-istess ħin meta qed tiġi proċessata l-applikazzjoni ulterjuri.
d) Jekk fost l-applikanti pendenti hemm talba għal trasferiment minn koppja li illum hija separata wara deċiżjoni finali,
‘res judicata’
mogħtija minn Qorti jew permezz ta’ kuntratt ta’ separazzjoni personali debitament awtoriżżat mill-Qorti tal-Familja, il-kundizzjoni fil-klawsola (4a) fuq imsemmija ma tapplikax u għalhekk dawn il-koppji jiġu eżentati minnha. Din it-talba għal eżenzjoni trid issir mill-applikant bil-miktub fl-isess ħin meta qed tiġi proċessata l-applikazzjoni ulterjuri.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8613 u jgħid f’liema stadju waslet l-investigazjoni dwar l-allegat frodi fl-uffiċċju tal-VAT? Jista' jgħid kemm huwa l-ammont ta' fondi iffrodati lill-Gvern u t-taxpayer? Peress li l-gvern waqqaf ir-refunds dovuti lil persuni bona fide li huma intitolati għal dawn ir-refunds, jista' il-gvern jgħid meta ser jibda jagħti lura dak li huwa ta' dawn il-persuni? Nassumi li sal-lum il-persuni (vatable persons) li huma indagati għax involuti fl-allegat frodi huma identifikati u għalhekk id-dipartiment, jista' juża diskrezjoni prudenti u jerġa' jagħti lura ir-refunds fejn dovuti? Jifhem il-Ministru li fiċ-ċirkustanzi ħafna negozji għandhom nuqqas ta' cashflow li taffetwa negativament in-negozji tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Taxxa tal-Bolla u Provisional Capital Gains Tax fuq kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 8683 u 8410 u jgħid kemm kien il-ħlas li l-Gvern ġabar bħala taxxa tal-bolla fuq kuntratti u Provisional Capital Gains Tax fuq kuntratti xahar b'xahar matul is-sena 2008 sa Marzu 2009?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijijiet parlamentari 8709 u 8538 u jgħid kemm hemm applikazzjonijiet għal art u/jew għal workshops għal garage industry f’Għawdex? Meta ġew sottomessi l-applikazzjonijiet? Kemm minhom huma approvati? Meta ġew approvati? Għaliex għadhom ma nagħtawx art/workshop? Kemm huwa mistenni li joħolqu impjiegi l-proġetti approvati? Dawk li ma ġewx approvati għaliex għadhom ma ġewx proċessati? Kemm huwa mistenni li joħolqu impjiegi dawn il-proġetti li għadhom mhumiex approvati?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqsant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Bordijiet
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7649, jista' l-Ministru jaġġornani bl-attendenza tal-membri f'kull bord?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-membri tal-bordijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħi attendew kif ġej:
Il-Bord tal-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord tal-Korporazzjoni għall-Intrapriża ta’ Malta.
Il-Bord tal-Malta Industrial Parks
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord tal-Malta Industrial Parks bl-eċċezzjoni tas-Sinjura Elaine Bonello li ġiet skużata darbtejn u s-Sur Paul Bezzina li ġie skużat erba’ darbiet.
Il-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Att tal-Kumpanniji Kontrollati (Proċedura ta’ Stralċ)
Il-membri kollha attendew għas-seduti tal-Bord ta’ l-Appelli dwar l-Att tal-Kumpanniji Kontrollati (Proċedura ta’ Stralċ).
Il-Bord tal-Accountancy
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord tal-Accountancy bl-eċċezzjoni tas-Sur John Zarb, is-Sur Bernard Scicluna, s-Sinjura Helen Marie Attard, is-Sur Tonio Zarb u s-Sur Mario Galea li ġew skużati għal-laqgħa waħda.
Il-Bord ta’ l-Appelli tal-Kuntratti
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord ta’ l-Appelli tal-Kuntratti
Il-Bord Nazzjonali ta’ l-Akkreditament
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord Nazzjonali ta’ l-Akkreditament bl-eċċezzjoni tas-Sinjura Moira Pace li ġiet skużata tlett darbiet, is-Sur Martin Seychell u s-Sur Charles Mercieca li ġew skużati darbtejn, u s-Sur Adrian Zahra li ġie skużat darba. Is-Sur Stefan Xuereb irriżenja mill-bord.
Il-Bord tal-MIMCOL
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord tal-MIMCOL.
Il-Bord tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU)
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord tal-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU).
Il-Bordijiet ta’ l-Appell tal-VAT (l-ewwel u t-tielet)
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bordijiet ta’ l-Appell tal-VAT (l-ewwel u t-tielet).
Il-Bord dwar drittijiet ta’ l-Awtur
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord dwar drittijiet ta’ l-Awtur.
Il-Bord dwar is-Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord dwar is-Sorveljanza fuq l-Għajnuna Mogħtija mill-Istat.
Il-Bord ta’ l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord ta’ l-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji.
Il-Bord ta’ l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord ta’ l-Awtorita’ dwar il-Lotteriji u l-Logħob bl-eċċezzjoni tad-Dott Pauline Debono u s-Sur Jesmond Pace li ġew skużati għal-laqgħa waħda.
Il-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Istatistika
Il-membri kollha attendew għal-laqgħat tal-Bord ta’ l-Awtorita’ ta’ l-Istatistika bl-eċċezzjoni tal-Professur Joseph Falzon li ġie skużat darbtejn.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kummissjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 7665 u jgħid liema huma l-kummissjonijiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu li ltaqgħu matul Jannar, Frar u Marzu ta' din is-sena? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 7665.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija raġuni li f'Malta filwaqt li hawn inqas persuni li jikkontribwixxu għat-taxxa tal-income minn dik tal-VAT, il-Ministru tal-Finanzi qed jiġbor aktar taxxa tal-income mit-taxxa tal-VAT rispettivament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi minħabba d-differenzi fit-tax base, kif ukoll fil-mod ta' kif tinħadem l-Income Tax u l-VAT dovuta minn kull taxpayer skond ir-rati applikabbli u l-istrutturi tat-taxxi rispettivi, jirriżulta li m'hemmx relazzjoni diretta bejn in-numru ta' dawk li jħallsu t-taxxi u l-ammonti ta' taxxi miġbura minn dawn iż-żewġ sorsi.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Air Malta żiedet it-taxxi b'xi madwar ewro? Minn meta bdiet din iż-żieda fit-taxxi u x'kienet il-kawża ta' din iż-żieda? Kemm se tiġbor l-Air Malta b'din iż-żieda?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant illi l-Air Malta ma tiċċarġjax taxxi. It-taxxi li jkunu nklużi fil-prezz tal-biljett huma imposti minn entitajiet oħra u japplikaw għal linji ta’ l-ajru kollha.
Ministeru tal-Finanzi, Ekonomija u l-Investiment — Mobile phones u fixed lines
Question
Jista' l-Ministru jinforma jekk hemmx xi impjegati tal-gvern, inkluż is-segretarjat tal-Ministru, li għandhom iktar minn mobile wieħed u aktar minn fixed line wieħed imħallas mill-gvern? Min huma dawn il-persuni u x'inhu l-ammont li tħallas kull xahar mill-2008 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qiegħda tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta ser tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-raguni li l-kumpannija, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ma ġietx mgħejjuna mill-Gvern biex tevita li jkun hemm tkeċċijiet tal-ħaddiema?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Enterprise avviċinat hi stess lil din il-kumpanija sabiex tara hemmx lok fejn tista’ tgħin. Saru numru ta’ laqgħat fejn il-kumpanijia ġiet mistiedna tfassal pjan ta’ investiment li imbagħad seta’ jservi biex jiġi stabbilit bażi ta’ għajnuna. Jidher li minkejja dan, il-kumpanija xorta għamlet id-deċiżjonijiet tagħha. Minn naħa tagħna, id-diskussjonijiet mistennija jkomplu.
Nieħu l-okkażjoni li nerġa’ ntenni lill-Onorevoli Interpellant, li l-Gvern igħin biss f’dawk is-sitwazzjonijiet fejn jidher li hemm prospetti ta’ sostenibbilita’ għal futur.