Legislature:
Category:
Reset
Active:

Differenza fil-prezz tal-Fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi differenza fil-prezz tal-fuel mibjugħ Malta u dak mibjugħ f'Għawdex, u jekk fl-affermattiv, kemm hi din id-differenza u għall-liema raġuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-prezz tal-fjuwil mill-pompi għall-konsumatur kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex hu l-istess.

San Pawl il-Baħar — Mina

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-ADT għandhiex il-ħsieb li twettaq xi proġett ta' mina fl-inħawi ta' San Pawl il-Baħar/Xemxija, f'liema mina tkun tista' ssir triq? Jekk iva, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li ssir u x'konsultazzjoni saret jew għad trid issir dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress illi l-ħsieb hu etern nitlob l-Onor. Interpellant jillimita ż-żmien li qed jaħseb dwarhu !

Ġarr ta' passiġġieri fuq il-baħar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema regolamenti marbuta mal-ġarr ta' passiġġieri minn speed boats, luzzijiet u opri tal-baħar inbidlu jew se jinbidlu mill-1 ta' Jannar 2008 sal-lum? X'wassal għal dan it-tibdil?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li ma nbidel xejn !

Birżebbuġa Triq tal-Ġebel

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir bankina fi Triq tal-Ġebel , Birżebbuġa (il-parti ta' ħdejn l-flats tal-gvern)? Peress li m'hemmx din il-bankina, il-pubbliku qed ikollu jimxi fit-triq b'ħafna periklu.

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan ix-xogħol se jiġi nkluż mal-period contract li jmiss għall-istess lokalita'.

Ħemsija — Dawl tat-Triq RRanġat

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex id-dawl tat-triq bejn Ta' Ħemsija u r-roundabout Rabat/Attard/Żebbuġ li ilu maqtugħ diversi ġimgħat jiġi rranġat għaliex bil-lejl qed ikun ta' periklu kbir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT qed tara xi ħsarat hemm fid-dawl tal-imsemmija triq.

Ċirkewwa — Bankina

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fiċ-Ċirkewwa (bejn il-Marfa u ċ-Ċirkewwa) matul il-bankina kollha jsir xi forma ta' ilqugħ bejn il-bankina u l-blat biex jitnaqqas il-periklu għal dawk li jkunu qed jimxu fuq il-bankina?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT se tkun qed tevalwa t-talba tal-Onor. Interpellant.

ATP — Liċenzji tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed tieħu l-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku biex tassigura li dawk li għandhom fil-pussess tagħhom liċenzja tas-sewqan ikunu fiżikament u mentalment kapaċi jsuqu l-vettura tagħhom mingħajr periklu? Jista' jgħid jekk hux qed isiru testijiet mediċi per eżempju tal-vista b'mod partikolari fuq persuni anzjani?

Response (GATT, AUSTIN)

Hekk kif stipulat bil-Liġi dwar Vetturi bil-Mutur (Liċenżji tas-Sewqan) Kapitlu 65 (18) kull persuna li tapplika għall-liċenzja tas sewqan trid tippreżenta ċertifikat tat-tabib li jiggarantaxxi li l-persuna hija fiżkament u mentalment kapaċi biex issuq vetturi mingħajr periklu. Dan iċ-ċertificat jidiskrivi ukoll l-aspetti kollha li għandom x'jaqsmu mal-vista. F’każijiet ta’ persuni li jsuqu vetturi ta’ transport pubbliku, il-Liġi dwar Vetturi bil-Mutur (Liċenzji tas-Sewan) Kapitlu 65 (18) (46) tistipula li persuna li tkun awtorizzata ssuq vetturi tat-trasport pubbliku għandha tipproduċi ċertifikat mediku ta’ saħħa fiżika meta tagħlaq il-ħamsin sena, u kull ħames snin wara sakemm tagħlaq is-sittin sena. Wara dan, ic-ċertifikat mediku għandhu jigi muri kull sena qabel ma tiġġedded il-licenza tas-sewqan. F’kaz ta’ persuna li għalqet is-70 sena u kull ħames snin wara, din għandha wkoll tipproduċi ċertifikat tat- tabib li hija fiżikament u mentalment stabbli. L-Liċenzja tas-sewqan ma tingħatax u ma tiġix mġedda jekk il-persuna ma tippreżentax dan iċ-ċertifikat.

Tarġa Gap — Żjut

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu ż-żejt maħruġ li jidher fuq waħda mit-tappieri fil-ġenb tat-triq in-naħa t'isfel ta' Tarġa Gap, bejn il-Mosta u Għajn Rihana (Burmarrad) billi jidher li xi ħadd ma kellux fejn jarmi dan iż-żejt? Saret xi ħsara oħra barra dik li tidher fl-istess triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-każ qed ikun investigat.

BillBoards

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli mill-approvazzjoni ta' l-istampi fuq il-BillBoards? Jeżistu ċensura u regolamenti dwar x'tip ta' ritratti u stampi għandhom jitwaħħlu fuq il-billboards? X'għandu jagħmel ċittadin jekk xi stampa fuq xi billboard jħossha baxxa u li toffendi s-sentimenti tiegħu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Rapport tal-BAAI

Question

B'riferenza għar-rapport tal-BAAI li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra xi jiem ilu, billi hemm nota li xi ħadd għadda siltiet minn gazzetti kontra r-regoli, jista' l-Ministru jgħid lil min (mhux ismijiet) għadda dan ir-rapport qabel wasal il-Parlament ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jispiega li jekk ma jixtieqx jisma ismijiet, kif jixtieq li tkunlu kommunikata t-tweġiba li jixtieq?

Kumpanija MIDI

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 1396 u 1052, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid kemm huwa t-total ta' art li ngħatat il-kumpanija MIDI u kemm minn din l-art kellha tinbena ma' l-iffirmar tal-kuntratt oriġinali? Kemm-il darba ġie emendat dan il-kuntratt u x'kundizzjonijiet ġodda ġew introdotti fuq il-kuntratt oriġinali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Resident Parking Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-lokalitajiet li għandhom resident parking scheme?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ADT approvat skemi ta' dan it-tip f'dawn il-lokalitajiet: Mellieħa, Pieta’, Ħamrun, San Ġwann, San Pawl il-Baħar, Floriana, Mosta, Sliema, Iklin, Swieqi, Msida, San Ġiljan, Naxxar, Santa Venera, Balzan, Birgu, Ta’ Xbiex , Rabat Għawdex u Fontana Għawdex.

Surcharge

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1496 u 1689 u jgħid kemm kien l-ammont ta' surcharge fuq il-konsum ta' l-elettriku miġbur mill-EneMalta matul is-sena 2007? Kemm kien is-surcharge fuq il-konsum ta' l-ilma miġbur mill-WSC għall-istess perijodu? Dan is-surcharge hu inkluż fid-dħul ordinarju tal-korporazzjonijiet rispettivi għas-sena 2007?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-ammont ta' surcharge fuq il-konsum ta' l-elettriku miġbur mill-EneMalta matul is-sena 2007 huwa ta’ € 51,811,339 u s-surcharge fuq il-konsum ta' l-ilma miġbur għall-istess EneMalta matul is-sena 2007, huwa ta’ € 9,118,701. Is-surcharge kollu huwa inkluż fid-dħul ordinarju tal-Enemalta.

Żejtun/Delimara — Irranġar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex jitranġaw t-toroq li miż-Żejtun jgħaddu għal Delimara biex tagħmilha possibbli li ċittadini kuxjenżjużi jkunu jistgħu jagħmlu passiġġati fil-kampanja jew imorru dawra bir-rota u li t-turisti kuxjenzjużi jagħmlu ġiti ta' ekoturiżmu f'dawn l-inħawi sbieħ?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Irranġar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjani biex titranġa Triq il-Foss bejn il-Mina ta' Hompesch, f'Haz-Zabbar u Vjal l-Kunsill ta' l-Ewropa, fil-Fgura ħalli t-traffiku għall-Kottonera jkun jista' jgħaddi b'iktar faċilita' minn hemm flok jiġġammja fi Triq il-Labour, f'Zabbar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabbadt lill-ADT tistħarreġ x'miżuri jistgħu jittieħdu biex titnaqqas il-konġestjoni fiż-żona indikata.

Zabbar/Zejtun — Irranġar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx pjani biex titranġa l-parti diżastruża ta' Triq S. Gużepp bejn Triq A. Cachia Zammit fiż-Żejtun u Triq Villabate f'Haż-Żabbar ħalli jiġi faċilitat t-traffiku li jixtieq imur Marsaskala?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 200.

M'Scala By Pass — Tender għall-bini

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta' applikazzjoni tat-tender għall-bini mill-ġdid tal-bypass ta' M'Scala?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-evalwazzjoni teknika ta’ l-offerti għar-rikostruzzjoni tal-Bypass ta’ Marsaskala, ġew kkonklużi u issa ser jinfetħu l-offerti finanzjarji.