Jista' l-Ministru jgħid liema partijiet, (inkluż mill-foreshore) ta' Manoel Island għadhom propjeta' pubblika u ma jaqgħux taħt il-Konsorzju Midi jew entita' oħra?
Jista' jpoġġi pjanta fuq il-mejda tal-Kamra b'dawn id-dettalji?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab fil-kuntratt li sar bejn il-Gvern u l-Konsortzju kkonċernat li kopja tiegħu kienet mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra fis-7 ta' Lulju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħtieġa li l-kumpanija Solidbase Laboratory Ltd tqabbdet tagħmel xogħol fuq il-pont Manuel Dimech tul il-proċess li kien qiegħed jinbena mill-ġdid? Biex sar dan ix-xogħol, il-Ministeru ta' dan iż-żmien ħareġ sejħa għall-offerti u jekk fl-affermattiv, min kienu l-kumpanniji li tefgħu l-offerta tagħhom? Jekk fin-negattiv, min kien responsabbli biex ix-xogħol ingħata b'direct order? Kemm kien jammonta x-xogħol li sar mill-kumpannija in kwestjoni? F'dawn l-aħħar erba' snin, kemm-il biċċa xogħol ingħatat din il-kumpannjia mill-ministeru preċedenti u kemm kien jammonta l-ħlas totali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern dwar roti li qed jitwaħħlilhom mutur fuqhom? Hemm xi awtorita' li tara li dawn ir-roti b'mutur humiex safe għal min ikun qed isuqhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-vetturi li għalihom qed jitlob informazzjoni l-Onor Interpellant huma koperti mir-Regolamenti dwar ċikletti bil-pedali u muturi b'qawwa baxxa (A.L. 129 ta' l-2004)
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk ir-riforma tad-dazju fuq l-importazzjoni tinkludix ukoll riforma tad-dazju ta' l-importazzjoni fuq muturi b'żewġ u b'erba' roti? Din tinkludi wkoll muturi u magni li jintużaw fuq il-baħar minn dgħajjes, laneċ u speed boats?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xi żviluppi dwar it-talba li għamilt xi ġimgħat ilu biex f'ħinijet partikolari tal-ġurnata jkun hemm karozzi tal-linja li jitilqu minn ħdejn il-Knisja tal-Kapuċċini fix-Xemxija?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda tiddiskuti ma' l-Assoċċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku sabiex ikun hemm servizz li jitlaq mix-Xemxija għall-Belt Valletta fil-ħinijiet li jirriżulta li teżisti domanda.
Dawn id-diskussjonijiet huma mistennija li jiġu konklużi fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx il-ħsieb li s-sistema tad-drenaġġ fil-Baħrija tkun komunikata mal-mains jew li ssir waħda self sufficient fis-sens li jkun hemm xi forma ta' purifikazzjoni ta' l-imsemmi drenaġġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni qed taħdem fuq pjan biex tinstalla impjant żgħir ta' trattament tad-drenaġġ fil-Baħrija stess. Dan kif ħabbart fid-diskors tiegħi dwar l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlametari 1091 li saret lill-Ministru tal-Finanzi,l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet rriferuta lilu u jgħid kemm mill-budget allokat għat-toroq ġodda u għal irranġar ta' toroq għas-sena 2008 ġew komessi? Kemm tħallsu u x'baqa' x'jitħallas? Kemm hemm penalitajiet għal xogħol li sar ħażin jew tard?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1418 u 1249 u ċioe: Stante li minflok il-Mistra Village Complex se jitla' torri ġdid, u dan l-iżvilupp ta' bilfors se jkollu jerġa' jitfa' fuq l-agenda l-iżvilupp tat-triq minn ġo l-Imbordin ta' l-hekk imsejjaħ TEN-T Network, u stante li s-soluzzjoni għall-problema tax-Xemxija li jieħu wisq traffiku ġej u sejjer mill-Mellieħa u Għawdex, ma tistax tkun triq li i) tiġġenera iżjed tniġġis fil-Pwales,is-Simar u l-Imbordin ii) kontra l-liġi ta' l-EU għax tipperikola l-aquifer tal-Miżieb u iii) triq ġdida bħal din mhux se ttaffi l-vera problema tagħna cioe' dipendenza kbira fuq il-karozzi u trasport privat, jista' l-Ministru jgħid xi pjani għandu l-gvern fuq it-triq ta' l-Imbordin? Veru li l-gvern qed jikkonsidra li jitnaqqas l-użu tal-port taċ-Ċirkewwa b'ferry li jasal sal-port tal-Marsa (fejn is-Sea Malta)?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-proġett propost għall-bini ta’ by-pass fl-inħawi ta’ l-Imbordin, San Pawl il-Baħar hu fl-istadju ta ‘concept design’.
Din il-proposta trid tiġi iktar iddetaljata u jsir studji ta’ l-impatt ambjentali u konsultazzjoni skond ir-regolamenti qabel ma tittieħed id-deċisjoni dwar il-proġett kif propost.
Naturalment il-pjanijiet għad-domanda ta' traffiku fuq it-toroq li nibnu jieħdu, kif jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant , każ tal-kunsiderazzjonijiet għat-tnaqqis 'tad-dipendenza kbira fuq il-karozzi u trasport privat'.
Ninsab infurmat ukoll li L-Awtorita` Marittima m’għandha l-ebda pjanijiet sabiex il-Port il-Kbir jibda jintuża b’mod regolari għas-servizz ta`
ferry
bejn Malta u Għawdex sabiex jitnaqqas l-użu tal-port taċ-Ċirkewwa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1295 u jgħid issa li għaddew aktar minn sentejn mid-data mħabbra meta mistenni jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-kuntratt ma’ l-iżviluppaturi jorbothom ilestu dan il-piċċ fi żmien erba’ snin mill-ħruġ tal-permessi relattivi ta’ l-iżvilupp. Ninsab infurmat ukoll li l-MEPA qed fil-preżent tevalwa applikazzjonijiet għal dawn il-permessi.
Miżbla tal-Magħtab u Riċiklaġġ ta' Sant'Antnin — Residenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern biex residenti li jgħixu qrib il-miżbla tal-Magħtab u qrib l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin jingħataw sussidju speċjali mill-gvern fuq is-surcharge tal-kontijiet tad-dawl tagħhom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1451 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema nħawi f'Malta u f'Għawdex jirċievu ilma tax-xorb unikament mir-reverse osmosis plants u mill-aquifers? Liema nħawi f'Malta u f'Għawdex jirċievu ilma tax-xorb b'taħlita ta' ilma li ġej mir-reverse osmosis plants u mill-aquifers?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1465 li saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lili u jinvestiga l-każ ta' persuna li hija nieqsa mid-dawl u li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, sabiex ma tibqax tirċievi kontijiet tat-televiżjoni, meta hi diġa' nfurmat lill-entita' relattiva li t-televiżjonijiet ma jiffunzjonawx?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tad-dipartiment tat-12 ta’ Settembru 2006, b’risposta għar-rikjesta tiegħu bil-miktub tat 3 ta’ Settembru, fejn ġiet indikata il-proċedura meħtiega fil-każ tal-persuna indikata fil-mistoqsija.
Ma dana kollu jekk tippersisti xi diffikulta huwa ġentilment mitlub jagħmel kuntatt dirett mad-dipartiment biex jingħata servizz immedjat..
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1509 u jgħid jekk tlestiex ir-rapport li kellu jsir mill-ADT dwar dak li seta' tefa' l-proġett tal-pont Manwel Dimech lura fit-tlestija tiegħu u jekk ir-rapport huwa lest, jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 1514, jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux qed jinżebgħu is-sinjali tat-traffiku b'mod regolari fit-toroq arterjali bħalissa, fosthom fi Triq l-Imdina f'Ħal-Qormi? Jaf li f'dawn il-ġranet kien hemm inċident serju minħabba li ttajret persuna fuq pedestrian crossing fi Triq l-Imdina Qormi li ma kenitx qiegħda tidher fit-triq?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pedestrian crossings ta' Triq l-Imdina Ħal-Qormi se jkunu qed jinżebgħu mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jindikalna kemm hu l-perċentaġġ ta' trabi li twieldu f'pajjiżna f'dawn l-aħħar tliet snin (2005-2007) li għandhom imniżżel fuq iċ-ċertifikat tat-twelid tagħhom unknown father? (Vide pq 1421 Sitt 29)
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-perċentaġġ ta’ trabi rregistrati b’ unknown father huwa kif ġej:
2005 7.48%
2006 9.2%
2007 19.68%
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk it-tenders tax-xogħol marbut mat-toroq tal-villaġġ ta' Ta' Qali (Crafts Village) fil-fatt ġewx evalwati? Jekk iva, jista' jagħti tagħrif dwar jekk il-kuntratturi li se jagħmlu x-xogħol fil-fatt intgħażlux?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li s-seba' offerti sottomessi għax-xogħlijiet ta' toroq tal-villaġġ ta' Ta' Qali għadhom fil-proċess ta' evalwazzjoni teknika mill-kumitat maħtur apposta mid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti.
Jista' l-Ministru jindika:
i) kemm kien l-ammont ta' żewġijiet bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-1 ta' Ġunju 2008
ii) kemm kien l-ammont ta' annullamenti ċivili bejn l-1 ta' Jannar 2008 u l-1 ta' Ġunju 2008?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-ewwel ta’ Ġunju 2008 kien hemm sitt mija u erbgħa u erbgħin (644) żwieġ, waqt li n-numru ta’ Annullamenti Ċivili reġistrati fir-Reġistru Pubbliku bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-ewwel ta’ Ġunju 2008 huwa ta’ sebgħin (70).
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji dwar l-impatt ekonomiku u soċjali taż-żidiet fil-prezz tal-fuel u partikolarment tal-fatt li d-diesel issa sar jiswa iktar mill-petrol bla ċomb? F'każ li saru studji bħal dawn, jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.