Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direct Orders

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7488, jista' l-Ministru jispeċifika għal liema xogħol ingħatat id-direct order ta' €351, 828.00 lil Galaxy Limited; € 344,560 lil SG Solutions Limited u dik ta' €365,000,00 lil Nuctech Hong Kong Co. Ltd?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi kif mogħtija hawn taħt: v Ix-xogħol li ngħata b' direct order ta' €351, 828 lil Galaxy Limited fi Frar 2008 kien għal 15 il-miljun bolla tas-sisa għall-pakketti tas-sigaretti ( tobacco excise stamps ). Din id- direct order saret biex tkopri l-bżonn immedjat għal dawn il-bolol sakemm sussegwement ġie finalizzat il-proċess, li dak iż-żmien kien għadu għaddej u li ġie ffinalizzat ftit tax-xhur wara, ta' period contract tender tad-Dipartiment tal-Kuntratti , liema tender kienet taħseb għal kwantita' minima ta' 30 miljun bolla kull sena fuq medda ta' erba snin. v Ix-xogħol li ngħata permezz ta' żewġ direct orders f'Novembru 2008 , kollettivament ta' €344,560 lil SG Solutions Limited, kien waħda għal proviżżjoni ta' tisħiħ għas-sistema diġa' eżistenti tat-TARIC database sabiex tinkorpora l-informazzjoni loġika dwar il-quota, u l-oħra għax-xiri ta' Tariff Quota System li taħdem flimkien mal-ewwel sistema msemmija . SG Solutions Limited huma l-aġenti f'Malta ta' Bull Limited , li huma l-produtturi tas-sistema msemmija. v Il-kuntratt ma’ Nuctech Company Ltd hu forma ta’ operating lease fuq medda ta’ tmien snin għal €365,000 fis-sena għall-provvista ta’ mobile container x-ray scanner biex jintuża mid-Dipartiment tad-Dwana. Dan il-kuntratt għandu s-sapport tal-Gvern Ċiniż taħt il-ftehim bilaterali Agreement on Cooperation between the Government of Malta and the Government of the People’s Republic of China Against Illicit Traffic in and Abuse of Narcotic Drugs and Psychotropic Substances.

Kumpanniji / persuni biex jiġbru l-Eko Taxxa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jew kumpanniji li huma reġistrati li suppost jiġbru jew iħallsu l-eko taxxa lill-Gvern? Jista’ jgħid x’kontroll jagħmel id-dipartiment konċernat ħalli jassigura li ma jsirux abbużi? Kemm inqabdu dawk li suppost kienu qed jiġbri l-eko taxxa iżda ma kinux reġistrati minn meta ddaħħlet din it-taxxa sal-lum? Isiru spezzjonijiet? Jekk fl-affermattiv kemm hemm persuni inkarigati minn dan ix-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum hemm elf tmien mija u tlettax (1,813) -il persuna jew kumpaniji li huma reġistrati għall-fini ta’ l-Eko Kontribuzzjoni. Id-Dipartiment tal-VAT jagħmel spezzjonijiet kontinwi fil-postijiet tan-negozju kif ukoll jitlob u jispezzjona l-kotba tan-negozji biex jassigura li min hu dovut jiġbor u jħallas l-Eko Kontribuzzjoni jagħmel dan f’waqtu. Id-Dipartiment tal-VAT ma jżommx rekord ta’ kemm persuni ikunu mġiegħla mid-Dipartiment stess sabiex jirreġistraw. Pero’, każijiet bħal dawn ikun hemm madwar ħamsa fil-ġimgħa. Sitt persuni oħra naqqsu li jobdu lid-Dipartiment u jirreġistraw minn jeddhom u għaldaqstant, id-Dipartiment tal-VAT, bħala l-Awtorità Kompetenti, għamlilhom reġistrazzjoni forzata skond il-liġi. Spezzjonijiet isiru regolarment u d-dipartiment għandu tmien spetturi li jispezzjonaw negozji matul il-ġranet tal-ġimgħa sabiex jassiguraw li l-obbligi li jitolbu l-liġijiet tal-VAT u ta’ l-Eko Kontribuzzjoni jiġu osservati. Barra minn dawn hemm tliet spetturi oħra li huma dettaljati biex jagħmlu xogħol speċifikament full-time fuq l-Eko Kontribuzzjoni.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku

Question

Tul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reklutati impjegati ġodda mal-kumpanniji b'investiment pubbliku li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu? Jista' jagħti t-tagħrif kumpannija kumpannija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Self employed

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9291 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm huma dawk is-self employed li jaqilgħu sa €8,840 fis-sena ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2007 kien hawn total ta’ 11,855 taxpayers li ddikjaraw dħul sa € 8840 bħala self-employed.

Awtorità ta' Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji — Bank Ċentrali ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-responsabbiltajiet li għaddew mill-Bank Ċentrali ta' Malta lill-Awtorità ta' Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji fir-rigward tar-regolamenti bankarji: a) mat-twaqqif tal-Awtorità ta' Malta dwar is-Servizzi Finanzjarji? b) mas-sħubija fl-Unjoni Ewropea? ċ) mad-dħul fiż-Żona Ewro?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi: a) Fl-1 ta’ Jannar ta’ l-2002 ir-responsabbilitajiet kollha tal-Bank Ċentrali ta’ Malta f’dak li jirrigwarda ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur bankarju f’Malta ġew trasferiti għand l-Awtorita’ ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjari. Dan sar billi il-Ministru tal-finanzi ta’ dak iż- żmien, apponta lil-Awtorita’ bħala l-Awtorita’ Kompetenti għall-finijiet kemm ta’ l-Att Bankarju kif ukoll ta’ l-Att dwar Istituzzjonijiet Finanzjarji. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta baqa’ jzomm ir-responsabbilita’ għat-tħaris ta’ l-istabbilita’ finanzjarja kif kien u għadu pprovdut fl-Att dwar il-Bank Ċentrali ta’ Malta. b) Mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea l-ebda responsabbilitajiet tal-Bank Ċentrali ta’ Malta ma ġew mgħoddija lill-Awtorita’ ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjari. c) Id-dħul fiż-Żona Ewro wkoll ma kienx jirrikjedi li xi responsabbilitajiet tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jgħaddu għand l-Awtorita’ ta’ Malta dwar is-Servizzi Finanzjari. Għall-kuntrarju, id-dħul fiż-Żona Ewro kompla zied aktar responsabbilitajiet fuq il-Bank Ċentrali ta’ Malta f’dawk l-attivitajiet li jirrigwardjaw l-operat finanzjarju w ekonomiku f’din iż-Żona.

trade marks u patents

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' trade marks u patents li ġew reġistrati mad-diviżjoni konċernata kull xahar minn April 2008 sa April 2009? Kemm minn dawn saru minn Maltin, minn ċittadini li ġejjin mill-Unjoni Ewropea jew minn pajjiżi oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Annex 1 u Annex 2 li huma listi ta’ trademarks u patents li ġew reġistrati mad-Diviżjoni. Minn meta Malta issieħbet mal-UE f'Mejju ta 2004, din saret ukoll tagħmel parti mill 'Office for Harmonisation in the Internal Market (OHIM)' li hija l-entita responsabli għar-reġistrazzjoni ta’ trademarks fl-UE. Għalhekk dan l-uffiċċju ra tnaqqis sostanżjali fl-ammont ta’ trademarks li kienu qed jiġu sottomessi hawn Malta, peress li permess ta’ applikazzjoni waħda mall- OHIM wieħed jista’ jikseb protezzjoni għat- trademark fis-27 stat membru tal-UE. Ta’ min isemmi ukoll li f'Marzu 2007 Malta issieħbet mal-European Patent Convention u b’hekk saret membru tal European Patent Office (EPO). Permess ta’ dan, persuna jew entrapriża li tixtieq protezzjoni tal-invenzjoni tagħha f''numru ta’ pajjiżi membri tal -EPO (li b’kollox dawn huma 38) jista’ jitfa applikazzjoni waħda u jekk din tiġi aċċettata mill-EPO, l-applikant jakwista protezzjoni f'dawk il pajjiżi fejn hu jkun jixtieq. B’hekk dan l-uffiċċju esperjenza tnaqqis fin-numru ta’ applikazzjonijiet għal patents li jiġu sottomessi dirett f'dan l-uffiċċju.

Għawdex — esportazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9001 u jgħid kemm ġie esportat fi flus minn fabbriki li qed joperaw f’Għawdex fl-ewwel erba’ xhur ta’din is-sena? Kemm kienu l-ammonti fl-istess żmien f’2007 u 2008 separatament? Liema prodotti ġew esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9001.

Xewkija — Micro-enterprise park

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9042 u jgħid x’sar s’issa fuq il-proġett għall-bini ta micro-enterprise park fi Triq il-Madonna tar-Rummiena fix-Xewkija Għawdex? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi saret applikazzjoni lil MEPA u qed tkun studjata il-possibbilta` li jiżdiedu aktar postijiet fl-istess żona. Barra minn hekk qed isiru xi tibdiliet fil-pjanti li eventwalment wieħed ikun jista’ jara liberament għand il-MEPA.

Inċentivi fiskali — nisa fid-dinja tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlametari 9368, 8974 u 8603 li oriġinarjament saru lill-Ministru għall-Politika Soċjali u li issa ġew riferuti lilu u jgħid x'inċentivi fiskali ġew introdotti mill-Gvern fl-aħħar ħames snin għan-nisa biex jiġu inkoraġġuti jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jagħti d-detallji ta' kull skema separatament? Jista' jgħid meta kull inċentiv/skema ġiet imħabbra u meta kull waħda daħlet fis-seħħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Santa Venera — Consumer and Competition Division - każi ta' sexual haressment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ ta' sexual haressment kien hemm mill-2007 sal-lum fil-Consumer and Competition Division f'Santa Venera u jekk kien hemm, x'passi ttieħdu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ħamis, 18 ta’ Ġunju 2009, terza persuna allegat każ ta’ sexual harassment li beda jiġi nvestigat minnufih. Iżda, s’issa m’hemm l-ebda rapport mill-allegat vittma. Qabel dan ma ġie rrappurtat l-ebda każ ta’ sexual harassment . Izda, irrid ngħid ukoll li wara li fil-ġimgħat li għaddew terzi persuni allegaw li seta’ kien hemm każ ieħor bħal dan, ittieħdet azzjoni mmedjata sabiex jiġu stabbiliti l-fatti. Il-persuna ndikata bħala l-allegata vittma la rrappurtat xi ħaġa bħal din u l-anqas ma’ xtaqet tibdel ix-xogħol tagħha għaliex sostniet li hija ma kienet suġġetta għall-ebda sexual harassment u li kienet kuntenta f’xogħolha.

għajununa lill-kumpanniji tal-manifattura

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi arranġamenti li kien laħaq il-Gvern ma' ċerti kumpanniji fil-manifattura li skadew? Jekk kien hemm xi arranġamenti li skadew, kif baqgħet is-sitwazzjoni ta' l-impjieg f'dawn il-kumpanniji u kienx hemm talbiet biex l-għajnuna tiġġedded għall-perijodu itwal? Jekk l-ebda ftehim ma skada, meta se jibdew jiskadu dawn l-arranġamenti? Il-Gvern għandu xi talbiet mill-ġdid mill-kumpanniji li diġa' kienu mgħejjuna biex jitwal il-perijodu ta' għajnuna? Kien hemm attwalment kumpanniji ġodda li qed ifittxu għajnuna finanzjarja jew ta' xorta oħra mill-Gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi b’kollox 26 kumpaniji avviċinawna biex nassistuhom fil-pjanijiet tagħhom biex jegħlbu l-effetti tas-sitwazzjoni ta’ ricessjoni fid-dinja. Il-Korporazzjoni Malta Enterprise ħarġet sitt Letters of Intent lill-kumpaniji biex tassistihom fl-investimenti tagħhom. Dawn is-sitt kumpaniji ikkommettew ruħhom li jinvestu kważi 13-il miljun Ewro u jżidu l-impjiegi b’aktar minn 200 impjegat bejn Novembru 2009 u Diċembru 2010. Dawn il-kumpaniji bejniethom bħalissa jħaddmu ‘il fuq min 1,800 ħaddiem fuq bażi full-time . Ħames kumpaniji oħra issottomettew il-pjani tagħhom u fil-preżent qegħdin jiġu evalwati. Tmien kumpaniji oħra għad iridu jiddeċiedu jekk jissottomettux il-proposti tagħhom jew inkella qegħdin jippreparaw id-dokumenti bil-proposti tagħhom. Seba’ kumpaniji ma kellhomx pjanijiet li jaqaw fil-parametri mifthema rigward assistenza in konnessjoni mar-riċessjoni preżenti. Ma kien hemm ebda kumpanija li talbet biex jiġi estiż il-ftehim aktar minn dak li kien miftiehem. L-ebda arranġament ma skada mid-data miftehma u l-iskadenzi huma differenti għal kull kumpanija.

Ħwienet li jbigħu lottu, tombla u super-five

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħwienet li jbiegħu lottu, tombla, super-five eċċ.? Kemm hemm minn dawn l-ħwienet f'Malta u f'Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi preżentament hemm 216 lottu booths. Fost dawn 207 lotto booths jinsabu Malta waqt li 9 lotto booths qegħdin Għawdex.

Ħwienet tal-kaxxi tal-logħob

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħwienet viċin skejjel jistgħux jżommu kaxxi tal-logħob għall-flus? Kemm jrid ikun bogħod minn skola, ħanut/bar/restaurant biex ikollu minn dawn il-kaxxi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1932.

Magni tal-logħob fil-casinos

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 9370, 9245, 8833, 8637, 8431, 8276, 8118, 7523, 7294, 6957 u 6692 u jgħid għal kemm tammonta ċ-ċifra totali li l-Gvern idaħħal kull sena mill-magni tal-logħob li hemm allokati fl-erba' casinos li hawn f'Malta, jiġifieri gaming tax, income tax fuq il-kumpanniji, taxxi fuq il-qligħ, kontribuzzjonijiet soċjali ta' l-impjegati eċċ.? Kemm-il persuna jimpjegaw l-erba' casinos f'pajjiżna? Jikkonferma li hawn madwar 12,000 magna tal-logħob simili għal dawk li hemm fil-casinos imxerrdin fi ħwienet tal-logħob li qegħdin jinbtu f'kull belt u raħal ta' Malta? Il-kondizzjonijiet għall-permessi għall-ftuħ ta' casinos f'pajjiżna jinkludu sbarrament ta' l-età, biex wieħed jidħol u jilgħab irid ikun għalaq 25 sena, self barring li jorbot għall-casinos kollha, skrutinju dettaljat tal-flejjes li jidħlu u joħorġu kif ukoll preżenza ta' uffiċjali responsabbli għas-setturi tal-gambling, taxxa, eċċ. Jista' jispjega jekk l-operaturi ta' dawn il-magni tal-logħob (mhux casinos) għandhomx l-istess regolamenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2008 u 2007 il-Gvern daħħal €6.1 miljun u €6.9 miljun rispettivament bħala gaming tax fuq il-magni tal-logħob li hemm allokati fl-erba’ casinos liċenzjati mill-Awtorita tal-Lotterija u Logħob (LGA). Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ income tax fuq il-kumpaniji, taxxi fuq il-qligħ, kontribuzzjonijiet soċjali ta' l-impjegati, il-Gvern daħħal €2,359,752 fl-2007 u €2,518,058 fl-2008. In-numru ta’ impjegati li jaħdmu mal-erba’ casinos f’Malta, in-numru sal-lum hu ta’ 719 persuna. Fl-aħħar xhur, il-Gvern flimkien ma’ l-Awtorita’ li tirregola l-l-ogħob, kien għaddej bi proċess ta’ reviżjoni tal-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-settur tal-logħob land-based. Din ir-reviżjoni, li waslet lejn l-aħħar tagħha, tinvolvi bidliet f’regolamenti u liġijiet eżistenti, kif ukoll introduzzjoni ta’ liġijiet u regolamenti ġodda. Il-proposti ser jagħmlu possibbli li dawk l-aspetti li ma kienux kontemplati taħt il-liġijiet preżenti, jkunu nklużi. Kif diġa ħabbarna, filwaqt li l-proposti ser jgħidu kif l-industrija għandha tiġi regolata, dawn ukoll ser jinvolvu ukoll kif il-ġugatur u l-operatur għandhom jaħdmu sabiex ikollna logħob ġust u trasparenti. L-eta minima, post, riklamar, kif ukoll l-ammont ta’ magni ġewwa kull stabbiliment, huma ftit mill-aspetti li ser ikunu regolati. Il-protezzjoni tal-minuri u ġugaturi vulnerabbli huma ukoll priorita’ għall-Awtorita u għalhekk ser ikun hemm enfazi speċjali għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-obbligu tal-operatur li jara li persuni taħt l-eta minima ma jitħallewx jidħlu ġewwa l-istabbiliment, kif ukoll li l-obbligi lejn persuni li volontarjament ikunu jridu li ma jitħallewx jilgħabu, jiġi mħarsa. Il-Gvern huma kommess li ma jħalli lill-ħadd jopera b’mod illegali, anki jekk kien hemm min ħa vantaġġi minn ċerti aspetti legali li ma kienux ċari. Filwaqt li meta jidħlu fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda, kull liċenzja tkun suġġetta għal-skrutinju mill-Awtorita’, preżentament, il-Gvern ta’ struzzjonijiet lil diversi entitajiet sabiex minnufih jagħlqu dawk il-ħwienet li m’ghandhomx permessi u għalhekk huma illegali.

Entitajiet Għawdxin — National Lotteries Good Causes Fund

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-entitajiet Għawdxin li applikaw fl-iskema tal-National Lotteries Good Causes Fund ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi sal-lum kien hemm 23 entità Għawdxija li applikaw għal finanzjament mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fl-2009.

National Lotteries Good Causes Funds — Entitajiet għawdxin li ħa jibenefikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk l-entitajiet Għawdxin li ser jibenefikaw din is-sena min National Lotteries Good Causes Funds?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9608.

National Lotteries Good Causes Funds — entitajiet li ha jibenefikaw minnha

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-entitajiet Għawdxin li ser jibenefikaw min National Lotteries Good Causes Funds ta' din is-sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lil-Onor. Interlpellant illi wara li ġew ikkunsidrati l-applikazzjonijiet kollha ta’ l-ewwel żewġ kwarti tas-sena, l-entitajiet Għawdxin li ser ikunu qed jibbenefikaw mill-Fond tal-Kawżi Ġusti huma t-tnejn, u cioe’ l-Victoria International Arts Festival Foundation u l-Legion of Mary.

National Lotteries Good Causes Funds — kriterji għal benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji ġew magħżula l-entitajiet li ser jibbenefikaw min National Lotteries Good Causes Funds?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-entitajiet li ser jibbenefikaw mill-Fond għall-Kawżi Ġusti ġew magħżula fuq il-kriterji tal-linja gwida li ħareġ il-Kumitat għall-Fond tal-Kawżi Ġusti f’Jannar ta’ din is-sena.

Għaqdiet mhux governattivi — fondi

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam soċjali u li ngħataw fondi s-sena l-oħra? Kemm flus ingħataw? Liema huma dawk l-għaqdiet li se jibbenefikaw mill-fondi din is-sena u kemm se jingħataw flus?

Response (FENECH, TONIO)

Għall-ewwel parti tal-mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5503. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika x’informazzjoni qed jitlob.

Ħal Ferħ — Complex - offerti għax-xiri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew sottomessi offerti għax-xiri tal- Ħal Ferħ Complex? Min minn ġew sottomessi dawn l-offerti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ġiet sottomessa offerta waħda għax-xiri tal-ex-Kumpless ta' Ħal-Ferħ f'Għajn Tuffieħa, minn Island Hotels Group Ltd.